Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tas-16 ta’ Jannar 2008 – Molinari et vs Agenzia delle Entrate – Ufficio di Latina
(Kawżi magħquda C‑128/07 sa C-131/07)
“Direttiva 76/207/KEE – Trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa – Għotja għall-firda – Benefiċċju fiskali mogħti f’età differenti skond is-sess tal-ħaddiema”
1. Stati Membri – Obbligi – Implementazzjoni tad-dritt Komunitarju – Inkompatibbiltà ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali mad-dritt Komunitarju li tirriżulta minn deċiżjoni preliminari (Artikolu 10 KE; Direttivi tal-Kunsill 76/207 u 79/7) (ara l-punti 22-24 u d-dispożittiv 1)
2. Politika soċjali – Trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa f’materji ta’ sigurtà soċjali – Direttiva 79/7 (Direttiva tal-Kunsill 79/7, Artikolu 7(1)(a)) (ara l-punti 26-27 u d-dispożittiv 2)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari - Commissione tributaria provinciale di Latina -Interpretazzjoni tad-Direttiva 76/207/KEE tal-Kunsill, tad-9 ta’ Frar 1976, dwar l-implementazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali għall-irġiel u n-nisa għal dak li għandu x’jaqsam ma’ l-aċċess għall-impjieg, taħriġ professjonali, promozzjoni, u kondizzjonijiet tax-xogħol (ĠU L 39, p. 40) u tad-Direttiva 79/7/KEE tal-Kunsill, dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà sociali (ĠU L 6, p. 24) - Interpretazzjoni u portata tas-sentenza C-207/04, Vergani - Applikazzjoni ta’ taxxa mnaqqsa fuq is-somom ta’ flus li persuna tirċievi meta tieqaf mix-xogħol bil-għan li jiġi inċentivat l-irtirar ta’ ħaddiema ta’ età partikolari - Benefiċċju fiskali mogħti lill-ħaddiema f’età differenti skond is-sess tagħhom.
Dispożittiv
Wara s-sentenza tal-21 ta’ Lulju 2005, Vergani (C-207/04), li minnha jirriżulta li leġiżlazzjoni nazzjonali hija inkompatibbli mad-dritt Komunitarju, huma l-awtoritajiet ta’ l-Istat Membru kkonċernat li għandhom jadottaw miżuri ġenerali jew partikolari li jkunu ta’ natura tali li jiżguraw ir-rispett tad-dritt Komunitarju fit-territorju tagħhom, peress li l-imsemmija awtoritajiet iżommu l-kompetenza dwar l-għażla tal-miżuri li għandhom jiġu adottati sabiex id-dritt nazzjonali jkun konformi mad-dritt Komunitarju u li d-drittijiet li dan ta’ l-aħħar jagħti lill-individwi jiġu rrispettati. Ladarba tiġi kkonstatata diskriminazzjoni li tmur kontra d-dritt Komunitarju, sakemm ma jkunux ġew adottati miżuri li jistabbilixxu mill-ġdid it-trattament ugwali, il-qorti nazzjonali hija obbligata li ma tapplikax kull dispożizzjoni nazzjonali diskriminatorja, mingħajr ma jkollha għalfejn titlob jew tistenna t-tħassir minn qabel tagħha min-naħa tal-leġiżlatur, u li tapplika għall-membri tal-grupp żvantaġġat l-istess sistema bħal dik li jibbenefikaw minnha l-persuni tal-kategorija l-oħra.
Id-deroga prevista fl-Artikolu 7(1)(a) tad-Direttiva 79/7/KEE tal-Kunsill, tad-19 ta’ Diċembru 1978, dwar l-implementazzjoni progressiva tal-prinċipju tat-trattament ugwali ta’ l-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ sigurtà sociali, mhijiex applikabbli għal miżura fiskali bħal dik prevista fl-Artikolu 17(4a) tad-Digriet tal-President tar-Repubblika Nru 917 tat-22 ta’ Diċembru 1986, kif emendata bid-Digriet Leġiżlattiv Nru 314 tat-2 ta’ Settembru 1997.
Full & Egal Universal Law Academy