SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Sitt Awla)
20 ta’ Mejju 2009 ( *1 )
“Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti Komunitarja — Trasport tal-Membri tal-Parlament Ewropew bil-karozza u bil-minibus bix-xufier matul il-perijodi ta’ sessjoni fi Strasbourg — Ċaħda tal-offerta ta’ offerent — Obbligu ta’ motivazzjoni — Rifjut ta’ komunikazzjoni tal-prezz propost mill-offerent magħżul — Rikors għad-danni”
Fil-Kawża T-89/07,
VIP Car Solutions SARL, stabbilita f’Hoenheim (Franza), irrappreżentata minn G. Welzer u S. Leuvrey, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn D. Petersheim u M. Ecker, bħala aġenti,
konvenut,
li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tad-deċiżjoni li permezz tagħha l-Parlament irrifjuta li jagħti lir-rikorrenti l-kuntratt li kien is-suġġett tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti PE/2006/06/UTD/1, dwar it-trasport tal-Membri tal-Parlament bil-karozza u bil-minibus bix-xufier matul il-perijodi ta’ sessjoni fi Strasbourg u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Is-Sitt Awla),
komposta minn A. W. H. Meij, President tal-Awla, V. Vadapalas (Relatur) u E. Moavero Milanesi, Imħallfin,
Reġistratur: C. Kristensen, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tad-9 ta’ Diċembru 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-kuntest ġuridiku
1
L-għoti ta’ kuntratti għal servizzi mill-Parlament Ewropew huwa suġġett għad-dispożizzjoniet tat-Titolu V tal-ewwel parti tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74, iktar ’il quddiem ir-“regolament finanzjarju”), kif ukoll għad-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tal-ewwel parti tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implementazzjoni tar-regolament finanzjarju (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145, iktar ’il quddiem il-“regoli dettaljati”). Dawn id-dispożizzjonijiet huma bbażati fuq id-direttivi Komunitarji f’dan il-qasam, b’mod partikolari, dawk li jirrigwardaw il-kuntratti għal servizzi, tad-Direttiva tal-Kunsill 92/50/KEE, tat-, relatata mal-koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti tas-servizz pubbliku [proċeduri ta’ kuntratti pubbliċi għal servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 1, p. 322), kif emendata b’mod partikolari bid-Direttiva 97/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tat- (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 3, p. 3), li ġiet abrogata u mibdula bid-Direttiva 2004/18/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, tal- fuq koordinazzjoni ta’ proċeduri għall-għoti ta’ kuntratti għal xogħlijiet pubbliċi, kuntratti għal provvisti pubbliċi u kuntratti għal servizzi pubbliċi [kuntratti pubbliċi għal xogħlijiet, provvisti u servizzi] (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 6, Vol. 7, p. 132).
2
Skont it-termini tal-Artikolu 100(2) tar-regolament finanzjarju:
“L-awtorità tal-kuntratti [awtorità kontraenti] għandha tinnotifika lill-kandidati jew lill-appaltaturi [offerenti] kollha li l-applikazzjonijiet jew l-offerti tagħhom huma miċħuda bil-bażi li fuqhom tkun ittieħdet id-deċiżjoni, u lill-appaltaturi [offerenti] kollha li l-offerti tagħhom huma ammissibbli u li jagħmlu talba bil-miktub, bil-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi ta’ l-appaltatur b’suċċess [offerent magħżul] u l-isem ta’ l-appaltatur [offerent] li lilu jingħata il-kuntratt.
B’dana kollu, ċerti dettalji ma jkunx hemm ħtieġa li jkunu żvelati meta l-iżvelar tagħhom ikun ifixkel l-applikazzjoni tal-liġi, ikun kuntrarju ta’ l-interess pubbliku jew ikunu ta’ ħsara għall-interessi leġittimi tan-negozju ta’ l-impriżi pubbliċi jew privati jew jista’ jgħawweġ il-kompetizzjoni ġusta bejn dawk l-impriżi.”
3
L-Artikolu 149(3) tar-regoli dettaljati, fil-verżjoni tagħhom applikabbli għall-fatti inkwistjoni, jipprovdi:
“Għall-kuntratti li ngħataw mill-istituzzjonijiet komunitarji f’isimhom stess, skond l-Artikolu 105 tar-Regolament Finanzjarju, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jinnotifikaw l-aktar kmieni possibbli wara d-deċiżjoni ta’ għoti u l-aktar tard matul il-ġimgħa ta’ wara, b’mod simultanju u individwali lil kull min tefa’ offerta jew lil kull kandidat eliminat, permezz ta’ ittra u fax jew posta elettronika, li l-offerta jew il-kandidatura tagħhom ma ġietx aċċettata u billi jiġi ppreċiżat f’kull każ ir-raġunijiet għal din l-eliminazzjoni ta’ l-offerta jew tal-kandidatura.
L-awtoritajiet kontraenti fl-istess ħin għandhom jinnotifikaw in-notifiki ta’ l-eliminazzjoni indirizzati lill-kandidati jew lil dawk li tefgħu l-offerti eliminati, id-deċiżjoni dwar l-għotja lil dak li ntgħażel billi jiġi ppreċiżat li d-deċiżjoni nnotifikata ma tikkostitwixxix impenn min-naħa ta’ l-awtorità kontraenti kkonċernata.
Dawk li tefgħu l-offerti jew il-kandidati eliminati jistgħu jakkwistaw informazzjoni kumplimentari dwar ir-ragunijiet għall-eliminazzjoni tagħhom, permezz ta’ talba bil-miktub, permezz ta’ ittra, fax jew posta elettronika u għal dawk kollha li tefgħu offerta aċċettabbli [ammissibbli], fuq il-karatteristiċi u l-vantaġġi ta’ l-offerta li ntgħażlet kif ukoll l-isem ta’ min ta din l-offerta, bla preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 100(2), it-tieni inċiż, tar-Regolament Finanzjarju. L-awtoritajiet kontraenti għandhom jirrispondu f’tul ta’ żmien ta’ ħmistax-il ġurnata li għandhom jibdew jgħoddu mid-data ta’ l-ilqugħ tat-talba. […]”
Il-fatti li wasslu għall-kawża
4
Ir-rikorrenti, VIP Car Solutions SARL, hija kumpannija ta’ kiri ta’ karozzi lussużi bix-xufier għal kiri.
5
B’avviż ta’ kuntratt ippubblikat fis-Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, tas-16 ta’ Settembru 2006 (ĠU S 177), il-Parlament fetaħ is-sejħa għal offerti PE/2006/06/UTD/1, rigward it-trasport ta’ Membri tal-Parlament Ewropew bil-karozza u bil-minibus bix-xufier matul il-perijodi ta’ sessjoni fi Strasbourg (iktar ’il quddiem is-“sejħa għal offerti”).
6
Skont it-termini tal-punt IV.2.1 tas-sejħa għal offerti, il-kuntratt kellu jingħata lill-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża, evalwata skont il-kriterji relevanti li ġejjin: prezz (55%), flotta tal-karozzi mqiegħda għad-dispożizzjoni (kwantitattiva u kwalitattiva) (30%), miżuri applikati jew relatati mal-vetturi sabiex ikunu sodisfatti l-eżiġenzi ambjentali (7%), politika soċjali applikata għall-persunal (6%) u preżentazzjoni tal-offerta (2%).
