23.2.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 51/35
Rikors imressaq fis-7 ta' Diċembru 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika tal-Polonja
(Kawża C-547/07)
(2008/C 51/58)
Lingwa tal-kawża: Il-Pollakk
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: D. Recchia u K. Herrmann, mandatarji)
Konvenuta: Ir-Repubblika tal-Polonja
Talbiet
—
tikkonstata li billi ma kklassifikatx bħala żoni ta' protezzjoni speċjali għall-għasafar (ŻPS) iż-żoni kollha li, wara li ġew applikati kriterji ornitoloġiċi, jidhru li huma l-iktar adattati għall-konservazzjoni ta' l-ispeċi ta' l-għasafar, ir-Repubblika tal-Polonja naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 4(1) u (2) tad-Direttiva tal-Kunsill 79/409/KEE (1), tat-2 ta' April 1979, dwar il-konservazzjoni ta' l-għasafar selvaġġi,
—
tikkundanna lir-Repubblika tal-Polonja għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-Repubblika tal-Polonja kienet marbuta tinnonima żoni ta' protezzjoni speċjali għall-għasafar fi żmien l-adeżjoni tagħha ma' l-Unjoni Ewropea.
F'Diċembru ta' l-2004, inventarju ornitoloġiku intiż għall-konservazzjoni ta' l-għasafar b'rilevanza Ewropea ġie ppubblikat fil-Polonja (IBA 2004); din il-lista rrikonoxxiet 140 żona essenzjali għall-protezzjoni ta' l-għasafar fuq il-bażi ta' kriterji ornitoloġiċi.
15-il żona fost dawk inklużi fil-lista IBA 2004 ma ġewx ikklassifikati mir-Repubblika tal-Polonja bħala ŻPS u l-awtoritajiet Pollakki ma ppreżentaw l-ebda analiżi xjentifika li tiġġustifika dan in-nuqqas ta' klassifikazzjoni.
Barra minn hekk, l-erja ta' 8 ŻPS hija iżgħar minn dik li tidher fil-lista IBA 2004; konsegwentement, barra l-limiti ta' dawn iż-ŻPS, jinsabu territorji li, skond l-IBA 2004, huma l-iktar adattati biex jiġu kklassifikati bħala ŻPS.
Fl-aħħar, f'Settembru ta' l-2007, l-awtoritajiet Pollakki, mingħajr ma nnotifikaw lill-Kummissjoni, naqqsu l-erja ta' 5 zoni nnominati bħala ŻPS, ħaġa li għandha impatt kbir fuq il-protezzjoni ta' l-għasafar.
(1) ĠU L 103, p. 1.
Full & Egal Universal Law Academy