Kawża C‑132/07
Beecham Group plc et
vs
Andacon NV
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mir-rechtbank van Koophandel te Brussel)
“Tħassir”
DIGRIET TAL-PRESIDENT TAT-TIENI AWLA TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA
12 ta’ Marzu 2009 (*)
“Tħassir”
Fil-Kawża C‑132/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mir-rechtbank van koophandel te Brussel (il-Belġju), permezz ta’ deċiżjoni tas-26 ta’ Frar 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Marzu 2007, fil-kawża
Beecham Group plc et.
vs
Andacon NV,
IL-PRESIDENT TAT-TIENI AWLA
TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA,
wara li sema’ lill-Avukat Ġenerali D. Ruiz-Jarabo Colomer,
jagħti l-preżenti
Digriet
1 B’deċiżjoni tas-26 ta’ Frar 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-5 ta’ Marzu 2007, ir-rechtbank van koophandel te Brussel għamlet, b’applikazzjoni tal-Artikolu 234 KE, domandi preliminari li jirrigwardaw l-interpretazzjoni tal-Artikoli 4(2) u (6) u 9(2) u (3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003, tat-22 ta’ Lulju 2003, li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanzija suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanzija li jinsabu li jkunu kisru dawk id-drittijiet (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 2, Vol 13, p. 469), u tal-Artikolu 9(1) tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 1891/2004, tal-21 ta’ Ottubru 2004, li jistipula d-dispożizzjonijiet għall-implementazzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1383/2003 li jikkonċerna azzjoni doganali kontra merkanziji suspettati li jiksru ċerti drittijiet ta’ proprjetà intellettwali u l-miżuri li għandhom jittieħdu kontra merkanziji li jinsabu li jkunu kisru dawk id-drittijiet (ĠU L 322M, p. 3).
2 Madankollu, fis-16 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrenti fil-kawża prinċipali ressqu appell minn din id-deċiżjoni quddiem il-hof van beroep te Brussel (il-Belġju). Konsegwentement, il-proċedura tkompliet, fuq livell nazzjonali, quddiem din il-qorti.
3 B’ittri tas-6 ta’ Marzu u tas-17 ta’ Marzu 2008, li waslu għand il-Qorti tal-Ġustizzja fl-10 ta’ Marzu u fil-25 ta’ Marzu, il-partijiet fil-kawża prinċipali informaw lill-Qorti tal-Ġustizzja li kien intlaħaq ftehim bonarju bejniethom u li, minħabba f’hekk, id-domandi preliminari li kienu tressqu ma kellhomx iktar skop.
4 Wara, il-hof van beroep ikkomunikat lill-Qorti tal-Ġustizzja s-sentenza li kienet adottat fid-9 ta’ Ġunju 2008 fil-kawża prinċipali, li tikkonstata li kien intlaħaq ftehim bonarju fuq il-kwistjoni u li tordna t-tħassir tal-kawża.
5 F’dawn iċ-ċirkustanzi, b’ittra tal-20 ta’ Novembru 2008, il-Qorti tal-Ġustizzja informat lir-rechtbank van koophandel bil-fatt li, bla ħsara għal eventwali oġġezzjonijiet min-naħa tagħha qabel il-15 ta’ Diċembru 2008, hija kellha l-intenzjoni li tipproċedi bit-tħassir tal-kawża pendenti quddiemha.
6 Ir-rechtbank van koophandel ma ressaq l-ebda reazzjoni għal din l-ittra.
7 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi ordnat it-tħassir ta’ din il-kawża mir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja.
8 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, minbarra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, il-President tat-Tieni Awla tal-Qorti tal-Ġustizzja jordna:
Il-Kawża C‑132/07 hija mħassra mir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Mogħti fil-Lussemburgu, fit-12 ta’ Marzu 2009.
Reġistratur
Il-President tat-Tieni Awla
R. Grass
C.W.A. Timmermans
* Lingwa tal-kawża: L-Olandiż.
Full & Egal Universal Law Academy