7
It-terminu sa meta kellhom jintlqagħu offerti jew talbiet ta’ parteċipazzjoni ġie stabbilit għas-27 ta’ Ottubru 2006. Fit-terminu stabbilit ġew iddepożitati tliet offerti, fosthom dik tar-rikorrenti. Fis-, il-kummissjoni tal-ftuħ tal-offerti ddikjarat it-tliet offerti konformi mas-sejħa għal offerti.
8
Fit-30 ta’ Novembru 2006, il-kumitat ta’ evalwazzjoni tal-offerti (iktar ’il quddiem il-“kumitat ta’ evalwazzjoni”) ippropona l-għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor li mhuwiex ir-rikorrenti, li kien kiseb total ta’ 566 punti, imqassma kif ġej: 290 punti għall-prezz, 180 punti għall-flotta tal-karozzi, 42 punti għall-miżuri ambjentali, 36 punti għall-politika soċjali u 18-il punt għall-preżentazzjoni tal-offerta.
9
Ir-rikorrenti ġiet ikklassifikata fit-tieni post b’total ta’ 504 punti, imqassma kif ġej: 343.5 punti għall-prezz, 135 punti għall-flotta tal-karozzi, 0 punti għall-miżuri ambjentali, 18-il punt għall-politika soċjali u 8 punti għall-preżentazzjoni tal-offerta.
10
Fit-3 ta’ Jannar 2007, il-Parlament ta l-kuntratt lill-offerent li kien ġie propost mill-kumitat ta’ evalwazzjoni (iktar ’il quddiem l-“offerent magħżul”).
11
Fid-9 ta’ Jannar 2007, il-Parlament bagħat lir-rikorrenti ittra elettronika li taqra kif ġej:
“Jekk jogħġbok sib mehmuża l-ittra li tirrgwarda l-offerta tiegħek. L-oriġinali ta’ din l-ittra ser tasallek bil-posta rreġistrata. Jekk jogħġbok ikkonferma li rċevejt din l-[ittra elettronika.]”
12
B’din l-ittra mhux iffirmata u bla data, mehmuża mal-ittra elettronika, il-Parlament informa lir-rikorrenti bid-deċiżjoni li ma kienx laqa’ l-offerta tagħha fil-kuntest tas-sejħa għal offerti (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
13
Id-deċiżjoni kkontestata tistabbilixxi dan li ġej:
“Il-motivi li ġġustifikaw iċ-ċaħda tal-offerta tiegħek huma dawn li ġejjin: l-offerta mhijiex l-iktar waħda ekonomikament vantaġġjuża fid-dawl tal-kriterji għall-għoti tal-kuntratt.
Ninformawk li għandek il-possibbiltà li tikseb, bla ħsara għal eventwali rikors ġudizzjarju, informazzjoni komplementari rigward il-motivi taċ-ċaħda tal-offerta tiegħek.
Fuq talba bil-miktub, huwa possibbli li tikseb il-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem ta’ min ingħata l-kuntratt.
Madankollu, il-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi ser titħalla barra fil-każ fejn tostakola l-applikazzjoni tal-liġijiet, tkun kuntrarja għall-interess pubbliku, toħloq dannu lill-interessi kummerjċali leġittimi ta’ impriżi pubbliċi jew privati jew tkun tista’ tikkawża dannu lill-kompetizzjoni leali bejniethom […]”
14
B’ittra elettronika tal-10 ta’ Jannar 2007, ir-rikorrenti rrispondiet kif ġej:
“Ninformawk li rċivejna l-[ittra elettronika] tiegħek rigward iċ-ċaħda tal-offerta tagħna. Għalhekk, kif tipproponi, nixtiequ nirċievu l-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati tal-offerta magħżula, kif ukoll l-isem tal-persuna li ngħatat il-kuntratt. Effettivament, billi l-offerta tagħhna mhijiex l-iktar waħda ekonomikament vantaġġuża, tista’ tindikalna l-prezz fis-siegħa propost mill-kumpannija magħżula [?]”
15
B’ittra tal-15 ta’ Jannar 2007, ir-rikorrenti talbet mill-ġdid lill-Parlament jikkomunikalha l-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati tal-offerta magħżula, l-isem ta’ min ingħata l-kuntratt kif ukoll il-prezz propost mill-offerent magħżul. Hija enfasizzat li, sa din il-ġurnata, kienet għadha ma rċevietx l-oriġinali tal-ittra rreġistrata li tgħid li l-offerta tagħha kienet ġiet miċħuda.
16
B’ittra tat-23 ta’ Jannar 2007, il-Parlament, b’risposta għall-ittra elettronika tar-rikorrenti tal- u filwaqt li rrefera għall-Artikolu 100(2) tar-regolament finanzjarju, fakkar il-kriterji tal-għażla evalwati stabbiliti permezz tas-sejħa għal offerti, u wara indika dan li ġej:
“Billi l-offerta magħżula kisbet fil-kriterji kollha msemmija hawn fuq il-[m]arka l-iktar għolja […] (566), hija għalhekk ikklassifikata fl-ewwel pożizzjoni.
Ninformawk li minkejja prezz ftit inferjuri l-offerta tiegħek kisbet 504 punti, u minħabba f’hekk hija kklassifikata fit-tieni post.”
17
B’din l-ittra, il-Parlament ikkomunika wkoll lir-rikorrenti l-isem ta’ min ingħata l-kuntratt.
18
Fl-24 ta’ Jannar 2007, il-Parlament bagħat lir-rikorrenti l-oriġinali tal-ittra li biha informaha bid-deċiżjoni taċ-ċaħda tal-offerta tagħha.
19
B’ittra elettronika tal-31 ta’ Jannar 2007, il-Parlament staqsa lir-rikorrenti jekk kinitx irċeviet din l-ittra. B’ittra elettronika tal-istess ġurnata, ir-rikorrenti wieġbet fin-negattiv.
20
B’ittra tal-1 ta’ Marzu 2007, ir-rikorrenti, permezz tal-avukat tagħha, enfasizzat li kienet ipproponiet prezz eċċezzjonali fil-kuntest tas-sejħa għal offerti u talbet il-komunikazzjoni ta’ kopja tal-offerta ppreżentata mill-offerent magħżul sabiex issir taf il-prezz li kien offra.
21
B’ittra tal-20 ta’ Marzu 2007 mibgħutha lill-avukat tar-rikorrenti, il-Parlament, filwaqt li rrefera għat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(2) tar-regolament finanzjarju, ċaħad din it-talba u żied dan li ġej:
“[…] [N]informawk li, fi 48 ġurnata mill-firma tal-kuntratt, is-sejħa għal offerti tagħti lok għall-pubblikazzjoni, fil-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, avviż ta’ postinformazzjoni fejn ikunu inklużi l-elementi essenzjali, bħall-prezz imħallas.
Aħna nieħdu att tal-fatt li ‘l-klijenti tiegħek jafu li kienu pproponew prezz eċċezzjonali’.
Fi kwalunkwe każ għandna nfakkruk li l-prezz ma kienx l-uniku kriterju ta’ għażla. Il-kriterji kwalitattivi u funzjonali għandhom importanza partikolari għal istituzzjoni bħal tagħna u jistgħu jiġġustifikaw prezz iktar għoli.
Ir-rimarka tagħna ‘minkejja prezz ftit inferjuri’ kienet tirreferi preċiżament għal dan l-aspett tas-sejħa għal offerti; nindikaw b’mod partikolari li, għalkemm l-offerta tal-klijenti tiegħek kienet kisbet l-ogħla marka f’dak li jikkonċerna l-prezz, is-somma tal-marki kif stabbilita mill-kumitat ta’ evalwazzjoni u li kienet tieħu inkunsiderazzjoni l-kriterji kollha elenkati fl-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa ma tippermittix li tingħata l-kuntratt. Fil-fatt, kif diġà ġew informati, l-offerta tagħha ttotalizzat 504 punti kontra 566 għal dik li ngħatat il-kuntratt.”
