Digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja (Is-Seba’ Awla) tal-5 ta’ Mejju 2008 – Hospital Consulting et vs Esaote et
(Kawża C‑386/07)
“Regoli tal-Proċedura – Artikoli 92(1) u 104(3) – Regoli Komunitarji fil-qasam tal-kompetizzjoni – Sistemi nazzjonali dwar it-tariffa tal-onorarji ta’ avukat – Iffissar ta’ onorarji minimi – Inammissibbiltà parzjali – Domandi li r-risposta tagħhom tista’ tiġi dedotta mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja”
1. Kompetizzjoni – Regoli Komunitarji – Obbligi tal-Istati Membri – Leġiżlazzjoni intiża sabiex issaħħah l-effetti ta’ akkordji diġà eżistenti – Kunċett (Artikoli 10 KE, 81 KE u 82 KE) (ara l-punti 18-27, u d-dispożittiv 1)
2. Domandi preliminari – Ammissibbiltà – Domandi magħmula mingħajr dettalji suffiċjenti dwar il-kuntest fattwali u leġiżlattiv – Domandi magħmula f’kuntest li jeskludi risposta utli – Inammissibbiltà manifesta (Artikolu 234 KE) (ara l-punti 29-35 u d-dispożittiv 2)
Suġġett
Talba għal deċiżjoni preliminari - Consiglio di Stato - Interpretazzjoni tal-Artikoli 10 KE u 81(1) KE, kif ukoll tad-Direttiva 98/5/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tas-16 ta’ Frar 1998, sabiex tkun iffaċilitata l-prattika tal-professjoni ta’ avukat fuq bażi permanenti fl-Istati Membri minbarra dak fejn kienet miksuba l-kwalifikazzjoni (ĠU L 77, p.36) – Iffissar, minn organizzazzjoni professjonali nazzjonali, ta’ tariffa obbligatorja għas-servizzi ta’ avukat suġġetta għal approvazzjoni ministerjali – Leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi lill-Imħallfin, fil-kuntest tad-deċiżjonijiet ġudizzjarji fuq l-ispejjeż, li jidderogaw mill-onorarji minimi stabiliti
Dispożittiv
1) L-Artikoli 10 KE u 81 KE ma jipprekludux leġiżlazzjoni nazzjonali li tipprojbixxi bħala regola li ssir deroga mill-onorarji minimi approvati mid-digriet ministerjali, fuq il-bażi ta’ abbozz imfassal minn organizzazzjoni professjonali tal-avukati bħall-Consiglio nazionale forense, u li tipprojbixxi wkoll lill-qorti, meta tkun qed tiddeċiedi fuq l-ammont tal-ispejjeż li l-parti li tilfet għandha tħallas favur il-parti l-oħra, li tidderoga mill-imsemmija onorarji minimi.
2) It-tielet domanda magħmula mill-Consiglio di Stato, permezz tad-deċiżjoni tat-13 ta’ Jannar 2006, hija manifestament inammissibbli.
Full & Egal Universal Law Academy