Kawża C-156/07
Salvatore Aiello et
vs
Comune di Milano et
(talba għal deċiżjoni preliminari mressqa mill-Consiglio di Stato)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 85/337/KEE – Stima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent – Kostruzzjoni ta’ triq f’Milan”
Sommarju tad-digriet
1. Ambjent – Stima tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 85/337 – Obbligu tal-Istati Membri li jissuġġettaw il-proġetti li jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent għal stima tal-impatt ambjentali – Portata
(Direttiva tal-Kunsill 85/337, kif emendata bid-Direttiva 97/11, Artikolu 2(1))
2. Ambjent – Stima tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 85/337 – Determinazzjoni mill-Istati Membri tal-proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II u li għandhom jiġu suġġetti għal stima tal-impatt ambjentali
(Direttiva tal-Kunsill 85/337, kif emendata bid-Direttiva 97/11, Artikolu 4 u Annessi II u III)
3. Ambjent – Stima tal-effetti ta’ ċerti proġetti fuq l-ambjent – Direttiva 85/337 – Determinazzjoni mill-Istati Membri tal-proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II u li għandhom jiġu suġġetti għal stima tal-impatt ambjentali
(Direttiva tal-Kunsill 85/337, kif emendata bid-Direttiva 97/11, Artikolu 4 u Annessi II u III)
1. L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeżiġix li kull proġett li jista’ jkollu impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent għandu jkun suġġett għall-proċedura ta’ stima li din id-direttiva tipprevedi, iżda li għandhom ikunu hekk suġġetti dawk il-proġetti biss li jissemmew fl-Annessi I u II tal-imsemmija direttiva, skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tagħha u bla ħsara għall-Artikolu 1(4) u (5) kif ukoll l-Artikolu 2(3) tal-istess direttiva.
(ara l-punt 34 u d-dispożittiv 1)
2. Il-kriterji tal-għażla rilevanti msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 85/337, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11, huma imposti fuq l-Istati Membri meta dawn jiddeterminaw, għall-proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II tagħha, jew fuq il-bażi ta’ eżami każ b’każ, jew fuq il-bażi ta’ thresholds jew kriterji li huma jistabbilixxu, jekk il-proġett ikkonċernat għandux ikun suġġett għall-proċedura ta’ stima tal-effetti fuq l-ambjent.
Skont l-Artikolu 4(2) tal-istess direttiva, huwa l-kompitu tal-Istati Membri li jiddeterminaw huma stess f’liema każijiet il-proġetti elenkati fl-Anness II ta’ din id-direttiva għandhom ikunu suġġetti għal stima tal-effetti fuq l-ambjent. Din id-dispożizzjoni tħalli lill-Istati Membri żewġ possibbiltajiet. L-ewwel waħda hija dik li jiddeċiedu fuq il-bażi ta’ każ b’każ jekk proġett previst fl-imsemmi Anness II għandux ikun suġġett għal din l-istima. It-tieni waħda hija dik li jiddeterminaw, b’mod ġenerali u astratt, skont thresholds u kriterji, il-proġetti li jinsabu f’dan l-anness li b’mod obbligatorju għandhom ikunu suġġetti għal din l-istima.
Mit-test stess tal-Artikolu 4(3) tal-istess direttiva jirriżulta li din id-direttiva timponi fuq l-Istati Membri, fiż-żewġ każijiet bl-istess mod, l-obbligu li jikkunsidraw il-kriterji tal-għażla rilevanti ddefiniti fl-Anness III ta’ din id-direttiva, jiġifieri dawk il-kriterji li, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-proġett ikkonċernat, għandhom jiġu applikati.
(ara l-punti 37-40, 46 u d-dispożittiv 2)
3. Meta Stat Membru jagħżel li jiddetermina każ b’każ liema mill-proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II tad-Direttiva 85/337, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11, għandhom ikunu suġġetti għal stima tal-effetti tagħhom fuq l-ambjent, huwa għandu, jew b’riferiment fir-regoli nazzjonali tiegħu għall-Anness III ta’ din id-direttiva, jew billi jirriproduċi l-kriterji elenkati f’dan l-anness fir-regoli nazzjonali tiegħu, jiżgura li dawn ikunu jistgħu lkoll jiġu effettivament ikkunsidrati meta xi wieħed jew ieħor minnhom ikun rilevanti għall-proġett inkwistjoni, mingħajr ma jkunu jistgħu, b’mod espliċitu jew impliċitu, jiġu esklużi. Tali esklużjoni tista’, fil-fatt, skont il-karatteristiċi tal-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni, jew tiddiswadi, jew anki żżomm lill-awtorità nazzjonali kompetenti milli tqis il-kriterju jew il-kriterji inkwistjoni.