22
B’ittra tat-23 ta’ Marzu 2007, ir-rikorrenti sostniet li, minħabba li l-kriterju tal-prezz kien jammonta għal-55% fl-evalwazzjoni tal-offerti, l-għoti tal-kuntratt lil offerent ieħor u mhux lilha kien impossibbli u li r-rifjut li jkun ikkomunikat il-prezz propost mill-offerent magħżul kien iċaħħadha mill-possibbiltà li tivverifika l-kundizzjonijiet tal-għoti tal-kuntratt qabel ma jiskadi t-terminu tar-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.
23
Fis-7 ta’ April 2007, l-avviż tal-għoti tal-kuntratt ġie ppubblikat fis-Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali (ĠU S 69). Dan jindika li l-prezz propost mill-offerent magħżul kien ta’ EUR 26 fis-siegħa barra l-pjan u ta’ EUR 37.50 is-siegħa skont il-pjan.
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
24
Permezz ta’ att ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-23 ta’ Marzu 2007, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors.
25
Billi membru tal-Awla ma setax jisma’ l-kawża, il-President tal-Qorti tal-Prim’Istanza assenja, skont l-Artikolu 32(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, imħallef ieħor sabiex jikkompleta l-Awla.
26
Fuq rapport tal-imħallef relatur, il-Qorti tal-Prim’Istanza (Is-Sitt Awla) iddeċidiet li tiftaħ il-proċedura orali u, fil-kuntest tal-miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar-Regoli tal-Proċedura, talbet lill-partijiet iressqu d-dokumenti. Il-partijiet wieġbu għal din it-talba fit-terminu stabbilit.
27
Il-partijiet instemgħu fit-trattazzjoni tagħhom u fit-tweġibiet tagħhom għall-mistoqsijiet magħmula mill-Qorti tal-Prim’Istanza matul is-seduta tad-9 ta’ Diċembru 2008.
28
Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
—
tiddikjara r-rikors ammissibbli;
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
—
tannulla l-atti kollha sussegwenti għad-deċiżjoni kkontestata;
—
tikkundanna lill-Parlament għall-ħlas ta’ EUR 500000 bħala danni;
—
tikkundanna lill-Parlament għall-ħlas tal-ispejjeż li ma jistgħux jinġabru għall-ammont ta’ EUR 5000;
—
tikkundanna lill-Parlament għall-ispejjeż.
29
Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti titlob barra minn hekk li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
—
tordna lill-Parlament jorganizza sejħa għal offerti regolari.
30
Fir-risposta tiegħu, il-Parlament jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
—
tiċħad ir-rikors għal annullament;
—
tiċħad ir-rikors għad-danni;
—
tiċħad it-talba għall-kundanna tal-Parlament għall-ħlas tal-ispejjeż li ma jistgħux jinġabru għall-ammont ta’ EUR 5000;
—
tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
31
Fil-kontroreplika tiegħu l-Parlament jitlob barra minn hekk li l-Qorti tal-Prim’Istanza jogħġobha:
—
tiċħad it-talba għal ordni sabiex jorganizza sejħa għal offerti regolari.
32
Waqt is-seduta, fi tweġiba għal mistoqsija tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrenti rtirat it-talba li permezz tagħha kienet talbet il-kundanna tal-Parlament għall-ispejjeż li ma jistgħux jinġabru għall-ammont ta’ EUR 5000, li ttieħdet nota tagħha fil-verbal tas-seduta.
Id-dritt
Fuq it-talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata
33
Ir-rikorrenti, essenzjalment, tinvoka żewġ motivi bbażati, minn naħa, fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni u, min-naħa l-oħra, fuq l-irregolarità tar-rifjut tal-komunikazzjoni tal-prezz propost mill-offerent magħżul.
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq l-obbligu ta’ motivazzjoni
— L-argumenti tal-partijiet
34
Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li, fil-kuntest tas-sejħa għal offerti, il-kriterju tal-prezz kien jammonta għal 55%, jiġifieri iktar min-nofs tal-kriterji ta’ għażla kollha. Hija tenfasizza li kienet ipproponiet il-prezz l-inqas għoli, jiġifieri EUR 31.70 fis-siegħa. Madankollu, hija kisbet biss 504 punti kontra 566 punti għall-offerent magħżul. Ir-rikorrenti tindika li hija ma tifhimx din id-differenza ta’ punti meta hija kienet għamlet l-aħjar offerta f’dak li jikkonċerna l-prezz. Fil-fehma tagħha, matematikament, il-kuntratt ma setax jingħata lil offerent ieħor.
35
Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti tenfasizza li l-Parlament kien irrikonoxxa li għamel żball fil-kalkolu tat-total tal-punti tagħha, li juri n-nuqqas ta’ serjetà li mexa biha l-kumitat ta’ evalwazzjoni.
36
Fir-rigward tal-kriterju tal-flotta, ir-rikorrenti tirrileva li l-Parlament, b’mod arbitrarju, ta ż-żewġ terzi tal-marka għall-aspett kwantitattiv u terz biss għall-aspett kwalitattiv. Issa, hija qatt ma ġiet informata b’dan it-tqassim, li hija tikkunsidra mhux iġġustifikat, għaliex il-proprjetà tal-vetturi mhijiex iktar importanti mill-kwalità tagħhom. Peress li l-offerenti ngħataw kollha l-istess marka f’dak li jikkonċerna l-kriterju tal-kwalità, id-differenza ta’ punti bejn ir-rikorrenti u l-offerent magħżul kellha tkun minima.
37
Fir-rigward tal-kriterju tal-miżuri ambjentali, ir-rikorrenti tqis li huwa impossibbli li hija ma tkun irċeviet l-ebda punt. Fil-fatt, kif isostni l-offerent, din hija suġġetta għal-liġi Franċiża dwar il-kumpanniji ta’ kiri ta’ trasport ta’ lussu, li timponi vetturi fi stat eċċellenti ta’ manutenzjoni mekkanika u kontrolli annwali. Barra minn hekk, il-vetturi kollha tagħha huma reċenti u ekwipaġġjati b’filtri għall-partiċelli. Għalhekk, id-differenza ta’ 42 punti ma tistax tiġi ġġustifikata biss minħabba li l-offerent kien iffirma l-karta kontra l-inkwinament tal-kunsill lokali ta’ Pariġi.
38
Rigward il-kriterju ta’ politika soċjali, wieħed miż-żewġ kuntratti għal terminu mhux fiss tal-offerent magħżul huwa fil-verità kuntratt għal terminu fiss għal meta l-attività tiżdied, jew anki kuntratt ad interim. Fil-fatt, l-imsemmi kuntratt huwa intitolat “Kuntratt ta’ xogħol intermittenti għal terminu mhux fiss”, meta dawn iż-żewġ termini jikkostitwixxu antinomja. Barra minn hekk, il-kuntratti ta’ xogħol tar-rikorrenti u tal-offerent magħżul ħarġu mill-kamra sindakali nazzjonali tal-impriżi ta’ trasport ta’ lussu ta’ kiri. Għalhekk, id-differenza ta’ punti bejn iż-żewġ offerenti mhijiex oġġettivament iġġustifikata.
