9.2.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 37/21
Rikors imressaq fis-17 ta' Diċembru 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew vs Ir-Repubblika Ellenika
(Kawża C-559/07)
(2008/C 37/31)
Lingwa tal-kawża: il-Grieg
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropew (rappreżentanti: M. Patakia u M. van Beek)
Konvenuta: Ir-Repubblika Ellenika
Talbiet tar-rikorrenti
—
tikkonstata li billi, fil-Kodiċi Elleniku tal-pensjonijiet ċivili u militari, ir-Repubblika Ellenika żammet fis-seħħ dispożizzjonijiet li jipprovdu għal età ta' iritirar differenti u rekwiżiti differenti inkwantu għaż-żmien ta' servizz minimu għall-irġiel u għan-nisa, hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 141 KE;
—
tikkundanna lir-Repubblika Ellenika tbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
1.
Wara li eżaminat id-dispożizzjonijiet fis-seħħ tal-Kodiċi Elleniku tal-pensjonijiet ċivili u militari, il-Kummissjoni kkonstatat li dawn jipprovdu li n-nisa għandhom dritt għal pensjoni f'età differenti minn dik ta' l-irġiel u taħt kundizzjonijiet differenti inkwantu għaż-żmien ta' servizz minimu meħtieġ.
2.
Fid-dawl tal-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-imsemmija pensjonijiet, li huma mħallsa minn min iħaddem lill-eks impiegat b'konsegwenza tar-relazzjoni ta' impjieg tagħhom, jikkonstitwixxu paga fis-sens ta' l-Artikolu 141 KE. Minbarra dan, meta wieħed jieħu in kunsiderazzjoni n-natura partikolari tas-sistemi ta' pensjonijiet in kwistjoni, li jagħmlu l-pensjoni dipendenti miż-żmien ta' servizz mogħti kif ukoll mis-salarju ta' l-impjegat qabel ma jiritra, il-persuni li jibbenefikaw minn pensjoni jikkonstitwixxu, skond il-Kummissjoni, “kategorija partikolari ta' ħaddiema”, filwaqt li l-metodu ta' l-iffinanzjar u ta' tħadddim tas-sistema ta' pensjoni mhuwiex fattur determinati għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 141 KE.
3.
Bl-istess mod, skond il-Kummissjoni, mhumiex sodisfatti l-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni ta' l-Artikolu 141(4) KE relattivi għal miżuri li jipprovdu vantaġġi speċifiċi li jagħmluha aktar faċli għal dak is-sess li jkun anqas rappreżentat biex ifittex attività professjonali.
F'dan il-każ, id-dispożizzjonijiet in kwistjoni ma jftaffux il-problemi li n-nisa jistgħu jiltaqgħu magħhom matul il-karriera professjonali tagħhom, imma, għall-kuntrarju, jiffavorixxu l-irtirar tagħhom mis-suq tax-xogħol.
4.
Minbarra dan, il-ġustifikazzjoni mqajjma, li tirrigwarda riskju li l-funzjonament ta' l-amministrazzjoni ta' l-Istat jiġi kompromess u li għalhekk ikollhom jiġu adottati dispożizzjonijiet tranżitorji, mhijiex, fil-fehma tal-Kummissjoni, konvinċenti, peress li, minn naħa, il-konsegwenzi finanzjarji li jistgħu jirriżultaw għall-Istat Membru ma jiġġustifikawx, fihom infushom, il-limitazzjoni fiż-żmien ta' l-applikazzjoni tar-regoli tad-dritt Komunitarju u, min-naħa l-oħra, ir-Repubblika Ellenika ma wrietx, fil-prattika, l-eżistenza u n-natura preċiża tal-funzjonament kompormess ta' l-amministrazzjoni ta' l-Istat li ġie invokat.
5.
Konsegwentement, il-Kummissjoni tikkunsidra li billi, fil-Kodiċi Elleniku tal-pensjonijiet ċivili u militari, ir-Repubblika Ellenika żammet fis-seħħ dispożizzjonijiet li jipprovdu għal età ta' iritirar differenti u rekwiżiti differenti inkwantu għaż-żmien ta' servizz minimu għall-irġiel u għan-nisa, hija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 141 KE.
Full & Egal Universal Law Academy