(ara l-punti 48-51 u d-dispożittiv 3)
DIGRIET TAL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla)
10 ta’ Lulju 2008 (*)
“Rinviju għal deċiżjoni preliminari – Direttiva 85/337 – Stima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent – Kostruzzjoni ta’ triq f’Milan”
Fil-Kawża C‑156/07,
li għandha bħala suġġett talba għal deċiżjoni preliminari skont l-Artikolu 234 KE, imressqa mill-Consiglio di Stato (l-Italja), permezz ta’ deċiżjoni tal-24 ta’ Ottubru 2006, li waslet fil-Qorti tal-Ġustizzja fil-21 ta’ Marzu 2007, fil-proċedura
Salvatore Aiello et
vs
Comune di Milano et,
fil-preżenza ta’:
Euromilano SpA,
Metropolitana milanese SpA,
IL-QORTI TAL-ĠUSTIZZJA (Is-Sitt Awla),
komposta minn L. Bay Larsen, President tal-Awla, J.‑C. Bonichot, (Relatur) u C. Toader, Imħallfin,
Avukat Ġenerali: J. Mazák,
Reġistratur: R. Grass,
wara li l-qorti tar-rinviju ġiet informata li l-Qorti tal-Ġustizzja għażlet li tagħti d-deċiżjoni tagħha permezz ta’ digriet motivat skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha,
wara li semgħet lill-Avukat Ġenerali,
tagħti l-preżenti
Digriet
1 It-talba għal deċiżjoni preliminari tirrigwarda l-interpretazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 85/337/KEE, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent (ĠU L 175, p. 40), kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE, tat-3 ta’ Marzu 1997 (ĠU L 73, p. 5, iktar’il quddiem id-“Direttiva 85/337”).
2 Din id-domanda ġiet ippreżentata fil-kuntest ta’ kawża bejn S. Aiello et u l-Comune di Milano et fir-rigward tal-kostruzzjoni ta’ triq li tgħaqqad ċerti kwartieri fit-tramuntana ta’ Milan.
Il-kuntest ġuridiku
3 L-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 85/337 jispeċifika:
“Għall-finijiet ta’ din id-Direttiva:
[…]
‘kunsens għal żvilupp’ tfisser:
id-deċiżjoni ta’ l-awtorità jew l-awtoritajiet kompetenti li tagħti d-dritt lill-iżviluppatur biex jipproċedi bil-proġett.”
4 L-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 85/337 jipprovdi:
“Proġetti li jaqdu għanijiet ta’ difiża nazzjonali mhumiex koperti min[n] din id-Direttiva.”
5 L-Artikolu 1(5) tad-Direttiva 85/337 jispeċifika:
“Din id-Direttiva m’għandhiex tapplika għal proġetti li d-dettalji tagħhom huma adottati b’att speċifiku ta’ leġislazzjoni nazzjonali, ladarba l-għanijiet ta’ din id-Direttiva, inkluż dak ta’ forniment ta’ informazzjoni, jinkisbu permezz ta’ proċess leġislattiv.”
6 L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337 jipprovdi:
“L-Istati Membri għandhom jadottaw il-miżuri kollha meħtieġa sabiex jiżguraw illi, qabel ma jingħata l-kunsens/approvazzjoni, il-proġetti li x’aktarx ikun sejjer ikollhom impatt sinifikanti fuq l-ambjent bis-saħħa, fost ħwejjeġ oħra, tan-natura, id-daqs u l-lokazzjoni tagħhom jiġu magħmula soġġetti għall-ħtieġa li jkun hemm il-kunsens/approvazzjoni għall-iżvilupp u stima rigward l-effetti tagħhom. Dawn il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4.”
7 L-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 85/337 jipprovdi:
“Mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 7, l-Istati Membri jistgħu, f’każijiet eċċezzjonali, jeżentaw proġett speċifiku fl-intier tiegħu jew f’parti minnu mid-dispożizzjonijiet preskritti f’din id-Direttiva.”
8 L-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/337 jipprovdi:
“1. Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), il-proġetti mniżżla fl-Anness I għandhom jiġu soġġetti għall-stima b’mod konformi ma’ l-Artikoli 5 sa 10.
2. Bla ħsara għall-Artikolu 2(3), għall-proġetti mniżżla fil-lista fl-Anness II, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu permezz ta’:
(a) eżami każ b’każ,
jew
(b) l-għetiebi [thresholds] jew il-kriterji stabbiliti mill-Istat Membru,
jekk il-proġett għandux jiġi sottomess għal stima b’mod konformi ma’ l-Artikoli 5 sa 10.
L-Istati Membri jistgħu jiddeċidu li japplikaw iż-żewġ proċeduri msemmija fil-(a) u fil-(b).
3. Meta jiġi mwettaq eżami każ b’każ jew jiġu stabbiliti l-għetiebi [t-thresholds] jew il-kriterji għall-għan tal-paragrafu 2, għandhom jitqiesu l-kriterji rilevanti tal-għażla ddikjarati fl-Anness III.
4. L-Istati Membri għandhom jiżguraw li dak li jkun ġie stabbilit mill-awtoritajiet kompetenti skond il-paragrafu 2 għandu jkun disponibbli għall-pubbliku.”
