Kawża C-134/07
Piotr Kawala
vs
Gmina Miasta Jaworzna
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mis-Sąd Rejonowy w Jaworznie)
“L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura — Taxxa interna ogħla għal prodott importat minn Stat Membru ieħor milli għall-istess prodott mixtri fil-post — L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 90 KE — Taxxa applikabbli fuq l-ewwel reġistrazzjoni għal vetturi bil-mutur użati importati”
Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) ta’ l-10 ta’ Diċembru 2007 ?I – 0000
Sommarju tad-digriet
1. Dispożizzjonijiet fiskali — Taxxi interni — Taxxa applikabbli għal vetturi bil-mutur għall-ewwel reġistrazzjoni tagħhom
(Artikoli 23 KE, 25 KE u 90 KE)
2. Dispożizzjonijiet fiskali — Taxxi interni — Taxxa applikabbli għal vetturi bil-mutur għall-ewwel reġistrazzjoni tagħhom
(Arikolu 90 KE)
1. Safejn taxxa fuq l-ewwel reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur ikollha manifestament natura fiskali u hija imposta mhux minħabba qsim tal-fruntjiera ta’ l-Istat Membru li imponiha, iżda fl-ewwel reġistrazzjoni ta’ vettura bil-mutur fit-territorju ta’ dan l-Istat, hemm lok li jiġi kkunsidrat li hija taqa’ taħt skema ġenerali ta’ tariffi interni fuq il-merkanzija, u b’hekk għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta’ l-Artikolu 90 KE.
(ara l-punt 26)
2. L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 90 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi taxxa li għandha titħallas fi Stat Membru sabiex jinkiseb ċertifikat ta’ l-ewwel reġistrazzjoni, li fil-prattika hija applikabbli għall-ewwel reġistrazzjoni ta’ vettura bil-mutur użata importata minn Stat Membru ieħor, u mhux għall-akkwist, fl-Istat tal-liċenzja, ta’ vettura bil-mutur użata sa fejn din tkun diġà rreġistrata.
(ara l-punt 37 u d-dispożittiv)
DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla)
10 ta’ Diċembru 2007(*)
“L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura – Taxxa interna ogħla għal prodott importat minn Stat Membru ieħor milli għall-istess prodott mixtri fil-post – L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 90 KE – Taxxa applikabbli fuq l-ewwel reġistrazzjoni għal vetturi bil-mutur użati importati”
Fil-kawża C‑134/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skond l-Artikolu 234 KE, imressqa mis-Sąd Rejonowy w Jaworznie (il-Polonja), permezz ta’ deċiżjoni tas-6 ta’ Frar 2007, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fis-7 ta’ Marzu 2007, fil-proċedura
Piotr Kawala
vs
Gmina Miasta Jaworzna,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Il-Ħames Awla),
komposta minn M. A Tizzano, President ta’ l-Awla, M. Ilešič (Relatur) u E. Levits, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: E. Sharpston,
Reġistratur: R. Grass,
wara li rat l-osservazzjonijiet ippreżentati:
– għall-Gvern Pollakk, minn E. Ośniecka-Tamecka, bħala aġent,
– għall-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, minn D. Triantafyllou u K. Herrmann, bħala aġenti,
peress li l-Qorti tal-Ġustizzja qed tipproponi li tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 104 (2) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha,
wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,
tagħti l-preżenti
Digriet
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni ta’ l-Artikoli 25 KE u l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 90 KE.
2 Din it-talba ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn Piotr Kawala kontra l-Gmina Miasta Jaworzno (lokalità ta’ Jaworzno) dwar taxxa ta’ PLN 500 imħallsa fit-18 ta’ Awwissu 2005 sabiex jinkiseb ċertifikat ta’ l-ewwel reġistrazzjoni ta’ vettura bil-mutur użata importata fil-Polonja minn Stat Membru ieħor (iktar ’il quddiem it-“taxxa in kwistjoni”).
Il-kuntest ġuridiku
Il-leġiżlazzjoni Komunitarja
3 Skond l-Artikolu 23 KE:
“1. Il-Komunità hija bażata fuq unjoni doganali li tkopri n-negozju kollu tal-merkanzija u tikkomprendi kemm l-abolizzjoni, bejn l-Istati Membri ta’ dazji doganali fuq l-importazzjoni u l-esportazzjoni u kull piż b’effett ekwivalenti, kif ukoll l-adozzjoni ta’ tariffa doganali komuni fir-relazzjonijiet tagħhom ma’ pajjiżi terzi.
