SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)
18 ta’ Ġunju 2008
Kawża T-164/07 P
Asa Sundholm
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Proċedura ta’ evalwazzjoni 2003 – Drittijiet tad-difiża – Appell inammissibbli – Appell infondat”
Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (It-Tieni Awla) tal-1 ta’ Marzu 2007, Sundholm vs Il-Kummissjoni (F-30/05, ĠabraSP I-A-0000), intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.
Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Asa Sundholm għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Kummissjoni fil-kuntest ta’ din l-istanza.
Sommarju
1. Uffiċjali – Evalwazzjoni – Rapport tal-iżvilupp tal-karriera – Drittijiet tad-difiża – Portata
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 43)
2. Appell – Aggravji – Motiv ippreżentat għall-ewwel darba fil-kuntest tal-appell – Inammissibbiltà
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 51)
1. Fil-kuntest tas-sistema ta’ evalwazzjoni stabbilita mill-Kummissjoni, ma jistax jiġi kkunsidrat bħala ksur tal-prinċipju tar-rispett tad-drittijiet tad-difiża l-fatt li l-evalwatur tal-appell jikkonsulta mal-evalwatur jew mal-kollegi tax-xogħol tal-uffiċjal evalwat mingħajr ma jkun hemm diskussjoni kontradittorja ma’ dan tal-aħħar, sakemm l-informazzjoni hekk miġbura ma tkunx tikkontrasta ma dik li serviet bħala bażi għall-evalwazzjonijiet magħmula preċedentement mill-evalwatur u mill-assessur jew sakemm, jekk ikun il-każ, l-evalwatur tal-appell ma jkollux l-intenzjoni li juża din l-informazzjoni kontrih.
(ara l-punti 28 u 29)
Referenza: Qorti tal-Prim’Istanza, 20 ta’ Novembru 2007, Ianniello vs Il-Kummissjoni, T‑308/04, Ġabra I-0000, punt 73
2. Il-fatt li wieħed isostni, quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, li konklużjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku hija żbaljata abbażi ta’ premessa fattwali li tkun differenti minn dik li dan tal-aħħar ikun intalab jagħti deċiżjoni dwarha, huwa ekwivalenti għat-tressiq ta’ motiv ġdid li jestendi s-suġġett tal-kontroversja u li ma jistax jitressaq għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell. Għandu jingħad li l-kompetenza tal-qorti tal-appell hija limitata għall-evalwazzjoni tad-deċiżjoni legali li tkun ingħatat dwar il-motivi diskussi quddiem il-qrati tal-ewwel istanza.
(ara l-punti 41 u 42)
Referenza: Qorti tal-Ġustizzja, 1 ta’ Frar 2007, Sison vs Il-Kunsill, C‑266/05 P, Ġabra p. I‑1233, punt 95, u l-ġurisprudenza ċċitata
Full & Egal Universal Law Academy