9 Il-punt 7(ċ) tal-Anness I tad-Direttiva 85/337 jipprovdi:
“Il-bini ta’ triq ġdida ta’ erba’ linji ta’ traffiku jew iktar, l-allinjament mill-ġdid u/jew it-twessigħ ta’ triq eżistenti ta’ żewġ linji tat-traffiku jew [inqas sabiex issir triq ta’ erba’ linji jew] iktar, fejn din it-triq ġdida jew sezzjoni allinjata mill-ġdid u/jew imwessgħa tat-triq tkun […]10 km jew iktar [li] ma taqta’ xejn fit-tul.”
10 Il-punt 10(e) tal-Anness II tad-Direttiva 85/337 jsemmi:
“Il-bini ta’ toroq, […]”
11 L-Anness III tad-Direttiva 85/337 jipprovdi:
“1. Karatteristiċi tal-proġetti
Il-karatteristiċi tal-proġetti għandhom jiġu kkunsidrati billi jitqiesu, b’mod partikolari:
– […]
– il-kumulazzjoni ma’ proġetti oħra,
[…]”
Il-kawża prinċipali u d-domandi preliminari
12 B’digriet tal-15 ta’ Novembru 2001, il-President tal-Kunsill tal-Ministri tar-Repubblika tal-Italja ddikjara stat ta’ urġenza fil-belt ta’ Milan minħabba t-tniġġis ikkawżat miċ-ċirkulazzjoni ta’ vetturi bil-mutur u mill-insuffiċjenza tan-netwerk tat-toroq eżistenti. B’digriet tat-28 ta’ Diċembru ta’ wara, il-Ministru tal-Intern innomina lis-Sindku ta’ Milan bħala kummissarju responsabbli għall-implementazzjoni tal-miżuri meħtieġa sabiex din is-sitwazzjoni tiġi rrimedjata.
13 Fil-kuntest tal-funzjonijiet tiegħu ta’ kummissarju responsabbli minn kwistjonijiet ta’ ċirkulazzjoni u trasport fil-belt ta’ Milan, is-sindku ta’ din il-belt approva programm ta’ xogħlijiet, li kien jinkludi l-proġett ta’ kostruzzjoni ta’ triq li tgħaqqad ċerti kwartieri fit-tramuntana ta’ Milan, b’tul ta’ 1 600 m. Fid-29 ta’ Ottubru 2002, huwa approva l-proġett definittiv ta’ din it-triq.
14 S. Aiello u residenti oħra taż-żona kkonċernata kkontestaw din id-deċiżjoni quddiem it-Tribunale amministrativo regionale per la Lombardia (Tribunal Amminstrattiv Reġjonali tal-Lombardija). Huma sostnew, partikolarment, li l-proċedura segwita ma kinitx konformi mad-dritt Komunitarju minħabba n-nuqqas ta’ stima tal-impatt ambjentali tal-proġett.
15 It-Tribunal ċaħad dan ir-rikors bħala infondat, u S. Aiello et appellaw minn din id-deċiżjoni quddiem il-Consiglio di Stato (Kunsill tal-Istat).
16 Il-Consiglio di Stato ordna miżuri istruttorji li minnhom irriżulta li, għalkemm il-pjan ta’ żvilupp ġenerali għall-belt ta’ Milan tal-1953 kien jipprovdi għall-kostruzzjoni ta’ triq ta’ iktar minn għaxar kilometri intiża sabiex ikun hemm konnessjoni rapida bejn il-kwartieri tal-belt mbiegħda minn xulxin, dan il-għan ġie finalment abbandunat favur proġett differenti, li involva l-kostruzzjoni ta’ diversi toroq distinti. Kellhom isiru żewġ toroq, li l-ewwel waħda fosthom hija dik li wasslet għall-kawża prinċipali; it-tieni waħda tikkostitwixxi triq distinta b’tul ta’ 1 300 m.
17 Il-Consiglio di Stato jikkunsidra, għalhekk, li l-proġett inkwistjoni fil-kawża prinċipali ma jaqax fil-kuntest tal-kostruzzjoni ta’ triq waħda ta’ iktar minn għaxar kilometri taħt l-Anness I tad-Direttiva 85/337, li jelenka l-proġetti li għalihom huwa mandatorju li ssir stima tal-impatt ambjentali, iżda f’dak tal-kostruzzjoni ta’ triq taħt l-Anness II ta’ din id-direttiva, li jsemmi sempliċement il-bini ta’ toroq.
