26.1.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 22/38
Rikors imressaq fit-30 ta' Novembru 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Ellenika
(Kawża C-541/07)
(2008/C 22/67)
Lingwa tal-kawża: Il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentant: M. Patakia)
Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika
Talbiet tar-rikorrenti
—
tiddikjara li r-Repubblika Ellenika,billi tipprojbixxi, b'digriet tal-Ministru tat-Trasport tat-3 ta' Marzu 2004, Nru 12078/1343, kif interpretat fuq il-bażi taċ-ċirkulari tat-28 ta' Lulju 2004, Nru 45007/4795 maħruġa mid-Dipartiment għas-Siġurtà fuq it-toroq u ta' l-ambjent, it-twaħħil in ġenerali mal-ħġieġ tal-vetturi bil-mutur ta' stikers għall-ħġieġ legalment immanifatturati u/jew mibjugħa fis-suq ta' Stati Membri oħra ta' l-Unjoni Ewropea, kisret l-obbligi li għandha fis-sensi ta' l-Artikoli 28 u 30 tat-Trattat KE.
—
tikkundanna lir-Repubblika Ellenika tbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
1.
Fuq ilment, il-Kummissjoni eżaminat il-leġiżlazzjoni Griega li tipprojbixxi li jiġu jitwaħħlu stikers għall-ħġieġ mal-windscreen u in ġenerali fuq mal-ħġieġ tal-vetturi bil-mutur.
2.
Il-Kummissjoni tqis li l-projbizzjoni in kwistjoni ma taqax taħt l-iskop ta' applikazzjoni tad-Direttiva 92/22/KEE, kif emendata bid-Direttiva 2001/92/KE u li, fin-nuqqas ta' armonizzazzjoni fuq livell Komunitarju, għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta' l-Artikoli 28 u 30 KE.
3.
Din il-projbizzjoni tirriżulta f'miżura ta' effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva tal-moviment liberu tal-merkanzija, kuntrarja għad-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu 28 KE, billi, fil-fatt, tikkostitwixxi ostaklu għall-kummerċ fil-Greċja ta' tali stikers, li jiġu legalment immanifatturati u mibjugħa fis-Stati Membri l-oħra.
4.
Barra minn dan, il-Kummissjoni tosserva li l-awtoritajiet Griegi ma rnexxilhomx iressqu provi suffiċjenti tal-fatt li l-provvediment kien iġġustifikat u fl-istess ħin proporzjonali.
5.
B'mod partikolari, ma ġiex ippruvat li jeżistu kriterji sabiex jiġi aċċertat, fl-iżvolġiment tal-verifiki, jekk l-istikers in kwistjoni jissodisfaw rekwiżiti minimi stabbiliti, kif jaffermaw l-awtoritajiet Griegi.
6.
Għaldaqstant il-Kummissjoni tqia li d-dispożizzjoni leġiżlattiva eżaminata tikkostitwixxi ksur ta' l-Artikolu 28 KE, li ma jistax jiġi ġġustifikat fuq il-bażi ta' l-Artikolu 30 KE u lanqas abbażi tal-motivi imperattivi ta' interess pubbliku, fis-sens tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej.
Full & Egal Universal Law Academy