2. Id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikolu 25 u tal-Kapitolu 2 ta’ dan it-Titolu għandhom japplikaw għall-prodotti li joriġinaw fl-Istati Membri kif ukoll għall-prodotti ġejjin minn pajjiżi mhux membri li huma f’ċirkolazzjoni libera fl-Istati Membri.”
4 Skond l-Artikolu 25 KE:
“Id-Dazji tad-dwana fuq importazzjonijiet u esportazzjonijiet u piżijiet li jkollhom effett ekwivalenti għandhom ikunu pprojbiti bejn l-Istati Membri. Din il-projbizzjoni għandha tapplika wkoll għal dazji doganali ta’ natura fiskali.”
5 L-Artikolu 28 KE jgħid:
“Restrizzjonijiet kwantitattivi fuq l-importazzjoni u kull miżura li għandha effett ekwivalenti għandhom ikunu projbiti bejn l-Istati Membri.”
6 Skond l-Artikolu 30 KE:
“Id-disposizzjonijiet ta’ l-Artikoli 28 u 29 inklużi m’għandhomx jeskludu projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet dwar l-importazzjoni, esportazzjoni jew transitu meta dawn ikunu ġustifikati abbażi ta’ moralità pubblika, ordni pubbliku, sigurtà pubblika, il-protezzjoni tas-saħħa u l-ħajja ta’ persuni jew ta’ annimali, jew il-preservazzjoni tal-pjanti, il-protezzjoni tal-patrimonju nazzjonali ta’ valur artistiku, storiku jew arkeoloġiku jew il-protezzjoni ta’ proprjetà industrijali u kummerċjali. Madankollu dawn il-projbizzjonijiet jew restrizzjonijiet m’għandhomx jikkostitwixxu la mezz ta’ diskriminazzjoni arbitrarja u lanqas restrizzjoni moħbija tal-kummerċ bejn l-Istati Membri.”
7 L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 90 KE jaqra hekk:
“Ebda Stat Membru ma għandu japplika, direttament jew indirettament, fuq il-prodotti ta’ Stati Membri oħra taxxi interni, ta’ kull deskrizzjoni, ogħla minn dawk applikati direttament jew indirettament fuq prodotti simili nazzjonali.”
Il-leġiżlazzjoni nazzjonali
8 L-Artikolu 77 tal-liġi Pollakka fuq it-traffiku (Prawo o ruchu drogowym) ta’ l-20 ta’ Ġunju 1997 (Dz. U de 2003, Nru 58, pożizzjoni 515, Nru 124, pożizzjoni 1152, Nru 130, pożizzjoni 1190 u Nru 137, pożizzjoni 1302), jipprovdi:
“1. Il-produttur jew l-importatur ta’ vetturi bil-mutur ġodda għandu joħroġ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni għal kull vettura bil-mutur ġdida mpoġġija għall-bejgħ fir-territorju tar-Repubblika tal-Polonja.
2. Iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni jingħata lill-proprjetarju tal-vettura bil-mutur.
3. Iċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ vettura bil-mutur, minbarra dawk previsti fil-paragrafu 1 jingħata, wara l-ħlas tat-taxxa ta’ reġistrazzjoni, mill-istaroste responsabbli għar-reġistrazzjoni, fl-ewwel reġistrazzjoni tal-vettura bil-mutur fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja, bl-esklużjoni tal-vetturi ta’ ġbir u tal-vetturi previsti fl-Artikolu 73(4).
4. Il-Ministru tat-trasporti:
[…]
2) jistabbilixxi, permezz ta’ deċiżjoni, l-ammont tat-taxxa li għandha titħallas sabiex jinkiseb ċertifikat ta’ reġistrazzjoni.”
9 Id-deċiżjoni tal-Ministru Pollakk ta’ l-Infrastruttura tat-28 ta’ Lulju 2003 dwar l-ammont tat-taxxa li għandha titħallas sabiex jinkiseb ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ vettura bil-mutur (Dz. U de 2003, Nru 137, pożizzjoni 1310, iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2003”), tipprovdi fl-ewwel u t-tieni subparagrafi tal-paragrafu 1 tagħha:
“1. L-għoti ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni fl-ewwel reġistrazzjoni ta’ vettura bil-mutur fit-territorju tar-Repubblika tal-Polonja jagħti lok li d-dipartiment ta’ reġistrazzjoni jirċievi taxxa ta’ PLN 500.
2. L-għoti ta’ kopja ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni jagħti lok li d-dipartiment ta’ reġistrazzjoni jirċievi taxxa ta’ PLN 75.”
10 Wara li seħħew il-fatti tal-kawża prinċipali, it-Trybunał Konstytucyjny (Qorti Kostituzzjonali), permezz ta’ sentenza tas-17 ta’ Jannar 2006, iddikjarat li l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2003 kienet tmur kontra d-dispożizzjonijiet tal-liġi fuq it-traffiku u l-Kostituzzjoni Pollakka, essenzjalment, għaliex din it-tip ta’ kontribuzzjoni tista’ tiġi, skond l-Artikolu 217 ta’ l-imsemmija Kostituzzjoni, stabbilita biss mil-liġi. Skond din is-sentenza, l-imsemmi paragrafu tilef kull saħħa ta’ liġi sa mill-1 ta’ Mejju 2006.
11 Wara, il-Ministru Pollakk tat-Trasport u tal-Kostruzzjoni adotta d-deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2006 dwar l-ammont tat-taxxa li għandha titħallas sabiex jinkiseb ċertifikat ta’ reġistrazzjoni ta’ vettura bil-mutur (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tat-28 ta’ Marzu 2006”), li daħlet fis-seħħ fil-15 ta’ April 2006, li biha kull għoti ta’ ċertifikat ta’ l-ewwel reġistrazzjoni (l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1) kif ukoll ta’ kopja ta’ ċertifikat ta’ reġistrazzjoni (it-tieni subparagrafu tal-paragrafu 1) jagħtu lok li d-dipartiment ta’ reġistrazzjoni jirċievi taxxa ta’ PLN 75.
Il-kawża prinċipali u d-domanda preliminari
12 Fid-9 ta’ Mejju 2005, P. Kawala xtara fil-Ġermanja vettura bil-mutur użata tad-ditta Mercedes-Benz u importaha fl-istess xahar fil-Polonja.
13 Fit-18 ta’ Awwissu 2005, P. Kawala ħallas lill-Gmina Miasta Jaworzno taxxa ta’ PLN 500 sabiex jikseb iċ-ċertifikat ta’ l-ewwel reġistrazzjoni ta’ l-imsemmija vettura bil-mutur fil-Polonja.
14 Jirriżulta mid-deċiżjoni tar-rinviju li, fin-nuqqas tar-reġistrazzjoni tal-vettura bil-mutur, P. Kawala ma kienx f’pożizzjoni li jiċċaqlaq b’mod legali fil-Polonja b’din il-vettura bil-mutur.
15 P. Kawala ressaq, fid-9 ta’ Ottubru 2006, quddiem is-Sąd Rejonowy w Jaworznie (Qorti tad-distrett ta’ Jaworzno), azzjoni kontra l-Gmina Miasta Jaworzno bil-għan li jinkiseb il-ħlas ta’ ammont ta’ PLN 425 li jirrappreżenta d-differenza bejn it-taxxa li huwa kien ħallas għall-għoti ta’ ċertifikat ta’ l-ewwel reġistrazzjoni u l-ammont li huwa kellu jħallas għall-kunsinna ta’ kopja ta’ l-imsemmi ċertifikat (PLN 75).
16 Is-Sąd Rejonowy w Jaworznie ssostni li sa fejn l-Artikolu 90 KE jipprojbixxi l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2003, hija għandha, fil-kawża quddiemha u skond l-Artikolu 10 KE kif ukoll il-prinċipju tas-supremazija tad-dritt Komunitarju, tevita d-dispożizzjonijiet ta’ din id-deċiżjoni li jmorru kontra d-dritt Komunitarju, anki għall-perijodu li jmur qabel id-data minn meta t-Trybunał Konstytucyjny iddikjarat fid-deċiżjoni tagħha li huma jitilfu kull saħħa ta’ liġi.
17 Is-Sąd Rejonowy w Jaworznie tosserva li jekk P. Kawala kien xtara vettura bil-mutur ġdida fil-Polonja, huwa ma kien ikollu jħallas ebda taxxa lill-Gmina Miasta Jaworzno sabiex jikseb iċ-ċertifikat ta’ l-ewwel reġistrazzjoni, għax dan kien jiġi pprovdut mill-produttur jew l-importatur tal-vettura bil-mutur, li min-naħa tiegħu kien iħallas għal dan iċ-ċertifikat ammont ta’ PLN 9,71 netti (mingħajr VAT).