18 Madankollu, il-Consiglio di Stato jistaqsi jekk il-proġett ikkontestat għandux jiġi suġġett għal stima bħal b’applikazzjoni, partikolarment, tad-dispożizzjonijiet meħuda flimkien tal-Artikolu 4, tal-Anness II u tal-Anness III tad-Direttiva 85/337, peress li dan il-proġett jagħmel parti minn operazzjoni ikbar ta’ ristrutturar ta’ diversi toroq tal-kwartieri kkonċernati, b’tali mod li l-awtorità kompetenti kellha tikkunsidra l-“kumulazzjoni” ta’ proġetti differenti, kriterju espressament previst mill-imsemmi Anness III. F’dawn iċ-ċirkustanzi huwa ddeċieda li jissospendi l-proċeduri quddiemu u li jagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja d-domandi preliminari li ġejjin:
“1) L-Artikolu 2 tad-Direttiva [85/337], meta jipprovdi li huma suġġetti għall-proċedura ta’ stima tal-impatt ambjentali dawk il-proġetti li jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent u li dawn il-proġetti huma ddefiniti fl-Artikolu 4 [ta’ l-istess direttiva], għandu jinftiehem fis-sens li kull proġett li għandu impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent huwa suġġett għal [din] il-proċedura ta’ stima anki jekk dan m’huwiex inkluż fil-lista tal-Annessi I u II ta’ [din] id-direttiva jew, bil-kuntrarju, fis-sens li huma biss il-proġetti previsti fl-Annessi I u II ta’ [l-imsemmija] direttiva li huma suġġetti għal [din il-] proċedura?
2) L-Artikolu 4 tad-Direttiva [85/337], meta jħalli f’idejn l-Istati Membri l-possibbiltà li jeżiġu l-proċedura ta’ stima tal-impatt ambjentali għall-proġetti [li jaqgħu] taħt l-Anness II [ta’ din id-direttiva] jew billi jagħmlu eżami każ b’każ, jew bl-applikazzjoni ta’ kriterji stabbiliti minn qabel, filwaqt li jikkunsidraw ukoll il-kriterji tal-għażla stabbiliti fl-Anness III [ta’ l-imsemmija direttiva], joħloq obbligu rigoruż jew sempliċi fakultà għall-Istati Membri li jikkunsidraw il-kriterji ta’ [l-imsemmi] Anness III?
3) L-Artikolu 1 tad-[digriet tal-President tar-Repubblika] tat-12 ta’ April 1996 jikkostitwixxi t-traspożizzjoni preċiża, mil-leġiżlatur Taljan, tal-Artikolu 4 tad-Direttiva [85/337] u tal-Anness III tagħha, meta dan ma jipprevedix bħala kriterju ta’ sottomissjoni għal stima tal-impatt ambjentali għall-proġetti [li jaqgħu taħt] l-Anness II tad-Direttiva l-kriterju tal-kumulazzjoni tal-proġett ma’ proġetti oħra, kif jipprevedi [l-imsemmi] Anness III?”
Fuq id-domandi preliminari
19 Skont l-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, b’mod partikolari fil-każ li r-risposta għal domanda mressqa tkun tista’ tiġi dedotta kjarament mill-ġurisprudenza tagħha jew meta ma jkun hemm ebda dubju raġonevoli dwar ir-risposta għal domanda bħal din, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’, wara li tkun semgħet lill-Avukat Ġenerali, tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat.
Fuq l-ammissibbiltà
20 Il-Comune di Milano jikkunsidra li d-domandi mressqa mill-Consiglio di Stato huma inammissibbli peress li ż-żewġ proġetti ta’ kostruzzjoni ta’ toroq li għalihom dan tal-aħħar jirreferi fid-deċiżjoni tar-rinviju jikkostitwixxu proġetti distinti u, barra minn hekk, m’humiex ta’ natura li jkollhom effett kumulattiv fuq l-ambjent.
21 F’dan ir-rigward, għandu jiġi mfakkar li, skont ġurisprudenza kostanti, fil-kuntest tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-qrati nazzjonali stabbilita fl-Artikolu 234 KE, hija biss il-qorti nazzjonali, li quddiemha titressaq il-kawża u li għandha tassumi r-responsabbiltà tad-deċiżjoni ġudizzjarja li għandha tingħata, li għandha tevalwa, fid-dawl taċ-ċirkustanzi partikolari tal-kawża, kemm in-neċessità ta’ deċiżjoni preliminari sabiex tkun f’pożizzjoni li tagħti d-deċiżjoni tagħha kif ukoll ir-rilevanza tad-domandi li hija tagħmel lill-Qorti tal-Ġustizzja. Konsegwentement, sakemm id-domandi preliminari magħmula jirrigwardaw l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħala prinċipju, għandha l-obbligu li tagħti deċiżjoni (ara, partikolarment, is-sentenza tal-10 ta’ Mejju, Agorà u Excelsior, C-223/99 u C‑260/99, Ġabra p. I-3605, punt 18).
22 F’dan il-każ, il-qorti tar-rinviju indikat b’mod ċar li kienet teħtieġ l-interpretazzjoni ta’ diversi dispożizzjonijet tad-Direttiva 85/337 sabiex tiddetermina jekk il-proġett ta’ kostruzzjoni tat-triq inkwistjoni fil-kawża prinċipali kellux ikun sottomess għal stima tal-impatt ambjentali tiegħu.
23 Barra minn hekk, ir-rifjut li tiddeċiedi fuq domanda preliminari magħmula minn qorti nazzjonali huwa possibbli biss meta jidher b’mod manifest li l-interpretazzjoni tad-dritt Komunitarju mitluba mill-qorti nazzjonali ma jkollha l-ebda relazzjoni mar-realtà jew mas-suġġett tal-kawża prinċipali, meta l-problema tkun ta’ natura ipotetika jew ukoll meta l-Qorti tal-Ġustizzja ma jkollhiex l-elementi fattwali jew ta’ dritt li huma meħtieġa sabiex twieġeb b’mod utli għad-domandi magħmula lilha (ara partikolarment is-sentenza Agorà u Excelsior, iċċitata iktar’il fuq, punt 20).
