23.2.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 51/35
Talba għal deċiżjoni preliminari magħmula mis-Sofiyski Gradski Sad fl-4 ta' Diċembru 2007 — Apris-Hristovich EOOD vs Lakorda AD
(Kawża C-545/07)
(2008/C 51/57)
Lingwa tal-kawża: Il-Bulgaru
Qorti tar-rinviju
Sofiyski Gradski Sad, il-Bulgarija
Partijiet fil-kawża prinċipali
Rikorrenti: Apris-Hristovich EOOD
Konvenuta: Lakorda AD
Domandi preliminari
1)
Kif għandhom jiġu interpretati u ddefiniti l-kunċetti ta' “trasferiment permanenti” u ta' “trasferiment temporanju” għall-finijiet ta' l-istabbiliment:
—
ta' l-eżistenza ta' estrazzjoni skond it-tifsira ta' l-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva Nru 96/9/KE (1) minn database elettronikament aċċessibbli,
—
ta' l-istadju meta għandu jiġi aċċettat li hemm estrazzjoni skond it-tifsira ta' l-Artikolu 7(2)(a) tad-Direttiva Nru 96/9/KE minn database elettronikament aċċessibbli,
—
ta' l-importanza, fl-evalwazzjoni ta' l-estrazzjoni, tal-fatt li l-kontenut tad-database, hekk estratt, ikun serva għall-ħolqien ta' database ġdida modifikata?
2)
Liema kriterju għandu jiġi applikat fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta' “estrazzjoni ta' parti sostanzjali valutata b'mod kwantitattiv”, jekk id-databases jiġu diviżi fi gruppi differenti u użati f'sotto-gruppi separati li huma prodotti kummerċjali awtonomi? Għandu jintuża bħala kriterju l-volum tad-databases fil-prodott kummerċjali kkunsidrat fl-intier tiegħu jew il-volum tad-databases fis-sotto-grupp ikkonċernat?
3)
Fl-interpretazzjoni tal-kunċett ta' “parti sostanzjali valutata b'mod kwantitattiv”, għandha tittieħed bħala kriterju ċ-ċirkustanza li d-data ta' ċertu tip, li huwa allegat li kienet ġiet estratta, ittieħdet mill-awtur minn oriġini li ma tkunx aċċessibbli għal kulħadd u li, minħabba f'hekk, il-provvista tagħha setgħet issir biss proprju permezz ta' l-estrazzjoni tagħha mid-databases ta' l-awtur?
4)
Liema kriterji għandhom jiġu applikati sabiex tiġi stabbilita l-eżistenza ta' l-estrazzjoni minn database aċċessibbli elettronikament? Jekk d-database ta' l-awtur għandha struttura speċifika, noti, referenzi, ordnijiet, oqsma, hyperlinks u testi ta' kitba u jekk dawn ikunu fid-database ta' min għamel l-allegat ksur, jista' wieħed jinterpreta dan l-istat ta' fatt bħala indikazzjoni ta' estrazzjoni? F'din l-evalwazzjoni, għandu jkollhom rilevanza l-istrutturi oriġinali differenti ta' l-organizzazzjoni taż-żewġ databases?
5)
Il-programm/sistema ta' l-informatika għall-ġestjoni ta' database għandu rilevanza fid-determinazzjoni ta' l-eżistenza ta' estrazzjoni meta dan ma jifformax parti mid-database?
6)
Safejn, skond id-Direttiva Nru 96/9/KE u l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, “parti sostanzjali tad-database valutata b'mod kwantitattiv u kwalitattiv” hija marbuta ma' investiment sostanzjali għall-ksib, il-verifika jew il-preżentazzjoni tad-database, kif għandhom jiġu interpretati dawn il-kunċetti fir-rigward ta' l-atti normattivi u individwali, aċċessibbli għall-pubbliku, li jkunu adottati mill-awtoritajiet eżekuttivi ta' l-Istat, kif ukoll fir-rigward tat-traduzzjonijiet uffiċjali tagħhom u tal-ġurisprudenza?
(1) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 96/9/KE, tal-11 ta' Marzu 1996, dwar il-protezzjoni legali ta' databases (ĠU L 77, 27.3.1996).
Full & Egal Universal Law Academy