SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)
8 ta’ Lulju 2008
Kawża T-56/07 P
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
vs
Ioannis Economidis
“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Annullament fl-ewwel istanza tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni li tirrigwarda l-ħatra f’pożizzjoni ta’ kap ta’ diviżjoni – Ċaħda tal-kandidatura tar-rikorrent – Ħatra ta’ kandidat ieħor – Determinazzjoni tal-grad tal-pożizzjoni li għandha timtela fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Prinċipju ta’ separazzjoni tal-grad u tal-funzjoni – Appell fondat – Kawża fi stat li tiġi deċiża – Ċaħda tar-rikors”
Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla), tal-14 ta’ Diċembru 2006, Economidis vs Il-Kummissjoni (F-122/05, ĠabraSP p. I-A-1-179 u II-A-1-725), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.
Deċiżjoni: Is-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, tal-14 ta’ Diċembru 2006, Economidis vs Il-Kummissjoni (F-122/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), hija annullata. Ir-rikors ippreżentat minn Ioannis Economidis quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Kawża F-122/05 huwa miċħud. I. Economidis u l-Kummissjoni għandhom ibatu l-ispejjeż rispettivi tagħhom relatati mal-istanza quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku kif ukoll ma’ din l-istanza. Il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti tal-Awdituri tal-Komunitajiet Ewropej, intervenjenti insostenn tat-talbiet tal-Kummissjoni, għandhom ibatu l-ispejjeż tagħhom.
Sommarju
1. Uffiċjali – Impjieg – Korrispondenza bejn grad u funzjonijiet – Kapijiet ta’ diviżjoni – Assenza
(Regolamenti tal-Persunal, punt A, Anness I)
2. Uffiċjali – Organizzazzjoni tad-dipartimenti – Determinazzjoni tal-grad tal-pożizzjoni li għandha timtela fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti – Kapijiet ta’ diviżjoni – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni – Kriterji – Obbligu li jiġi stabbilit il-livell tal-impjieg qabel l-eżami tal-kandidaturi – Assenza
(Regolamenti tal-Persunal, Anness I, punt A)
3. Uffiċjali – Reklutaġġ – Proċeduri – Għażla – Setgħa diskrezzjonali tal-amministrazzjoni
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 29(1) u 45a)
1. Ir-Regolamenti tal-Persunal ma jistabbilixxu ebda korrispondenza bejn il-funzjoni ta’ kap ta’ diviżjoni u grad partikolari. Għall-kuntrarju, dawn ir-regolamenti, għal funzjoni ta’ kap ta’ diviżjoni, iddissoċjaw espressament il-grad u l-funzjoni.
(ara l-punt 59)
2. Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ reklutaġġ għal pożizzjoni ta’ kap ta’ diviżjoni li għandu jimtela permezz ta’ trasferiment, meta d-determinazzjoni tal-livell tal-impjieg li għandu jimtela ma tiddependi minn ebda deċiżjoni awtonoma meħuda mill-Awtorità tal-Ħatra, iżda tirriżulta awtomatikament mill-grad tal-kandidat magħżul u ma tikkostitwixxix għalhekk kriterju għall-għażla tal-kandidat, il-fatt li hija ma bidlitx l-avviż ta’ pożizzjoni vakanti u li hija seħħet wara l-għażla definittiva tal-kandidat, wara eżami komparattiv tal-merti, skont il-kundizzjonijiet imposti permezz tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, mhuwiex ta’ natura li jeskludi l-kandidati li kienu jissodisfaw il-kundizzjonijiet tal-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, u lanqas li jaffettwa l-oġġettività tal-proċedura.
Il-punt A tal-Anness I tar-Regolamenti tal-Persunal jipprevedi li l-gradi AD 9 sa AD 12 (A*9 sa A*12 fil-perijodu tranżitorju) u l-gradi AD 13 u AD 14 (A*13 u A*14 fil-perijodu tranżitorju) jistgħu jikkorrispondu, mingħajr ebda distinzjoni, għall-pożizzjoni tat-tip ta’ “amministratur li jeżerċita l-funzjoni ta’ kap ta’ diviżjoni”. Ir-rieda tal-leġiżlatur hija għalhekk b’mod ċar li titħalla għażla wiesa’ lill-istituzzjonijiet sabiex jistabbilixxu l-grad adegwat matul ir-reklutaġġ ta’ kap ta’ diviżjoni.
Barra minn dan, proċedura ta’ reklutaġġ għal pożizzjoni ta’ kap ta’ diviżjoni hija oġġettiva jekk din tippermetti, skont l-interess tas-servizz, li tintgħażel il-persuna l-iktar adattata sabiex teżerċita l-funzjonijiet meħtieġa. Għalkemm jeżisti obbligu fuq l-istituzzjonijiet sabiex jistabbilixxu, fl-avviż ta’ pożizzjoni vakanti, il-grad eżatt tal-pożizzjoni ta’ kap ta’ diviżjoni li għandu jimtela, dan l-obbligu mhux biss ma jkunx ibbażat fuq id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal, iżda jnaqqas ukoll kunsiderevolment in-numru ta’ kandidaturi għall-pożizzjoni inkwistjoni. Konsegwentement, tali obbligu jista’ jostakola lill-Awtorità tal-Ħatra milli tagħżel l-aħjar kandidat fost l-uffiċjali kollha li għandhom profil komparabbli u adegwat u li jaqgħu taħt il-firxa wiesa’ ta’ gradi eliġibbli għal tali pożizzjoni, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolamenti tal-Persunal.
(ara l-punti 66, 67, 81 u 85)
3. L-Artikolu 29 tar-Regolamenti tal-Persunal ma jimponi ebda obbligu fuq l-Awtorità tal-Ħatra sabiex teżamina simultanjament it-tliet possibbiltajiet previsti fil-paragrafu 1(a) tiegħu, jiġifieri l-possibbiltajiet ta’ trasferiment, ta’ ħatra skont l-Artikolu 45a tar-Regolamenti tal-Persunal u ta’ promozzjoni, qabel ma timtela pożizzjoni ta’ kap ta’ diviżjoni vakanti meta din l-awtorità tikkunsidra li s-sempliċi eżami tal-possibbiltajiet ta’ trasferiment jippermetti li jinstab, għall-pożizzjoni inkwistjoni, kandidat li jkollu l-iktar kwalitajiet ta’ kompetenza, effiċjenza u integrità. Fil-fatt, mill-Artikolu 29(1) tar-Regolamenti tal-Persunal jirriżulta li huwa biss fil-każ li istituzzjoni tqis neċessarju li jiġu eżaminati t-talbiet ta’ trasferiment ta’ uffiċjali ta’ istituzzjonijiet oħra jew li tiġi organizzata kompetizzjoni interna jew esterna li din għandha tiżgura ruħha preliminarjament li l-eżami tat-tliet possibbiltajiet previsti fl-Artikolu 29(1)(a) ta’ dawn ir-regolamenti ma jippermettix li jinstab, fi ħdan l-istituzzjoni, għall-pożizzjoni inkwistjoni, il-kandidat l-iktar xieraq.
(ara l-punt 89)
Full & Egal Universal Law Academy