24 Ebda waħda minn dawn il-kundizzjonijiet m’hija ssodisfata f’din il-kawża.
25 Minn dan isegwi li d-domanda għal deċiżjoni preliminari hija ammissibbli.
Fuq il-mertu
26 Peress li ma hemm ebda dubju raġonevoli dwar ir-risposta għat-tliet domandi magħmula, il-Qorti tal-Ġustizzja informat lill-qorti tar-rinviju, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 104(3) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha, li hija kienet se tagħti deċiżjoni permezz ta’ digriet motivat u stiednet lill-partijiet interessati msemmija fl-Artikolu 23 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja sabiex jippreżentaw l-osservazzjonijiet li jista’ jkollhom fir-rigward.
27 Aiello et u l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej wieġbu għall-istedina tal-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Kummissjoni indikat fit-tweġiba tagħha li hija ma kellhiex oġġezzjoni għal deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta’ digriet motivat. Aiello et invokaw argumenti simili għal dawk imqajma fl-osservazzjonijiet bil-miktub tagħhom u talbu li tiġi ffissata seduta għas-smigħ tal-kawża. Madankollu, dawn l-argumenti ma jwasslux lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tabbanduna l-għażla proċedurali magħmula.
- Fuq l-ewwel domanda
28 Bl-ewwel domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337 għandux jiġi interpretat fis-sens li proġetti li jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent, iżda li m’humiex imsemmija fl-Annessi I u II ta’ din id-direttiva, għandhomx xorta waħda jkunu sottomessi għal stima tal-impatt ambjentali tagħhom li tkun konformi għal dik prevista fl-imsemmija direttiva.
29 L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337 jipprovdi li l-proġetti li jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent, partikolarment minħabba n-natura, id-daqs u l-lokazzjoni tagħhom, u li għandhom, minħabba f’hekk, ikunu suġġetti għal stima fir-rigward tal-impatt ambjentali tagħhom, huma ddefiniti fl-Artikolu 4 ta’ din id-direttiva.
30 L-Artikolu 4(1) tal-imsemmija direttiva jipprovdi li l-proġetti li jaqgħu taħt l-Anness I tad-Direttiva 85/337 għandhom ikunu suġġetti għal stima tal-impatt ambjentali tagħhom filwaqt li l-Artikolu 4(2) jipprovdi li, għall-proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II ta’ din id-direttiva, huwa l-kompitu tal-Istati Membri li jiddeterminaw jekk ikunx hemm ħtieġa li dawn jiġu suġġetti għal stima bħal din fuq il-bażi ta’ ċerti thresholds jew ta’ ċerti kriterji.
31 Hemm ukoll lok li jiġi mfakkar li dan l-artikolu jirriżerva, fiż-żewġ ipoteżijiet imsemmija fil-punt preċedenti, l-applikazzjoni tal-Artikolu 2(3) tad-Direttiva 85/337, li jippermetti lill-Istati Membri, f’każi eċċezzjonali, jeżentaw proġett speċifiku, kompletament jew parzjalment, mir-rekwiżiti ta’ stima.
32 Barra minn hekk, l-Artikolu 1(4) tad-Direttiva 85/337 jipprovdi li din id-direttiva ma tikkonċernax il-proġetti b’għanijiet ta’ difiża nazzjonali filwaqt li l-Artikolu 1(5) jipprovdi li din id-direttiva ma tapplikax għall-proġetti li d-dettalji tagħhom huma adottati b’att speċifiku ta’ leġiżlazzjoni nazzjonali, ladarba l-għanijiet ta’ din id-direttiva huma kkunsidrati milħuqa permezz ta’ proċess leġiżlattiv.
33 Fi kwalunkwe każ, għandu jiġi mfakkar ukoll li l-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 85/337 huwa wieħed estiż u li l-għan tagħha huwa wiesa’ ħafna (ara s-sentenzi tal-24 ta’ Ottubru 1996, Kraaijeveld et, C-72/95, Ġabra p. I-5403, punt 31, kif ukoll tas-16 ta’ Settembru 2004, Il-Kummissjoni vs Spanja, C-227/01, Ġabra p. I-8253, punt 46), u huwa f’dan l-ispirtu li din id-direttiva għandha tiġi implementata.
34 Għalhekk, fid-dawl tal-punti 29 sa 32 ta’ dan id-digriet, hemm lok li għall-ewwel domanda tingħata risposta li l-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337 għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeżiġix li kull proġett li jista’ jkollu impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent għandu jkun suġġett għall-proċedura ta’ stima li din id-direttiva tipprevedi, iżda li għandhom ikunu hekk suġġetti dawk il-proġetti biss li jissemmew fl-Annessi I u II tal-imsemmija direttiva, skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tagħha u bla ħsara għall-Artikolu 1(4) u (5) u kif ukoll l-Artikolu 2(3) ta’ din l-istess direttiva.