39
Fl-aħħar nett, il-kriterju ta’ preżentazzjoni tal-offerta jikkonċerna l-forma tal-offerta u mhux il-kontenut tagħha. L-offerta tal-offerent magħżul ma tistax għalhekk tkun “mingħajr dubju aħjar” fir-rigward ta’ dan il-kriterju. Barra minn hekk, ir-rikorrenti kienet l-unika waħda li ppreżentat l-offerta tagħha fil-forma ta’ DVD, fi standard ogħla minn preżentazzjoni fil-forma xierqa u dovuta. Hija kisbet marka iktar baxxa mill-offerent magħżul.
40
Fir-risposta tiegħu, il-Parlament jenfasizza li l-kriterji ta’ għażla minbarra l-prezz jirrappreżentaw piż ta’ 45% u li għalhekk setgħu influwenzaw ir-riżultat tal-evalwazzjoni tal-offerti differenti. Huwa jsostni li matul l-evalwazzjoni tal-offerti huwa pproċeda b’mod oġġettiv.
41
F’dan ir-rigward, il-Parlament jesponi li l-kumitat ta’ evalwazzjoni mmarka kull kriterju minn 0 sa 10, li biha l-marka miksuba ġiet sussegwentement immultiplikata bil-perċentwali relatat mal-kriterju. F’dak li jirrigwarda ż-żewġ kriterji prinċipali, jiġifieri l-prezz u l-aspett kwantitattiv tal-flotta, il-kumitat ta’ evalwazzjoni, sabiex ikun oġġettiv, iddeċieda li jevalwa l-marka tal-kuntratt attwali, li kienet newtrali mqabbla mal-kuntratt li se jingħata, u li jimmultiplika din l-ewwel marka oġġettiva bid-differenza bejn il-prestazzjoni tal-kuntrattur preċedenti u dik offerta minn kull wieħed mill-offerenti.
42
Għall-marka relatata mal-prezz, il-kumitat ta’ evalwazzjoni stima b’hekk li l-prezz tal-kuntratt attwali, jiġifieri EUR 33, kellu jkun ikkunsidrat bħala raġonevoli u tah marka ta’ 6. Peress li l-prezzijiet proposti mir-rikorrenti u mill-offerent magħżul kienu ta’ EUR 31.70 u ta’ EUR 37.50 fis-siegħa, inkisbu r-riżultati li ġejjin:
—
għar-rikorrenti: 33: 31.70 x 6 x 55 = 343.5 punti;
—
għall-offerent magħżul: 33: 37.5 x 6 x 55 = 290.4 punti.
43
Rigward il-kriterju tal-flotta, il-kumitat ta’ evalwazzjoni stima li l-aspett kwantitattiv kien essenzjali u ngħatalu żewġ terzi tal-marka, jiġifieri 20 punti. Il-marka ta’ 6 kienet ingħatat għal flotta ta’ 60 vettura offerta mill-kuntrattur preċedenti. Għar-rikorrenti, il-kumitat ta’ evalwazzjoni kkunsidra flotta ta’ 70 vettura (60 karozza u 10 minibus) u, għall-offerent magħżul, flotta ta’ 60 vettura. Sabiex jagħmel l-offerti komaparabbli huwa ħa inkunsiderazzjoni wkoll, id-disponibbiltà diretta tal-vetturi. F’dan ir-rigward, il-flotta tar-rikorrenti ngħatat koeffiċjenti ta’ 0.5 minħabba li 67 mis-70 vettura kellhom jinkrew mingħand kumpannija oħra. Għalhekk din l-evalwazzjoni wasslet għar-riżultati segwenti:
—
għar-rikorrenti: 70: 60 x 6 x 0.5 x 20 = 70 punti;
—
għall-offerent magħżul: 60: 60 x 6 x 1 x 20 = 120 punti.
44
F’dak li jikkonċerna l-kriterju kwalitattiv tal-flotta, ir-rikorrenti u l-offerent magħżul kisbu t-tnejn li huma marka ta’ 10, li twassal, fid-dawl tal-piż mogħti lil dan il-kriterju, għall-għoti tal-punti kif ġej:
—
għar-rikorrenti: 6 x 10 = 60 punti;
—
għall-offerent magħżul: 6 x 10 = 60 punti.
45
Il-Parlament jirrikonoxxi li l-kumitat ta’ evalwazzjoni għamel żball meta ta l-ammont ta’ 135 punt għall-kriterju tal-flotta tar-rikorrenti. Fil-fatt, l-ammont huwa ta’ 130 punt, li jfisser li r-rikorrenti kienet kisbet total ta’ 499 punti u mhux ta’ 504 punti.
46
Fir-rigward tal-kriterju tal-miżura ambjentali, huwa biss l-offerent magħżul li pprovda elementi, jiġifieri li kien jirrispetta l-karta kontra l-inkwinament tal-kunsill lokali ta’ Pariġi u li l-vetturi tiegħu, reċenti, kellhom filtri għall-partiċelli, li wassal għall-għoti tal-punti kif ġej:
—
għar-rikorrenti: 0 x 7 = 0 punti;
—
għall-offerent magħżul: 6 x 7 = 42 punti.
47
F’dak li jikkonċerna l-kriterju tal-politika soċjali, l-offerent magħżul offra żewġ tipi ta’ kuntratti ta’ xogħol għal terminu mhux determinat, li wieħed minnhom kien għall-persunal intermittenti, filwaqt li x-xufiera tar-rikorrenti jibbenefikaw biss minn kuntratti ta’ xogħol għal terminu fiss. Il-Parlament jiddeduċi minn dan li, fid-dawl tal-piż mogħti lil dan il-kriterju, id-differenza bejn iż-żewġ offerti tirriżulta fl-attribuzzjoni segwenti:
—
għar-rikorrenti: 3 x 6 = 18 punti;
—
għall-offerent magħżul: 6 x 6 = 36 punti.
48
Fl-aħħar nett, fir-rigward tal-kriterju tal-preżentazzjoni tal-offerta, dik tal-offerent magħżul kienet mingħajr dubju aħjar, jiġifieri, fid-dawl tal-piż mogħti lil dan il-kriterju, kellu jwassal għall-għoti tal-punti li ġejjin:
—
għar-rikorrenti: 4 x 2 = 8 punti;
—
għall-offerent magħżul: 9 x 2 = 18 punti.
49
Għalhekk, it-total tal-punti mogħtija għal kull offerta ġie stabbilit kif ġej:
—
għar-rikorrenti: 343 + 70 + 60 + 0 + 18 + 8 = 499 punti;
—
għall-offerent magħżul: 290 + 120 + 60 + 42 + 36 + 18 = 566 punti.
50
Il-Parlament jippreċiża li, wara verifika, l-awditur kompetenti nduna li l-flotta tal-offerent magħżul kienet titla’ għal 70 vettura, li jwassal sabiex jingħataw lil dan tal-aħħar, fil-verità, total ta’ 586 punti.
51
Il-Parlament fl-aħħar nett isostni li l-offerta tal-offerent magħżul kienet toffri vantaġġi netti kwalitattivi meta mqabbla ma’ dik tar-rikorrenti, minħabba li l-offerta ta’ din tal-aħħar kienet aħjar biss f’dak li jikkonċerna l-prezz. F’dan ir-rigward, il-Parlament ifakkar li l-kuntratt kellu jingħata lill-offerent li jippreżenta l-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża. Minħabba li ma kinitx biss deċiżjoni li kienet twassal sabiex l-offerenti jkunu kklassifikati biss skont il-kriterju tal-prezz, il-kuntratt ma setax jingħata mill-ewwel lill-iktar offerta finanzjarjament baxxa.
