26.1.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 22/38
Rikors ippreżentat fl-10 ta' Diċembru 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika Ellenika
(Kawża C-548/07)
(2008/C 22/68)
Lingwa tal-kawża: Il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: M. Patakia u M. van Beck)
Konvenutai: Ir-Repubblika Ellenika
Talbiet
—
tiddikjara li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond id-Direttiva 96/34/KE (1) dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta' ETUC, b'mod partikolari skond il-klawżoli 1(2), 2(1) u (3)(b), 2(3)(e) u (f), 2(4) u (6) tal-ftehim qafas, anness ma' din id-Direttiva.
—
tordna lir-Repubblika Elleniku tbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
1.
Il-Kummissjoni wara li eżaminat kumplessivament il-leġiżlazzjoni Griega li ttrasponiet, fis-sistema legali Griega, id-Direttiva 96/34/KE dwar il-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri konkluż mill-UNICE, CEEP u ta' ETUC, stabbiliet li t-traspożizzjoni ma kinitx kompluta u korretta fir-rigward ta' klawżoli speċifiċi ta' l-imsemmi ftehim qafas li ġie implementat permezz ta' l-imsemmija Direttiva, fir-rigward tal-ħaddiema tal-flotta merkantili.
2.
B'mod partikolari, il-leġiżlazzjoni Griega in kwistjoni li tirratifika l-ftehim kollettivi tas-settur għandha kamp ta' applikazzjoni limitat, peress li ma tapplikax għall-ħaddiema kollha tal-bastimenti merkantili.
3.
Minbarra dan, sabiex id-dritt tal-leave tal-ġenituri jiġi rikonoxxut lil dawn il-ħaddiema, jeħtieġ, skond il-leġiżlazzjoni Griega, li jiġu ssodisfatti, minbarra l-kundizzjonijiet stabbiliti mill-imsemmija Direttiva, anki l-kundizzjonijiet l-oħra li ġejjin:
—
servizz ta' tnax-il xahar fuq l-istess bastiment,
—
ekwipaġġ ta' mill-anqas 30 persuna fuq dan il-bastiment,
—
prova tal-fatt li l-konjugu l-ieħor jaħdem;
—
kwalifikazzjoni tad-dħul lura mill-leave tal-ġenituri bħala kuntratt ġdid ta'imbark u perijodu ta' xogħol minimu mitlub ex novo ta' 6 jew 7 xhur;
—
ħlas min-naħa tal-baħri ta' l-ispejjeż sabiex jintbagħat is-sostitut tiegħu;
—
applikazzjoni ta' l-imsemmija leġiżlazzjoni nazzjonali esklużivament għall-kuntratti ta' imbark konklużi wara d-dħul fis-seħħ tal-ftehim kollettivi;
—
il-kwalifikazzjoni ta' obbligi kummerċjali bħala kawża ta' force majeure li tiġġustifika n-nuqqas ta' għoti tal-leave tal-ġenituri.
4.
Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tiddikjara li la fil-ftehim kollettivi u lanqas fid-deċiżjonijiet Ministerjali li rratifikawhom ma teżisti l-ebda referenza għall-kwistjoni tal-protezzjoni tal-ħaddiema kontra tkeċċija mix-xogħol ikkawżata mit-talba għal, jew mill-għoti ta', leave tal-ġenituri.
5.
B'konsegwenza, il-Kummissjoni tikkonsidra li r-Repubblika Ellenika naqset milli twettaq l-obbligi li hija għandha skond id-Direttiva 96/34/KE u, b'mod partikolari, skond il-klawżoli 1(2), 2(1) u (3)(b), 2(3)(e) u (f), 2(4) u (6) tal-ftehim qafas fuq il-leave tal-ġenituri, anness ma' din id-Direttiva.
(1) ĠU L 145, 19.6.1996, p. 4.
Full & Egal Universal Law Academy