- Fuq it-tieni domanda
35 Bit-tieni domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment tistaqsi jekk il-kriterji tal-għażla msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 85/337 humiex imposti fuq l-Istati Membri meta dawn tal-aħħar jiddeterminaw, skont l-Artikolu 4(2) ta’ din id-direttiva, fir-rigward tal-proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II tagħha, fuq il-bażi ta’ eżami każ b’każ jew fuq il-bażi ta’ thresholds jew kriterji li huma jistabbilixxu, jekk dawn il-proġetti għandhomx ikunu suġġetti għall-proċedura ta’ stima tal-impatt ambjentali.
36 F’dan ir-rigward, il-Qorti tal-Ġustizzja diġà ġġudikat li, għalkemm l-Istati Membri għandhom il-possibbiltà li jistabbilixxu l-kriterji u/jew it-thresholds li jippermettu li jiġu ddeterminati liema proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II tad-Direttiva 85/337, fil-verżjoni inizjali tagħha, għandhom ikunu suġġetti għal stima bħal din, il-marġini ta’ diskrezzjoni tagħhom huwa limitat mill-obbligu, stipulat fl-Artikolu 2(1) tal-imsemmija direttiva, li jeżiġu li l-proġetti li jista’ jkollhom impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent, partikolarment minħabba n-natura, id-daqs jew il-lokazzjoni tagħhom, ikunu suġġetti għal stima rigward l-impatt ambjentali tagħhom (ara, partikolarment, is-sentenza tat-23 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-486/04, Ġabra I-11025, punt 53).
37 Skont l-Artikolu 4(2) tad-Direttiva 85/337, huwa l-kompitu tal-Istati Membri li jiddeterminaw huma stess f’liema każijiet il-proġetti elenkati fl-Anness II ta’ din id-direttiva għandhom ikun suġġetti għal stima tal-impatt ambjentali tagħhom, filwaqt li dawk li jinsabu fl-Anness I tal-istess direttiva għandhom dejjem ikunu suġġetti għal proċedura bħal din.
38 L-istess dispożizzjoni tħalli lill-Istati Membri żewġ possibbiltajiet. L-ewwel waħda hija dik li jiddeċiedu fuq il-bażi ta’ każ b’każ jekk proġett previst fl-imsemmi Anness II għandux ikun suġġett għal din l-istima. It-tieni waħda hija dik li jiddeterminaw, b’mod ġenerali u astratt, skont thresholds u kriterji, il-proġetti li jinsabu f’dan l-anness li b’mod obbligatorju għandhom ikunu suġġetti għal din l-istima.
39 Mit-test stess tal-Artikolu 4(3) tad-Direttiva 85/337 jirriżulta li din id-direttiva timponi fuq l-Istati Membri, fiż-żewġ każijiet bl-istess mod, l-obbligu li jikkunsidraw il-kriterji tal-għażla rilevanti ddefiniti fl-Anness III ta’ din id-direttiva, jiġifieri dawk il-kriterji li, fid-dawl tal-karatteristiċi tal-proġett ikkonċernat, għandhom jiġu applikati.
40 Għalhekk, hemm lok li għat-tieni domanda magħmula tingħata r-risposta li l-kriterji tal-għażla rilevanti msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 85/337 huma imposti fuq l-Istati Membri meta dawn jiddeterminaw, għall-proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II tagħha, jew fuq il-bażi ta’ eżami każ b’każ, jew fuq il-bażi ta’ thresholds jew ta’ kriterji li huma jistabbilixxu, jekk il-proġett ikkonċernat għandux jiġi suġġett għall-proċedura ta’ stima tal-impatt ambjentali.
- Fuq it-tielet domanda
41 Permezz tat-tielet domanda tagħha, il-qorti tar-rinviju qiegħda essenzjalment titlob lill-Qorti tal-Ġustizzja sabiex tippreċiża jekk il-leġiżlazzjoni Taljana inkwistjoni fil-kawża prinċipali tiżgurax traspożizzjoni korretta tal-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/337, peress li din il-leġiżlazzjoni ma tipprevedix il-kriterju tal-kumulazzjoni ma’ proġetti oħra, minkejja li dan huwa msemmi fl-Anness III ta’ din id-direttiva, bħala kriterju tal-għażla li għandu jitqies meta l-awtorità nazzjonali kompetenti tiddetermina jekk proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II ta’ din id-direttiva għandhomx ikunu suġġetti għall-istima tal-impatt ambjentali.
