DIGRIET TAT-TRIBUNAL GĦAS-SERVIZZ PUBBLIKU (L-Ewwel Awla)
19 ta’ Ottubru 2007
Kawża F-23/07
M
vs
L-Aġenzija Ewropea tal-Mediċini (EMEA)
“Servizz pubbliku – Uffiċjali – Invalidità – Kumitat ta’ l-Invalidità – Rifjut ta’ konvokazzjoni – Inammissibbiltà manifesta ”
Suġġett: Rikors, ippreżentat taħt l-Artikoli 236 KE u 152 KEFA, li permezz tiegħu M jitlob l-annullament tad-deċiżjoni ta’ l-EMEA, tal-25 ta’ Ottubru 2006, li tiċħad it-talba tiegħu intiża sabiex jiġi mwaqqaf kumitat ta’ l-invalidità, kif ukoll tad-deċiżjoni ta’ l-EMEA, tal-31 ta’ Jannar 2007, li tiċħad it-talba tiegħu għal kumpens.
Deċiżjoni : Ir-rikors huwa miċħud bħala inammissibbli. Kull parti għandha tbati l-ispejjeż tagħha.
Sommarju
1. Uffiċjali – Rikors – Att li jikkawża preġudizzju – Deċiżjoni li tirrepeti l-pożizzjoni meħuda fid-deċiżjoni inizjali – Att purament konfermattiv –Inammissibbiltà
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)
2. Uffiċjali – Rikors – Rikors għal annullament mhux imressaq fit-termini stabbilit – Rikors għal danni intiż għal riżultat identiku – Inammissibbiltà
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 90 u 91)
1. Deciżjoni li permezz tagħha l-amministrazzjoni tillimita ruħha, fin-nuqqas ta’ żvilupp ta’ l-istat ta’ saħħa ta’ l-uffiċjal ikkonċernat, sabiex terġa’ tirrepeti r-rifjut tagħha li twaqqaf kumitat ta’ l-invalidità, anki jekk din id-deċiżjoni hija meħuda fid-dawl ta’ rapport mediku li ma kienx disponibbli matul it-teħid ta’ pożizzjoni inizjali ta’ l-amministrazzjoni, tikkostitwixxi att purament konfermattiv, u mhux deċiżjoni ġdida li għandha bħala effett li tiftaħ mill-ġdid it-terminu sabiex jitressaq rikors.
(ara l-punti 40 u 43)
Referenza:
Il-Qorti tal-Ġustizzja: 20 ta’ Mejju 1987, Gherardi Dandolo vs Il-Kummissjoni, 214/85, Ġabra p. 2163, punti 15 sa 17
2. Talba għal danni hija inammissibbli meta l-uffiċjal ifittex għaldaqstant li jikseb riżultat identiku għal dak li kien ikollu fil-każ ta’ suċċess ta’ rikors għal annullament li huwa naqas milli jressaq fi żmien utli. Uffiċjal li naqas milli jippreżenta, fit-termini previsti fl-Artikoli 90 u 91 tar-Regolamenti tal-Persunal, rikors għal annullament kontra att li allegatament jikkawżalu preġudizzju ma jistax b’hekk, permezz ta’ talba għal kumpens tad-dannu kkawżat permezz ta’ dan l-att, jikkumpensa għal din l-omissjoni u jkollu b’hekk termini ġodda sabiex iressaq rikors.
(ara l-punt 45)
Referenza:
Il-Qorti tal-Ġustizzja: 14 ta’ Frar 1989, Bossi vs Il-Kummissjoni, 346/87, Ġabra p. 303, punt 32
Il-Qorti tal-Prim’Istanza: 13 ta’ Lulju 1993, Moat vs Il-Kummissjoni, T‑20/92, Ġabra p. II‑799, punt 46; 28 ta’ Ġunju 2005, Ross vs Il-Kummissjoni, T‑147/04, Ġabra p. I‑A‑171 u II‑771, punt 48
Full & Egal Universal Law Academy