52
Fil-kontroreplika tiegħu, il-Parlament iżid li r-rikorrenti tidher li ħalltet in-nuqqas ta’ oġġettività u s-setgħa diskrezzjonali tal-awtorità kontraenti, li fil-konfront tagħħom l-istħarriġ tal-Qorti tal-Prim’Istanza għandu jkun limitat għal verifika ta’ nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni.
53
Fir-rigward tal-kriterju tal-flotta, il-Parlament filwaqt li rrefera għall-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, jenfasizza li kumitat ta’ evalwazzjoni jista’ jattribwixxi piż speċifiku għas-sottoelementi ta’ kriterju ta’ għażla stabbilit minn qabel, billi jqassam, bejn dawn tal-aħħar, in-numru ta’ punti previsti skont dan il-kriterju mill-awtorità kontraenti meta jkunu stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet jew fl-avviż tal-kuntratt, bil-kundizzjoni li tali deċiżjoni, l-ewwel nett, ma timmodifikax il-kriterji tal-għoti tal-kuntratt stabbiliti fl-ispeċifikazzjonijiet jew fl-avviż tal-kuntratt, it-tieni nett, ma jkollhiex elementi li, kieku kienu magħrufa waqt il-preparazzjoni tal-offerti, kienu jkunu jistgħu jinfluwenzaw din il-preparazzjoni u, it-tielet nett, ma tkunx ġiet adottata filwaqt li jkunu ttieħdu inkunsiderazzjoni l-elementi li jista’ jkollhom effett diskriminatorju fil-konfront ta’ wieħed mill-offerenti. Issa, ir-rikorrenti ma werietx li dawn il-kundizzjonijiet ma ġewx issodisfatti f’dan il-każ.
54
Fir-rigward tal-kriterju tal-miżuri ambjentali, il-Parlament jirrileva li l-offerta tar-rikorrenti ma turix kif din kienet tissodisfah, li jispjega l-marka ta’ ebda punt.
55
Fl-aħħar nett, fir-rigward ta’ dan l-aħħar kriterju ta’ għażla, il-Parlament isostni li preżentazzjoni taħt il-forma ta’ DVD ma tiġġustifikax waħidha li l-offerta tar-rikorrenti għandha titqies li kienet ġiet ippreżentata b’mod aħjar minn dik tal-offerent magħżul. L-element determinanti huwa n-natura attraenti u konvinċenti tal-offerta u mhux it-tip ta’ strument.
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
56
Preliminarjament, hemm lok li jitfakkar li l-Parlament, bħal istituzzjonijiet oħrajn, għandu setgħa diskrezzjonali wiesa’ fir-rigward tal-elementi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tittieħed deċiżjoni dwar l-għoti ta’ kuntratt wara li tkun saret sejħa għal offerti. L-istħarriġ ġudizzjarju li jsir fuq l-eżerċizzju ta’ din is-setgħa diskrezzjonali huwa limitat, għalhekk, għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza materjali tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (ara, b’analoġija, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-27 ta’ Settembru 2002, Tideland Signal vs Il-Kummissjoni, T-211/02, Ġabra p. II-3781, punt 33, u tal-, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T-465/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 45).
57
Skont il-kliem tal-Artikolu 1 tal-klawżoli amministrattivi tas-sejħa għal offerti, l-għoti tal-kuntratt inkwistjoni kien suġġett għad-dispożizzjonijiet tar-regolament finanzjarju u tar-regoli dettaljati tiegħu.
58
Konsegwentement, għal dak li jirrigwarda l-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li permezz tagħha ġiet miċħuda l-offerta tar-rikorrenti, il-Parlament kellu, f’dan il-każ, japplika l-Artikolu 100(2) tar-regolament finanzjarju u l-Artikolu 149(3) tar-regoli dettaljati.
59
Minn dawn l-artikoli, kif ukoll mill-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, jirriżulta li l-Parlament jissoddisfa l-obbligu ta’ motivazzjoni tiegħu jekk, l-ewwel nett, jikkomunika immedjatament lill-offerenti kollha mwarrba ċ-ċaħda tal-offerta tagħhom u jipprovdi, sussegwentment, lill-offerenti li jkunu ppreżentaw offerta ammissibbli, u li jagħmlu talba speċifika, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem ta’ min ikun intgħażel f’terminu ta’ ħmistax-il ġurnata skont il-kalendarju li jibdew jiddekorru minn meta tkun irċevuta t-talba bil-miktub (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T-465/04, punt 56 iktar ’il fuq, punt 47).
60
Dan il-mod ta’ proċedura huwa konformi mal-iskop tal-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-Artikolu 253 KE, li jgħid li għandu jintwera’ b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament tal-awtur tal-att, b’mod, minn naħa, li jippermetti li l-persuni kkonċernati jkunu jafu r-raġunijiet tal-miżura sabiex jinvokaw id-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, li jippermetti li l-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza Evropaiki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T-465/04, punt 56 iktar ’il fuq, punt 48).
61
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li, meta, bħal f’dan il-każ, istituzzjoni tal-Komunità tiddisponi minn setgħa diskrezzjonali wiesa’, l-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju fil-proċeduri amministrattivi għandha importanza iktar u iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm, b’mod partikolari, l-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti timmotiva b’mod suffiċjenti d-deċiżjonijiet tagħha. Huwa biss hekk li l-Qorti Komunitarja tkun f’pożizzjoni li tivverifika jekk il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li minnhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali ġewx soddisfatti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C-269/90, Ġabra p. I-5469, punt 14; sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-, Le Canne vs Il-Kummissjoni, T-241/00, Ġabra p. II-1251, punti 53 u 54, u s-sentenza Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T-465/04, punt 56 iktar ’il fuq, punt 54).
62
Għandu jitfakkar ukoll li l-ħtieġa ta’ motivazzjoni għandha tiġi evalwata skont iċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, b’mod partikolari l-kontenut tal-att, in-natura tal-motivi invokati u l-interess li d-destinatarji jew persuni oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom li jirċievu spjegazzjonijiet (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C-367/95 P, Ġabra p. I-1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).
63
Fl-aħħar nett, l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi formalità sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, ħaġa li tirrigwarda l-ammissibbiltà fil-mertu tal-att inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C-17/99, Ġabra p. I-2481, punt 35, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-, Evropaïki Dynamïki vs Il-Kummissjoni, T-406/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 47).
64
F’dan ir-rigward, hemm lok li jitqies li, fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka l-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni minħabba li hija mhijiex f’pożizzjoni li tifhem kif, filwaqt li pproponiet il-prezz l-iktar baxx u filwaqt li dan il-kriterju kien jgħodd għal 55% tal-evalwazzjoni tal-offerti, hija ma ngħatatx il-kuntratt. Għandu wkoll jiġi rrilevat li, fir-risposta tiegħu, il-Parlament interpreta l-argument tar-rikorrenti bħala li kienet qegħdha takkużah b’nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li biha huwa rrifjuta lil din tal-aħħar l-għoti tal-kuntratt.
65
Fi kwalunkwe każ, skont ġurisprudenza stabbilita, il-motivazzjoni ta’ deċiżjoni li toħloq preġudizzju għandha tippermetti lill-Qorti Komunitarja teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha dwar il-legalità tagħha u li tagħti lill-persuna kkonċernata l-indikazzjonijiet neċessarji sabiex ikun magħruf jekk id-deċiżjoni hijiex fondata. Konsegwentement, nuqqas jew insuffiċjenza ta’ motivazzjoni, li jostakolaw dan l-istħarriġ ġudizzjarju, jikkostitwixxu motivi ta’ ordni pubbliku li jistgħu, u anzi għandhom, jitqajmu ex officio mill-Qorti Komunitarja (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-20 ta’ Frar 1997, Il-Kummissjoni vs Daffix, C-166/95 P, Ġabra p. I-983, punti 23 u 24, u s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-, Evropaïki Dynamiki vs Il-Qorti tal-Ġustizzja, T-272/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punti 27 u 28, u l-ġurisprudenza ċċitata).
66
Għalhekk, f’dan il-każ, minħabba li r-rikorrenti għamlet offerta ammissibbli skont l-Artikolu 149(3), tar-regoli dettaljati, għandha tiġi eżaminata mhux biss id-deċiżjoni kkontestata, imma wkoll l-ittra tat-23 ta’ Jannar 2007, mibgħuta lir-rikorrenti bħala risposta għat-talba speċifika tagħha sabiex tikseb informazzjoni supplimentari dwar id-deċiżjoni tal-għoti tal-kuntratt inkwistjoni, sabiex tiddetermina jekk il-Parlament issodisfax il-ħtieġa ta’ motivazzjoni stabbilita mir-regolament finanzjarju kif ukoll mir-regoli dettaljati tiegħu.
67
Issa, għandu jiġi kkonstatat, l-ewwel nett, li, fid-deċiżjoni kkontestata, il-Parlament sempliċement, skont l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 100(2) tar-regolament finanzjarju, indika l-motivi li jiġġustifikaw iċ-ċaħda tal-offerta tar-rikorrenti. Fil-fatt fiha indika li l-offerta tar-rikorrenti kienet “mhux l-iktar waħda ekonomikament vantaġġjuża fid-dawl tal-kriterji ta’ attribuzzjoni”.
68
Sussegwentement, fl-ittra tiegħu tat-23 ta’ Jannar 2007, il-Parlament, indika biss dan li ġej:
“Billi l-offerta magħżula kisbet fil-kriterji kollha msemmija hawn fuq il-[m]arka l-iktar għolja […] (566), hija għalhekk ikklassifikata fl-ewwel pożizzjoni.
Ninformawk li minkejja prezz ftit inferjuri l-offerta tiegħek kisbet 504 punti, u minħabba f’hekk hija kklassifikata fit-tieni post.”
69
Konsegwentement, il-Parlament, anki jekk irrisponda fit-terminu stabbilit fl-Artikolu 149(3) tar-regoli dettaljati, ma ta ebda informazzjoni lir-rikorrenti dwar il-karatteristiċi u l-vantaġġi rigward l-offerta magħżula, ħlief li l-prezz li hija kienet ipproponiet kien ftit inqas, meta huwa kellu jirrispondi skont it-termini tar-regolament finanzjarju u r-regoli dettaljati.
70
Tali risposta ma turix b’mod ċar u mhux ekwivoku r-raġunament li segwa l-Parlament, b’mod, minn naħa, li jippermetti lir-rikorrenti li tkun taf ir-raġunijiet tal-miżura meħuda sabiex tinvoka d-drittijiet tagħha u, min-naħa l-oħra, li jippermetti lill-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha.
71
Barra minn hekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, din l-informazzjoni kienet iktar neċessarja minħabba li l-prezz propost mir-rikorrenti kien inferjuri għal dak propost mill-offerent magħżul u li l-kriterju tal-prezz kien ingħata l-piż ta’ 55% fl-evalwazzjoni totali tal-offerti. Ir-rikorrenti b’hekk ma kellha l-ebda element li kien jippermettilha tifhem għalfejn l-offerta tagħha ma kinitx ġiet aċċettata fil-kuntest tas-sejħa għal offerti.
72
Għandu jintqal ukoll li l-Parlament bagħat ittra ġdida lir-rikorrenti, fl-20 ta’ Marzu 2007, b’risposta għall-ittra tagħha tal-.
73
F’dan ir-rigward, mill-ġurisprudenza jirriżulta li, meta l-istituzzjoni kkonċernata tibgħat ittra, wara talba għal spjegazzjonijiet supplimentari min-naħa tar-rikorrenti rigward deċiżjoni qabel ma jitressaq rikors, imma wara d-data stabbilita mill-Artikolu 149(3) tar-regoli dettaljati, din l-ittra tista’ wkoll tittieħed inkunsiderazzjoni sabiex jiġi eżaminat jekk il-motivazzjoni f’dan il-każ kinitx biżżejjed. Fil-fatt, l-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont l-elementi ta’ informazzjoni li r-rikorrenti kellha fil-mument ta’ meta ġie ppreżentat ir-rikors, filwaqt li, madankollu, l-istituzzjoni mhijiex awtorizzata tissostitwixxi b’motivazzjoni kompletament ġdida l-motivazzjoni tal-bidu (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Evropaiki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T-465/04, punt 56 iktar ’il fuq, punt 59).
74
Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li l-ittra tal-20 ta’ Marzu 2007 ma fihiex informazzjoni dwar il-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati tal-offerta magħżulha. Fil-fatt, il-Parlament sempliċement irrepeta dak li kien diġà indika lir-rikorrenti bl-ittra tiegħu tat-.
75
Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li l-Parlament ressaq elementi dwar il-motivazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata fil-kuntest tar-rikors ġudizzjarju. B’hekk, fir-risposta tiegħu, huwa jispeċifika l-punti mogħtija lir-rikorrenti u lill-offerent magħżul għal kull wieħed mill-kriterji ta’ għażla kif ukoll ir-raġunijiet li, skontu, iġġustifikaw din il-marka.
76
Madankollu, il-fatt li l-Parlament ipprovda r-raġunijiet għal din id-deċiżjoni matul il-kawża ma jikkumpensax għan-nuqqas ta’ motivazzjoni inizjali tad-deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, hija ġurisprudenza stabbilita li l-motivazzjoni tista tiġi espressa għall-ewwel darba u a posteriori quddiem il-qorti biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali li, fin-nuqqas ta’ urġenza, ma jeżistux f’dan il-każ (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-2 ta’ Lulju 1992, Dansk Pelsdyravlerforening vs Il-Kummissjoni, T-61/89, Ġabra p. II-1931, punt 131, u tal-, DC-Hadler Networks vs Il-Kummissjoni, T-264/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 34).
77
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li d-deċiżjoni li permezz tagħha l-Parlament irrifjuta li jagħti l-kuntratt lir-rikorrenti hija vvizzjata b’nuqqas ta’ motivazzjoni fid-dawl tal-Artikolu 100(2) tar-regolament finanzjarju u tal-Artikolu 149(3) tar-regoli dettaljati.
78
Konsegwentement, l-ewwel motiv għandu jiġi milqugħ.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq l-irregolarità tar-rifjut ta’ komunikazzjoni tal-prezz propost mill-offerent magħżul
— L-argumenti tal-partijiet
79
Ir-rikorrenti ssostni li r-rifjut li jiġi kkomunikat lilha l-prezz propost mill-offerent magħżul huwa irregolari. L-ewwel nett, il-prezz propost mill-imsemmi offerent ma jaqax taħt il-kamp ta’ applikazzjoni tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(2) tar-regolament finanzjarju. Fil-fatt, ix-xandir tiegħu ma joħloqx preġudizzju għall-offerent magħżul. Sussegwentement, fil-kuntest ta’ trasparenza, huwa normali li jkunu magħrufa r-raġunijiet preċiżi taċ-ċaħda ta’ offerta fil-kuntest ta’ kuntratt ta’ din l-importanza.