42 Skont ġurisprudenza kostanti, mhijiex il-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tippronunzja ruħha, fil-kuntest ta’ proċedura mressqa taħt l-Artikolu 234 KE, dwar il-kompatibbiltà tan-normi tad-dritt nazzjonali mad-dispożizzjonijiet tad-dritt Komunitarju. Min-naħa l-oħra, il-Qorti tal-Ġustizzja hija kompetenti li tagħti lill-qorti nazzjonali l-elementi kollha ta’ interpretazzjoni li joħorġu mid-dritt Komunitarju li jippermettu lil dik il-qorti tevalwa l-kompatibbiltà tan-normi tad-dritt nazzjonali mal-leġiżlazzjoni Komunitarja (sentenza tas-6 ta’ Marzu 2007, Placanica et, C‑338/04, C‑359/04 u C‑360/04, Ġabra p. I‑1891, punt 36 kif ukoll il-ġurisprudenza ċċitata).
43 F’din il-kawża, mid-deċiżjoni tar-rinviju jirriżulta li l-qorti nazzjonali qed tistaqsi jekk l-Istati Membri, fit-traspożizzjoni tad-Direttiva 85/337 fl-ordinament ġuridiku intern tagħhom, għandhomx jadottaw dispożizzjoni li tikkontempla l-obbligu li jiġi rrispettat il-kriterju tal-kumulazzjoni tal-proġett ikkonċernat ma’ proġetti oħra, imsemmi fl-Anness III ta’ din id-direttiva, meta tkun involuta l-evalwazzjoni ta’ jekk proġett li jaqa’ taħt l-Anness II ta’ din id-direttiva għandux ikun suġġett għall-istima tal-impatt ambjentali prevista fl-imsemmija direttiva.
44 F’dan ir-rigward, għandu l-ewwel jiġi mfakkar li kull Stat Membru destinatarju ta’ direttiva għandu l-obbligu li jieħu, fl-ordinament ġuridiku nazzjonali tiegħu, kull miżura meħtieġa sabiex jiżgura l-effett sħiħ ta’ dik id-direttiva, b’mod konformi mal-għan tagħha (sentenza tat-30 ta’ Novembru 2006, Il-Kummissjoni vs Il-Lussemburgu, C-32/05, p. I‑11323, punt 32).
45 Il-Qorti tal-Ġustizzja ġġudikat ukoll li d-dispożizzjonijiet ta’ direttiva għandhom jiġu implementati b’saħħa vinkolanti inkontestabbli, bl-ispeċifiċità, il-preċiżjoni u ċ-ċarezza meħtieġa, sabiex ikun issodisfat ir-rekwiżit taċ-ċertezza legali, li jitlob, fil-każ fejn din id-direttiva jkollha l-għan li toħloq drittijiet għal individwi, li l-benefiċjarji jitqiegħdu f’pożizzjoni li jagħrfu d-drittijiet kollha tagħhom (sentenza tal-4 ta’ Diċembru 1997, Il-Kummissjoni vs L-Italja, C-207/96, Ġabra p. I‑6869, punt 26).
46 F’dan il-każ, l-Artikolu 4 tad-Direttiva 85/337 għandu jiġi interpretat fis-sens li jimponi fuq l-awtorità kompetenti l-obbligu li tqis il-kriterji tal-għażla rilevanti msemmija fl-Anness III ta’ din id-direttiva meta tkun involuta l-evalwazzjoni ta’ jekk proġett li jaqa’ taħt l-Anness II tagħha għandux ikun suġġett għal stima tal-impatt ambjentali, jew meta din l-evalwazzjoni ssir fuq il-bażi ta’ każ b’każ, jew meta l-Istat Membru kkonċernat jagħżel li jagħmel regoli ġenerali.
47 Meta Stat Membru jagħżel li jiddetermina b’mod ġenerali u astratt, kif tippermettilu li jagħmel id-Direttiva 85/337, il-proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II ta’ din id-direttiva li għandhom ikunu suġġetti għal stima tal-impatt ambjentali, ikun kompitu tiegħu li jistabbilixxi l-lista ta’ dawn il-proġetti billi japplika, skont il-każ, kriterju jew diversi kriterji minn fost il-kriterji rilevanti tal-imsemmi Anness III. B’dan il-mod, il-kriterju tal-kumulazzjoni jista’ jintuża, fil-każ fejn ikun rilevanti, sabiex jissuġġetta tip ta’ proġett għal tali stima, filwaqt li jitqies li dan isir flimkien ma’ proġetti oħra, jekk ikun meħtieġ billi titqies it-tlestija tat-totalità ta’ dawn il-proġetti tul perijodu ta’ żmien iddeterminat.
48 Min-naħa l-oħra, meta Stat Membru jagħżel, b’mod totali jew parzjali, li jiddetermina fuq il-bażi ta’ każ b’każ il-proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II tad-Direttiva 85/337 li għandhom ikunu suġġetti għal stima tal-impatt ambjentali, ikun kompitu tiegħu li jiżgura li l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti jqisu l-kriterji differenti elenkati fl-Anness III ta’ din id-direttiva meta dawn ikollhom rilevanza fid-dawl tal-karatteristiċi tal-proġett ikkonċernat.