18 F’dawn iċ-ċirkustanzi, is-Sąd Rejonowy w Jaworznie ddeċidiet li tissospendi l-proċeduri u li tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domanda preliminari segwenti:
19 “L-Artikolu 90 KE jwaqqaf l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tad-deċiżjoni tal-Ministru ta’ l-Infrastruttura tat-28 ta’ Lulju 2003, dwar l-ammont tat-taxxa li għandha titħallas sabiex jinkiseb ċertifikat tar-reġistrazzjoni ta’ vettura bil-mutur, meta r-reġistrazzjoni ta’ vettura bil-mutur importata fil-Polonja minn Stat Membru ieħor ikun suġġett għall-ħlas tat-taxxa dovuta għall-għoti ta’ ċertifikat tar-reġistrazzjoni ta’ PLN 500?”
20 Min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju ssostni, mingħajr ma formalment tagħmel it-tieni domanda preliminari, li, fil-każ ta’ risposta negattiva għall-ewwel domanda magħmula, jista’ jkun neċessarju li l-Artikolu 25 KE jiġi interpretat b’mod li din id-dispożizzjoni tostakola l-applikazzjoni tal-paragrafu 1 tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2003, fejn it-taxxa in kwistjoni tammonta għal taxxa b’effett ekwivalenti għal dazju tad-dwana.
Fuq id-domanda preliminari
21 Skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 104(3) tar-Regoli ta’ Proċedura, meta r-risposta għal domanda magħmula b’mod preliminari tista’ tkun b’mod ċar tiġi dedotta mill-ġurisprudenza, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, wara li tkun semgħet lill-Avukat Ġenerali, tiddeċiedi permezz ta’ digriet motivat.
22 Permezz tad-domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju essenzjalment tistaqsi jekk l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 90 KE għandux jiġi interpretat fis-sens li huwa jipprekludi li jkun hemm it-taxxa in kwistjoni li fil-prattika hija applikabbli għall-ewwel reġistrazzjoni ta’ vettura bil-mutur użata importata minn Stat Membru ieħor, u mhux għall-akkwist fil-Polonja ta’ vettura bil-mutur użata fejn din diġà tkun irreġistrata.
23 Peress li, minn naħa, il-Gvern Pollakk iqis li l-obbligu li jinkiseb ċertifikat ta’ reġistrazzjoni għal vettura bil-mutur użata importata minn Stat Membru ieħor ma jaqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 90 KE, iżda f’dak ta’ l-Artikoli 28 KE u 30 KE, in kwantu miżura ta’ effett ekwivalenti għal restrizzjoni kwantitattiva għall-kummerċ li madankollu hija neċessarja, proporzjonata u ġustifikata minn raġunijiet ta’ ordni pubbliku, u li, min-naħa l-oħra, il-qorti tar-rinviju tinvoka l-possibbiltà li t-taxxa in kwistjoni taqa’ taħt l-Artikoli 23 KE u 25 KE, jiġifieri l-projbizzjoni tad-dazji tad-dwana u t-taxxi b’effett ekwivalenti, jeħtieġ li jiġi stabbilit, fl-ewwel lok, taħt liema dispożizzjoni tat-Trattat għandha tiġi evalwata t-taxxa in kwistjoni.
24 Jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ l-Artikolu 28 KE ma jinkludix l-ostakli previsti minn dispożizzjonijiet oħra speċifiċi u li l-ostakli ta’ natura fiskali jew ta’ effett ekwivalenti għal dazji tad-dwana previsti fl-Artikoli 23 KE, 25 KE u 90 KE ma jaqgħux taħt il-projbizzjoni ta’ l-Artikolu 28 KE. Min-naħa l-oħra, għal dak li jirrigwarda l-oqsma ta’ applikazzjoni rispettivi ta’ l-Artikoli 25 KE u 90 KE, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li d-dispożizzjonijiet li jirrigwardaw it-taxxi ta’ effett ekwivalenti u dawk li jirrigwardaw taxxi interni diskriminatorji mhumiex applikabbli kumulattivament, b’mod li l-istess taxxa ma tkunx, fis-sistema tat-Trattat, tappartjeni fl-istess waqt għal dawn iż-żewġ kategoriji (ara, b’mod partikolari, is-sentenza tas-17 ta’ Ġunju 2003, De Danske Bilimportører, C-383/01, Ġabra p. I-6065, punti 32 u 33 u l-ġurisprudenza ċċitata).