80
Ir-rikorrenti tenfasizza, barra minn hekk, li l-prezz propost mill-offerent magħżul kellu jiġi ppubblikat fis-Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali fi żmien 48 ġurnata wara li jiġi ffirmat il-kuntratt. Għalhekk, il-komunikazzjoni ta’ dan il-prezz ma tistax tippreġudika l-interessi kummerċjali leġittimi tal-offerent magħżul jew taffettwa ħażin il-kompetizzjoni leali.
81
Ir-rifjut tal-Parlament għat-talba tar-rikorrenti għandha wkoll l-effett li tqassar it-terminu sabiex jiġi ppreżentat ir-rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza.
82
Il-Parlament jirribatti li l-Artikolu 100(2) tar-regolament finanzjarju ma jimplikax obbligu assolut li jikkomunika l-prezz propost mill-offerent magħżul. Fil-fatt, il-“karatteristiċi u l-vantaġġi relatati tal-offerta magħżulha” jikkonsistu pjuttost f’deskrizzjoni komparattiva tal-offerti. Għalhekk, l-awtorità kontraenti għandha marġni ta’ diskrezzjoni f’dak li jikkonċerna l-elementi li għandha tikkomunika lill-offerent eliminat.
83
Barra minn hekk, huwa leġittimu li jitqies li l-prezz jagħmel parti mill-elementi li l-komunikazzjoni tagħhom toħloq preġudizzju lill-interessi kummerċjali ta’ impriża, fis-sens tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(2) tar-regolament finanzjarju. L-imsemmija komunikazzjoni għalhekk għandha ssir biss fl-aħħar mument. Il-Parlament jammetti madankollu li l-prezz propost mill-offerent magħżul kien inkluż fl-avviż tal-għoti tal-kuntratt ippubblikat fis-Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali.
84
Barra minn hekk, ir-rifjut li jiġi kkomunikat il-prezz propost mill-offerent magħżul ma ostakolax lir-rikorrenti milli tippreżenta rikors quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza fit-terminu previst.
85
Wara mistoqsija tal-Qorti tal-Prim’Istanza matul is-seduta, il-Parlament żviluppa l-argument tiegħu billi ppreċiża li, sal-pubblikazzjoni tal-avviż tal-għoti, il-kuntratt kien għadu jista’ jkun suġġett ta’ annullament wara kontestazzjonijiet li jsiru qabel ma jiġi ffirmat il-kuntratt. F’tali ipoteżi, in-nuqqas ta’ komunikazzjoni tal-prezz kienet tippermetti li jiġi evitat li l-offerenti l-oħra ma jkunux jafu dwar dan l-element tal-offerta tal-offerent magħżul, u għalhekk dan tal-aħħar ikun jista’ jerġa’ jippreżenta l-offerta tiegħu taħt l-istess kundizzjonijiet.
— Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
86
Preliminarjament, għandu jitfakkar li l-Parlament, wara t-talba tar-rikorrenti tal-10 ta’ Jannar 2007 sabiex tikseb informazzjoni komplementari, indika biss li l-prezz propost mill-offerent magħżul kien ftit ogħla minn tagħha. L-ammont tal-prezz, jiġifieri EUR 26 fis-siegħa barra l-pjan u EUR 37.50 fis-siegħa skont il-pjan, ixxandar lill-pubbliku fl-avviż tal-għoti tal-kuntratt fis-.
87
Madankollu, skont it-termini tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 100(2) tar-regolament finanzjarju, il-Parlament kien obbligat jikkomunika lill-offerent eliminat, fuq talba bil-miktub, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati tal-offerta magħżulha.
88
Għalhekk, il-Parlament, wara t-talba bil-miktub tar-rikorrenti, kellu l-obbligu li jikkomunikalha l-prezz propost mill-offerent magħżul, li jikkostitwixxi waħda mill-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati tal-offerta magħżulha, iktar u iktar meta, fiċ-ċirkustanzi tal-każ, dan il-kriterju kien jgħodd għal 55% fl-evalwazzjoni tal-offerti.
89
L-ebda wieħed mill-argumenti mressqa mill-Parlament mhuwa ta’ natura li jikkonfuta din il-konstatazzjoni.
90
L-ewwel nett, l-argument li l-awtorità kontraenti għandha marġni ta’ diskrezzjoni ma jiġġustifikax il-fatt li jirrifjuta li jikkomunika lill-offerent eliminat li għamel talba bil-miktub għalih l-ammont tal-prezz propost mill-offerent magħżul. F’dan ir-rigward, il-Parlament ma setax sempliċement jafferma li l-prezz ma jagħmilx parti mill-karatteristiċi u l-vantaġġi relatati tal-offerta magħżulha meta, kif huwa indikat hawn fuq, dan il-kriterju kien jgħodd f’dan il-każ għal 55% fl-evalwazzjoni tal-offerti.
91
It-tieni nett, skont it-termini tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 100(2) tar-regolament finanzjarju, il-komunikazzjoni ta’ ċerti elementi ċertament tista’ titħalla barra fil-każ fejn din tostakola l-applikazzjoni tal-liġijiet, tkun kuntrarja għall-interess pubbliku, toħloq dannu lill-interessi kummerċjali leġittimi ta’ impriżi pubbliċi jew privati jew tkun tista’ tikkawża dannu lill-kompetizzjoni leali bejniethom. Madankollu, fir-risposta tiegħu, il-Parlament ma jispjegax kif, f’dan il-każ, il-komunikazzjoni tal-prezz propost mill-offerent magħżul setgħet tikkawża dannu għall-interessi kummerċjali tiegħu u jenfasizza, barra minn hekk, li l-ammont ta’ dan il-prezz kien issemma fl-avviż tal-għoti tal-kuntratt.
92
It-tielet nett, l-argument li l-awtorità kontraenti tista’ tiddeċiedi, kif jippermettilha infatti l-Artikolu 101 tar-regolament finanzjarju, li tirrinunċja għall-kuntratt jew li tannulla l-proċedura tal-għoti ta’ kuntratt qabel ma jkun iffirmat il-kuntratt, ma setax jeħles lill-Parlament, fiċ-ċirkustanzi ta’ dan il-każ, milli jikkomunika lir-rikorrenti l-prezz propost mill-offerent magħżul. Fil-fatt, jekk jintlaqa’ dan l-argument, l-obbligu ta’ motivazzjoni stabbilit fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 100(2) tar-regolament finanzjarju kif ukoll fl-Artikolu 149(3) tar-regoli dettaljati titneħħielhom kull sustanza.
93
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-tieni motiv għandu jiġi milqugħ.
94
Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li d-deċiżjoni kkontestata għandha tiġi annullata.
Fuq it-talba għall-annullament tal-atti sussegwenti għad-deċiżjoni kkontestata
95
Permezz tat-tielet talba tagħha, ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza tannulla l-atti kollha sussegwenti għad-deċiżjoni kkontestata.