49 Għal dan il-għan, Stat Membru jista’ jirreferi, permezz tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, għall-kriterji tal-imsemmi Anness III. Huwa wkoll possibbli li dan l-Istat Membru jintegra dawn il-kriterji fil-leġiżlazzjoni tiegħu, billi jipprovdi espressament li l-awtoritajiet kompetenti għandhom jirreferu għalihom sabiex jiddeterminaw, każ b’każ, jekk proġett li jaqa’ taħt l-Anness II tad-Direttiva 85/337 għandux ikun suġġett għal stima tal-impatt ambjentali.
50 Fi kwalunkwe każ, meta Stat Membru jagħżel li jipproċedi b’dan il-mod, huwa ma jkunx jista’, mingħajr ma jonqos mill-obbligi Komunitarji tiegħu, jeskludi b’mod espliċitu jew impliċitu kriterju jew diversi kriterji tal-Anness III tad-Direttiva 85/337, peress li kull wieħed minnhom jista’, skont il-proġett li jaqa’ taħt l-Anness II ta’ din id-direttiva li jkun involut, ikun rilevanti sabiex jiġi ddeterminat jekk għandhiex issir proċedura ta’ stima tal-impatt ambjentali. Tali esklużjoni tista’, fil-fatt, skont il-karatteristiċi tal-ordinament ġuridiku nazzjonali inkwistjoni, jew tiddiswadi, jew anki żżomm lill-awtorità nazzjonali kompetenti milli tqis il-kriterju jew il-kriterji inkwistjoni.
51 Għalhekk hemm lok li għat-tielet domanda mressqa tingħata r-risposta li, meta Stat Membru jagħżel li jiddetermina każ b’każ liema mill-proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II tad-Direttiva 85/337 għandhom ikunu suġġetti għal stima tal-impatt ambjentali tagħhom, huwa għandu, jew b’riferiment fir-regoli nazzjonali tiegħu għall-Anness III ta’ din id-direttiva, jew billi jirriproduċi l-kriterji elenkati f’dan l-anness fir-regoli nazzjonali tiegħu, jiżgura li dawn ikunu jistgħu lkoll jiġu effettivament ikkunsidrati meta xi wieħed jew ieħor minnhom ikun rilevanti għall-proġett inkwistjoni, mingħajr ma jkunu jistgħu, b’mod espliċitu jew impliċitu, jiġu esklużi.
Fuq l-ispejjeż
52 Peress li l-proċedura għandha, fir-rigward tal-partijiet fil-kawża prinċipali, in-natura ta’ kwistjoni mqajma quddiem il-qorti tar-rinviju, hija din il-qorti li tiddeċiedi fuq l-ispejjeż. L-ispejjeż sostnuti għas-sottomissjoni tal-osservazzjonijiet lill-Qorti tal-Ġustizzja, barra dawk tal-imsemmija partijiet, ma jistgħux jitħallsu lura.
Għal dawn il-motivi, Il-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Sitt Awla) taqta’ u tiddeċiedi:
1) L-Artikolu 2(1) tad-Direttiva 85/337/KEE tal-Kunsill, tas-27 ta’ Ġunju 1985, dwar l-istima tal-effetti ta’ ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent, kif emendata bid-Direttiva tal-Kunsill 97/11/KE tat-3 ta’ Marzu 1997, għandu jiġi interpretat fis-sens li ma jeżiġix li kull proġett li jista’ jkollu impatt sinjifikattiv fuq l-ambjent għandu jkun suġġett għall-proċedura ta’ stima li din id-direttiva tipprevedi, iżda li għandhom ikunu hekk suġġetti dawk il-proġetti biss li jissemmew fl-Annessi I u II tal-imsemmija direttiva, skont il-kundizzjonijiet previsti fl-Artikolu 4 tagħha u bla ħsara għall-Artikolu 1(4) u (5) kif ukoll l-Artikolu 2(3) tal-istess direttiva.
2) Il-kriterji tal-għażla rilevanti msemmija fl-Anness III tad-Direttiva 85/337, kif emendata bid-Direttiva 97/11, huma imposti fuq l-Istati Membri meta dawn jiddeterminaw, għall-proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II tagħha, jew fuq il-bażi ta’ eżami każ b’każ, jew fuq il-bażi ta’ thresholds jew kriterji li huma jistabbilixxu, jekk il-proġett ikkonċernat għandux ikun suġġett għall-proċedura ta’ stima tal-impatt ambjentali.
3) Meta Stat Membru jagħżel li jiddetermina każ b’każ liema mill-proġetti li jaqgħu taħt l-Anness II tad-Direttiva 85/337, kif emendata bid-Direttiva 97/11, għandhom ikunu suġġetti għal stima tal-impatt ambjentali tagħhom, huwa għandu, jew b’riferiment fir-regoli nazzjonali tiegħu għall-Anness III ta’ din id-direttiva, jew billi jirriproduċi l-kriterji elenkati f’dan l-Anness fir-regoli nazzjonali tiegħu, jiżgura li dawn ikunu jistgħu lkoll jiġu effettivament ikkunsidrati meta xi wieħed jew ieħor minnhom ikun rilevanti għall-proġett inkwistjoni, mingħajr ma jkunu jistgħu, b’mod espliċitu jew impliċitu, jiġu esklużi.
Firem
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy