29.3.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 79/12
Rikors ippreżentat fil-21 ta' Diċembru 2007 — Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej vs Ir-Repubblika ta' l-Awstrija
(Kawża C-564/07)
(2008/C 79/22)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej (rappreżentanti: E. Traversa u H. Krämer, bħala aġenti)
Konvenuta: Ir-Repubblika ta' l-Awstrija
Talbiet
—
tiddikjara li, billi:
—
timponi li l-avukati tal-privattivi kollha li huma legalment stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li jixtiequ jipprovdu, temporanjament, is-servizzi tagħhom fl-Awstrija għandhom qabel xejn jirreġistraw fir-reġistri speċjali Awstrijaċi, in kwantu r-reġistrazzjoni hija suġġetta għal ħruġ ta' assigurazzjoni għal indennizz professjonali,
—
tissuġġetta l-avukati tal-privattivi li huma legalment stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li jixtiequ jipprovdu, temporanjament, is-servizzi tagħhom fl-Awstrija għas-superviżjoni dixxiplinari ta' l-awtoritajiet Awstrijaċi, anke fir-rigward ta' sanzjonijiet għall-aġir ieħor minbarra ksur serju tad-dmirijiet professjonali,
—
tissuġġetta kwalunkwe provvista ta' servizzi minn avukat tal-privattivi li huwa legalment stabbilit fi Stat Membru ieħor u li jixtieq jipprovdi s-servizzi tiegħu fl-Awstrija għal ħruġ ta' assigurazzjoni għal indennizz professjonali,
—
timponi li l-avukati tal-privattivi li huma legalment stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li jixtiequ jipprovdu, temporanjament, is-servizzi tagħhom fl-Awstrija għandhom iqabbdu avukat nazzjonali li huwa rreġistrat lokalment jew jaħtru persuna residenti fl-Awstrija bħala aġent ta' l-ipproċessar.
ir-Repubblika ta' l-Awstrija naqset milli twettaq l-obbligi tagħha skond l-Artikolu 49 KE.
—
tordna lir-Repubblika ta' l-Awstrija tbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Skond ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-Artikolu 49 KE jeżiġi mhux biss l-eliminazzjoni ta' kull tip ta' diskriminazzjoni fil-konfront ta' dak li jipprovdi servizzi u li huwa stabbilit fi Stat Membru ieħor minħabba n-nazzjonalità tiegħu, iżda wkoll it-tneħħija ta' kull restrizzjoni, anke jekk din ir-restrizzjoni tkun tapplika indistintament kemm għall-fornituri nazzjonali u kif ukoll għal dawk ta' Stati Membri oħra, li tkun ta' natura tali li tipprojbixxi, tipprekludi jew li tirrendi inqas attraenti l-attivitajiet ta' fornituri stabbiliti fi Stat Membru ieħor, fejn dawn ikunu legalment jipprovdu servizzi simili.
Skond il-Kummissjoni, id-dispożizzjonijiet legali ta' l-Awstrija dwar l-avukati tal-privattivi jammontaw għall-restrizzjoni tal-libertà li jiġu pprovduti servizzi skond l-Artikolu 49 KE, billi jimponu li l-avukati tal-privattivi li huma legalment stabbiliti fi Stat Membru ieħor u li jixtiequ, temporanjament, jipprovdu servizzi fl-Awstrija għandu jkollhom assigurazzjoni għal indennizz professjonali, għandhom jirreġistraw fir-reġistru Awstrijak, għandhom ikunu suġġetti għas-superviżjoni dixxiplinari tal-Kamra Awstrijaka ta' l-Avukati tal-Privattivi u, jekk huma jixtiequ jirrappreżentaw lill-klijenti tagħhom, dawn għandhom iqabbdu avukat nazzjonali li huwa rreġistrat lokalment.
Dawn ir-rekwiżiti jistgħu jipprekludu l-provvista temporanja tas-servizzi fl-Awstrija minn avukat tal-privattivi li huwa legalment stabbilit fi Stat Membru ieħor, jew minn ta' l-inqas jirrendu l-provvista ta' tali servizzi inqas attraenti. Dan ifisser li l-osservanza tad-dispożizzjonijiet legali kemm ta' l-Istat Membru ta' stabbiliment kif ukoll dawk ta' l-Istat Membru li fih jiġi pprovdut is-servizz timplika, fil-konfront tal-fornitur tas-servizz, obbligu finanzjarju itqal peress li dan għandu jinforma ruħu dwar id-dispożizzjonijiet applikabbli fl-Istat Membru fejn jiġi pprovdut is-servizz. Barra minn hekk, huwa jkun suġġett għal żewġ sistemi regulatorji, mingħajr ma l-Istat Membru fejn is-servizz jiġi pprovdut jieħu in kunsiderazzjoni r-regolament li għalih huwa diġà suġġett fl-Istat Membru ta' oriġini. Barra minn hekk, ir-regolament in kwistjoni jista' jiskoraġġixxi lill-konsumaturi milli jużaw is-servizzi ta' fornitur stabbilit fi Stat Membru ieħor, peress li dan jiġġenera spejjeż addizzjonali li ma jiġux inkorsi jekk l-fornitur huwa Awstrijak.
Dispożizzjonijiet nazzjonali li jipprojbixxu, jipprekludu jew li jagħmlu inqas attraenti l-eżerċizzju tal-libertajiet fundamentali li huma mħarsa mit-Trattat huma kompatibbli mat-Trattat biss jekk, l-ewwel nett, huma ġġustifikati minħabba raġunijiet imperattivi ta' interess ġenerali, it-tieni nett, japplikaw mingħajr diskriminazzjoni, it-tielet nett, ikunu xierqa sabiex jiggarantixxu t-twettiq ta' l-għan mixtieq, u r-raba' nett, ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħaq dak il-għan. Sabiex interessi jkunu jistgħu jiġu kkwalifikati bħala raġunijiet imperattivi dawn għandhom ikunu limitat għal dawk l-interessi li mhumiex diġà protetti minn regoli li għalihom huwa suġġett il-fornitur fl-Istat Membru ta' stabbiliment.
Il-Kummissjoni hija tal-fehma li r-restrizzjonijiet in kwistjoni mhumiex ammessi bħala deroga li hija expressament stabbilita mit-Trattat jew li hija ġustifikata, skond il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, minn raġunijiet imperattivi ta' interess pubbliku. Dan għaliex ir-rekwiżiti in kwistjoni li għalihom huma suġġetti l-avukati tal-privattivi stabbiliti fi Stati Membri oħra jmorru lil hinn minn dak li huwa neċessarju sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-protezzjoni tal-konsumaturi u ta' l-iżvolġiment korrett tal-proċeduri.
Full & Egal Universal Law Academy