96
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li, bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 21 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, applikabbli għall-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza bis-saħħa tal-ewwel paragrafu tal-Artikolu 53 tal-istess statut, u tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, kull rikors għandu jindika s-suġġett tal-kawża u jkun fih espożizzjoni fil-qosor tal-motivi invokati. Din l-indikazzjoni għandha tkun ċara u preċiża biżżejjed sabiex tippermetti li l-konvenut jipprepara d-difiża tiegħu u li l-Qorti tal-Prim’Istanza teżerċita l-istħarriġ ġudizzjarju tagħha. Sabiex tiġi ggarantita ċ-ċertezza legali u amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, huwa neċessarju li l-punti essenzjali ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom huwa bbażat ir-rikors jirriżultaw, għalkemm fil-qosor, b’mod koerenti u li jinftiehem, mit-test nnifsu tar-rikors (digrieti tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-28 ta’ April 1993, De Hoe vs Il-Kummissjoni, T-85/92, Ġabra p. II-523, punt 20, u tal-, Internationaler Hilfsfonds vs Il-Kummissjoni, T-294/04, Ġabra p. II-2719, punt 23).
97
F’dan il-każ, ir-rikorrenti ma tippreċiżax liema atti huma previsti fit-tielet parti tat-talba tagħha u ma tiżviluppa l-ebda argument insostenn għat-talba tagħha.
98
Konsegwentement, it-tielet talba għandha tiġi miċħuda bħala inammissibbli.
Fuq it-talba għad-danni
L-argumenti tal-partijiet
99
Fir-rikors tagħha, ir-rikorrenti titlob il-kundanna tal-Parlament għall-ħlas tas-somma ta’ EUR 500000 bħala danni.
100
Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti ssostni li hija tissodisfa l-kundizzjonijiet kollha sabiex tingħata l-kuntratt. Konsegwentement, il-Parlament kiser id-dispożizzjonijiet legali kollha li jirregolaw l-għoti tal-kuntratt u t-talba għad-danni tar-rikorrenti hija ammissibbli.
101
Fir-rigward tad-dannu sostnut, ir-rikorrenti tqis li hija sofriet fuq livell ekonomiku minħabba li ma ngħatatx il-kuntratt. Hija ma setgħetx tapprofitta mill-vantaġġi li leġittimament kienet tistenna.
102
Il-Parlament isostni li t-talba għad-danni tar-rikorrenti hija inammissibbli.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
103
Skont ġurisprudenza stabbilita, rikors intiż għall-kumpens tad-danni kkawżati minn istituzzjoni Komunitarja għandu jkun fih l-elementi li jippermettu li jkun identifikat l-aġir li r-rikorrenti takkuża lill-istituzzjoni bih, ir-raġunijiet li għalihom hija tqis li teżisti rabta kawżali bejn l-aġir u d-dannu li hija allegatament sostniet kif ukoll in-natura u l-portata ta’ dan id-dannu (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-10 ta’ Lulju 1997, Guérin automobiles vs Il-Kummissjoni, T-38/96, Ġabra p. II-1223, punt 42, u tat-, Chiquita Brands et vs Il-Kummissjoni, T-19/01, Ġabra p. II-315, punt 65).
104
Issa, f’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għad-danni fir-rikors, li hija parti mit-talbiet, hija nieqsa mill-iktar preċiżjoni elementari.
105
Fil-fatt, anki fl-ipoteżi li r-rikors fih l-elementi li jippermettu li jiġi identifikat l-aġir li huwa akkużat bih il-Parlament, dan huwa sieket kemm fir-rigward tan-natura u tal-karattru tad-dannu allegat kif ukoll fir-rigward tar-raġunijiet li għalihom ir-rikorrenti tqis li teżisti rabta kawżali bejn dan l-aġir u dan id-dannu.
106
Barra minn hekk, u fl-ipoteżi li kienet ammessa li tagħmel hekk, ir-rikorrenti ma ppruvatx tirrimedja għan-nuqqasijiet tagħha fir-replika tagħha.
107
Minn dan isegwi li, f’dak li jikkonċerna t-talba għad-danni, ir-rikors ma jissodisfax ir-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura.
108
F’dawn iċ-ċirkustanzi, it-talba għad-danni għandha tiġi ddikkjarata inammissibbli.
Fuq it-talba għal ordni lill-Parlament sabiex jorganizza sejħa għal offerti regolari
109
Fl-istadju tar-replika, ir-rikorrenti talbet lill-Qorti tal-Prim’Istanza tordna lill-Parlament jorganizza sejħa għal offerti regolari.
110
Issa, skont it-termini tal-Artikolu 44(1)(ċ) tar-Regoli tal-Proċedura, ir-rikorrenti għandha l-obbligu tispjega s-suġġett tal-kawża u tippreżenta t-talbiet tagħha fl-att promotur. Għalkemm l-Artikolu 48(2) tal-istess regolament jippermetti, f’ċerti ċirkustanzi li jittressqu motivi ġodda matul il-kawża, din id-dispożizzjoni ma tista’, fl-ebda każ, tiġi interpretata fis-sens li tawtorizza lir-rikorrenti tressaq quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza talbiet ġodda u tibdel b’hekk is-suġġett tal-kawża (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-18 ta’ Settembru 1992, Asia Motor France et vs Il-Kummissjoni, T-28/90, Ġabra p. II-2285, punt 43, u tat-, T. Port vs Il-Kunsill, T-2/99, Ġabra p. II-2093, punt 34; ara wkoll, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-, Il-Kummissjoni vs Franza, 232/78, Ġabra p. 2729, punt 3).
111
Isegwi li l-parti tat-talba intiża sabiex il-Qorti tal-Prim’Istanza tordna lill-Parlament jorganizza proċedura ta’ sejħa għal offerti tista’ biss tiġi mwarrba bħala inammissibbli.
112
Sussidjarjament, għandu jitfakkar li, fil-kuntest ta’ rikors għal annullament ibbażat fuq l-Artikolu 230 KE, il-kompetenza tal-Qorti Komunitarja hija limitata għall-istħarriġ tal-legalità tal-att ikkontestat u li, skont ġurisprudenza stabbilita, il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tistax, fl-eżerċizzju tal-kompetenzi tagħha, tindirizza ordni lill-istituzzjonijiet Komunitarji (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-8 ta’ Lulju 1999, DSM vs Il-Kummissjoni, C-5/93 P, Ġabra p. I-4695, punt 36, u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-, ADT Projekt vs Il-Kummissjoni, T-145/98, Ġabra p. II-387, punt 83). Fil-każ ta’ annullament tal-att ikkontestat, hija l-istituzzjoni kkonċernata li għandha tieħu, skont l-Artikolu 233 KE, il-miżuri neċessarji għall-eżekuzzjoni tas-sentenza ta’ annullament (sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tas-, Ladbroke Racing vs Il-Kummissjoni, T-67/94, Ġabra p. II-1, punt 200, u Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T-465/04, punt 56 iktar ’il fuq, punt 35).
Fuq l-ispejjeż
113
Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li l-Parlament tilef, hemm lok huwa jiġi ordnat ibati l-ispejjeż, kif mitluba mir-rikorrenti.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Is-Sitt Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1)
Id-deċiżjoni li permezz tagħha l-Parlament Ewropew irrifjuta li jagħti lil VIP Car Solutions SARL il-kuntratt li kien is-suġġett tal-proċedura ta’ sejħa għal offerti PE/2006/UTD/1 hija annullata.
2)
Il-kumplament tar-rikors huwa miċħud.
3)
Il-Parlement huwa kkundannat għall-ispejjeż.
Meij
Vadapalas
Moavero Milanesi
Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fl-20 ta’ Mejju 2009.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Franċiż.
Full & Egal Universal Law Academy