SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)
20 ta’ Ottubru 2008
Kawża T-278/07 P
Luigi Marcuccio
vs
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Sigurtà soċjali – Inċident fuq il-post tax-xogħol – Deċiżjoni li tingħalaq il-proċedura skont l-Artikolu 73 tar-Regolamenti tal-Persunal – Nuqqas ta’ att li jikkawża preġudizzju – Appell infondat”
Suġġett: Appell mid-digriet tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea (L-Ewwel Awla) tal-11 ta’ Mejju 2007, Marcuccio vs Il‑Kummissjoni (F-2/06, Ġabra p. II-0000), intiż għall-annullament ta’ dan id-digriet.
Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Luigi Marcuccio għandu jbati l-ispejjeż tiegħu kif ukoll dawk tal-Kummissjoni fil kuntest ta’ din l-istanza.
Sommarju
1. Appell – Aggravji – Evalwazzjoni żbaljata tal-fatti – Inammissibbiltà – Ċaħda – Kwalifika legali tal-fatti
(Artikolu 225 A KE)
2. Proċedura – Deċiżjoni meħuda permezz ta’ digriet motivat – Użu ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura – Miżuri li mhumiex ta’ ostakolu għall‑adozzjoni ta’ tali digriet
(Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikoli 64 u 111; Deċiżjoni tal‑Kunsill 2004/752, Artikolu 3(4))
1. L-appell jista’ jkun ibbażat biss fuq aggravji dwar ksur ta’ dispożizzjonijiet legali, bl-esklużjoni ta’ kwalunkwe evalwazzjoni tal-fatti. It-Tribunal għas‑Servizz Pubbliku biss huwa kompetenti, minn naħa, li jikkonstata l-fatti, ħlief fil‑każ li l-ineżattezza materjali tal-konstatazzjonijiet tiegħu tirriżulta mill‑atti tal-proċess ippreżentati lilu, u, min-naħa l-oħra, li jevalwa dawn il‑fatti. Madankollu, meta t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun ikkonstata jew evalwa l‑fatti, il-Qorti tal-Prim’Istanza hija kompetenti li tagħmel, skont l-Artikolu 225 A KE, stħarriġ dwar il-kwalifika legali ta’ dawn il-fatti u l-konsegwenzi ta’ dritt li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jkun wasal għalihom abbażi ta’ din il‑kwalifika.
(ara l-punt 20)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 27 ta’ Novembru 2001, Z vs Il-Parlament, C‑270/99 P, Ġabra p. I‑9197, punt 37, u l-ġurisprudenza ċċitata
2. L-użu ta’ miżuri ta’ organizzazzjoni tal-proċedura previsti fl-Artikolu 64 tar‑Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, bħat-tentattiv li jintlaħaq ftehim bonarju dwar il-kontroversja, ma jistax, fih innifsu, jostakola l-adozzjoni ta’ digriet motivat skont l-Artikolu 111 tal-istess regoli, sakemm il-kundizzjonijiet previsti minn din id-dispożizzjoni jkunu sodisfatti.
(ara l-punti 41, 42)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 19 ta’ Jannar 2006, AIT vs Il-Kummissjoni, C‑547/03 P, Ġabra p. I‑845, punt 30
Full & Egal Universal Law Academy