25 Għal dak li jirrigwarda l-kwistjoni dwar jekk taxxa bħat-taxxa in kwistjoni taqax fil-kunċett ta’ taxxi b’effett ekwivalenti skond l-Artikoli 23 KE u 25 KE, jirriżulta minn ġurisprudenza stabbilita li kull piż fiskali, impost unilateralment, ikun xi jkun l-isem u t-teknika tiegħu, u li jolqot il-merkanzija minħabba l-fatt li huma jaqsmu l-fruntjiera, meta huwa mhuwiex proprjament imsejjaħ dazju tad-dwana, jammonta għal taxxa b’effett ekwivalenti (sentenza tat-18 ta’ Jannar 2007, Brzeziński, C-313/05, Ġabra p. I-513, punt 22 u l-ġurisprudenza ċċitata).
26 Issa, taxxa bħal dik in kwistjoni fil-kawża prinċipali mhijiex imposta minħabba qsim tal-fruntjiera ta’ l-Istat Membru li stabbilixxiha. Fil-fatt, jirriżulta mill-indikazzjonijiet ipprovduti kemm mill-qorti tar-rinviju kif ukoll mill-Gvern Pollakk li t-taxxa in kwistjoni tolqot il-vetturi bil-mutur użati biss fl-ewwel reġistrazzjoni tagħhom fil-Polonja, bl-esklużjoni tal-vetturi bil-mutur li, għal xi raġuni, ma kinux iddestinati li jkunu rreġistrati. Min-naħa l-oħra, skond l-informazzjoni mogħtija mill-Gvern Pollakk, din it-taxxa setgħet tolqot ukoll l-ewwel reġistrazzjoni ta’ ċerti kategoriji limitati ta’ vetturi bil-mutur diġà preżenti fil-Polonja iżda li ma kinux għadhom ġew irreġistrati.
27 Konsegwentement, fejn taxxa fuq l-ewwel reġistrazzjoni ta’ vetturi bil-mutur, bħat-taxxa in kwistjoni, tippreżenta manifestament karattru fiskali u hija imposta mhux minħabba qsim tal-fruntjiera ta’ l-Istat Membru li imponiha, iżda fl-okkażjoni ta’ l-ewwel reġistrazzjoni ta’ vettura bil-mutur fit-territorju ta’ dan l-Istat, hemm lok li jiġi kkunsidrat li hija taqa’ taħt skema ġenerali ta’ tariffi interni fuq il-merkanzija, u b’hekk għandha tiġi eżaminata fid-dawl ta’ l-Artikolu 90 KE.
28 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-Artikolu 90 KE jammonta, fis-sistema tat-Trattat, għal dispożizzjonijiet addizzjonali li jirriwardaw is-suppressjoni tad-dazji tad-dwana u tat-taxxi b’effett ekwivalenti. Din id-dispożizzjoni għandha bħala għan li tassigura l-moviment ħieles tas-suq bejn l-Istati Membri f’kundizzjonijiet normali ta’ kompetizzjoni permezz ta’ l-eliminazzjoni ta’ kull forma ta’ protezzjoni li tista’ tirriżulta mill-applikazzjoni ta’ taxxi interni diskriminatorji fir-rigward tal-prodotti li joriġinaw minn Stati Membri oħra (sentenza Brzeziński, iċċitata, punt 27 u l-ġurisprudenza ċċitata).
29 Fil-qasam tat-tassazzjoni tal-vetturi bil-mutur użati importati, l-Artikolu 90 KE għandu l-għan li jiggarantixxi n-newtralità perfetta tat-taxxi interni fir-rigward tal-kompetizzjoni bejn il-prodotti li jinsabu diġà fis-suq nazzjonali u l-prodotti importati (sentenza ta’ l-20 ta’ Settembru 2007, Il-Kummissjoni vs Il-Greċja, C-74/06, Ġabra p. I-7585, punt 24 u ġurisprudenza ċċitata).
30 Minbarra dan, sistema ta’ tassazzjoni tista’ titqies li hija kompatibbli ma’ l-Artikolu 90 KE biss jekk hija stabbilita b’mod li teskludi fi kwalunkwe sitwazzjoni li l-prodotti importati jiġu ntaxxati b’mod aktar mill-prodotti nazzjonali u, konsegwentement, li ma jinkludix, fl-ebda każ, effetti diskriminatorji (sentenza Brzeziński, iċċitata iktar ’il fuq, punt 40 u l-ġurisprudenza ċċitata).
31 Il-kwistjoni li tqum, f’dan il-każ, hija għaldaqstant jekk it-taxxa in kwistjoni hijiex applikabbli, fil-prattika, bl-istess mod kemm għall-vetturi bil-mutur użati importati kif ukoll għal dawk mixtrija fil-Polonja, peress li dawn iż-żewġ kategoriji ta’ vetturi bil-mutur jammontaw għall-prodotti simili skond l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 90, KE.
32 F’dan ir-rigward, huwa stabbilit li, permezz ta’ l-applikazzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2003, l-ewwel reġistrazzjoni ta’ vettura bil-mutur użata importata minn Stat Membru ieħor hija suġġetta għat-taxxa in kwistjoni, ta’ PLN 500.
33 Min-naħa l-oħra, skond il-qorti tar-rinviju u l-Gvern Pollakk, l-akkwist fil-Polonja ta’ vettura bil-mutur simili normalment ma jagħti lok għal ebda taxxa fejn din il-vettura bil-mutur diġà tkun irreġistrata.
34 Fil-fatt, skond il-qorti tar-rinviju u l-Gvern Pollakk, fil-każ ta’ xiri ta’ vettura bil-mutur ġdida fil-Polonja huwa l-produttur jew l-importatur ta’ din il-vettura bil-mutur li għandu jagħti ċ-ċertifikat ta’ l-ewwel reġistrazzjoni fuq formola li jikseb għall-prezz ta’ PLN 9,71 netti. Dan il-prezz, kif ukoll l-ispejjeż l-oħra ta’ l-operatur in kwistjoni marbuta mal-ħruġ ta’ dan iċ-ċertifikat ikunu inklużi fil-prezz finali tal-vettura bil-mutur.
35 Il-Gvern Pollakk u l-Kummissjoni f’dan ir-rigward isostnu li ċ-ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, la darba kkunsinnat għall-vettura bil-mutur ġdida, jiġi trażmess lill-proprjetarji suċċessivi kollha tal-vettura bil-mutur.
36 Jirriżulta li l-akkwist ta’ vettura bil-mutur użata importata minn Stat Membru u rreġistrata għall-ewwel darba fil-Polonja hija suġġetta għat-taxxa in kwistjoni ta’ PLN 500, filwaqt li l-akkwist fil-Polonja ta’ vettura bil-mutur simili ma hija normalment suġġetta għal ebda taxxa ta’ reġistrazzjoni.
37 Konsegwentement, għandu jingħad li t-taxxa in kwistjoni taqa’ taħt il-projbizzjoni ta’ l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 90 KE.
38 Fid-dawl ta’ dak li ntqal iktar ’il fuq, għandha tingħata risposta għad-domanda magħmula li l-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 90 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi taxxa, bħal dik prevista fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tad-deċiżjoni tat-28 ta’ Lulju 2003, li fil-prattika hija applikabbli għall-ewwel reġistrazzjoni ta’ vettura bil-mutur użata importata minn Stat Membru ieħor, u mhux għall-akkwist fil-Polonja ta’ vettura bil-mutur użata fejn din tkun diġà rreġistrata.
Fuq l-ispejjeż
39 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni ta’ l-osservazzjonijiet lill-Qorti, barra dawk ta’ l-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Il-Ħames Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
L-ewwel subparagrafu ta’ l-Artikolu 90 KE għandu jiġi interpretat fis-sens li jipprekludi taxxa, bħal dik prevista fl-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 1 tad-deċiżjoni tal-Ministru Pollakk ta’ l-Infrastruttura tat-28 ta’ Lulju 2003, dwar l-ammont ta’ taxxa li għandha titħallas sabiex jinkiseb ċertifikat ta’ reġistrazzjoni, li fil-prattika hija applikabbli għall-ewwel reġistrazzjoni ta’ vettura bil-mutur użata importata minn Stat Membru ieħor, u mhux għall-akkwist fil-Polonja ta’ vettura bil-mutur użata fejn din tkun diġà rreġistrata.
Firem
* Lingwa tal-kawża: il-Pollakk.
Full & Egal Universal Law Academy