Kawża T-300/07
Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE
vs
Il-Kummissjoni Ewropea
“Kuntratti pubbliċi għal servizzi — Proċedura ta’ sejħa għal offerti Komunitarja — Provvista ta’ servizzi informatiċi relatati mal-ġestjoni u l-manutenzjoni ta’ portal tal-internet — Ċaħda tal-offerta ta’ offerent — Kriterji ta’ għoti — Obbligu ta’ motivazzjoni — Żball manifest ta’ evalwazzjoni — Trattament ugwali — Trasparenza”
Sommarju tas-sentenza
1. Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni, fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, li ma tintgħażilx offerta
(Artikolu 253 KE; Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 100(2); Regolament tal-Kummissjoni Nru 2342/2002, Artikolu 149)
2. Atti tal-istituzzjonijiet — Motivazzjoni — Obbligu — Portata — Deċiżjoni, fil-kuntest tal-proċedura għall-għoti ta’ kuntratt pubbliku għal servizzi, li ma tintgħażilx offerta
(Regolament tal-Kunsill Nru 1605/2002, Artikolu 100(2))
3. Responsabbiltà mhux kuntrattwali — Kundizzjonijiet — Illegalità — Dannu — Rabta kawżali
(it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE)
1. Ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew il-persuni l-oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet. Għalhekk, sa fejn, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti Komunitarja, kien biss wara paragun mal-offerti l-oħrajn u, b’mod partikolari, mal-offerta tal-offerent magħżul li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tagħżilx l-offerta tal-impriża rikorrenti, il-Kummissjoni ma tosservax b’mod korrett l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha meta l-informazzjoni kkomunikata mill-Kummissjoni fuq talba tal-impriża rikorrenti, dwar il-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta magħżula, tkun tikkonsisti biss f’tabella li tindika, minn naħa, il-punti miksuba mill-impriża rikorrenti u mill-offerent magħżul għall-kriterji ta’ għoti kwalitattivi u, min-naħa l-oħra, ir-riżultat finali miksub meta tiġi applikata l-formula li tinsab fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt sabiex tiġi ddeterminata l-aħjar relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz, u b’hekk ma tinkludi ebda kumment, lanqas qasir, fuq l-offerta tal-offerent magħżul.
B’mod partikolari, l-elementi tal-evalwazzjoni tal-kwalità tal-offerta tal-offerent magħżul fir-rigward tal-kriterji ta’ għoti kwalitattivi huma iktar u iktar neċessarji meta, minkejja l-fatt li dan ippropona prezz iktar ogħli minn dak propost mill-impriża rikorrenti, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-offerta tal-offerent magħżul kienet l-aħjar waħda mill-perspettiva tar-rapport kwalità-prezz.
(ara l-punti 46, 49, 67, 69-73)
2. Fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kummissjoni ma jimplikax il-komunikazzjoni, abbażi tal-prinċipju ta’ trasparenza, tar-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni u ta’ kopja tal-offerta tal-offerent magħżul. L-Artikolu 100(2) tar-Regolament Nru 1605/2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej, jipprovdi biss li l-awtorità kontraenti għandha tikkomunika, fuq talba bil-miktub, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem tal-offerent magħżul fi żmien ħmistax-il ġurnata minn meta tasal talba bil-miktub
(ara l-punt 127)
3. Meta, fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti Komunitarja, deċiżjoni tal-Kummissjoni li offerent ma jintgħażilx hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni u għandha għalhekk tiġi annullata, madankollu dan ma jfissirx awtomatikament li l-għoti tal-kuntratt lill-offerent magħżul jikkostitwixxi żball u lanqas li teżisti rabta kawżali bejn dan il-fatt u t-telf invokat mill-impriża rikorrenti fil-kwalità tagħha ta’ offerent mhux magħżul. Fil-fatt, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet tagħti l-kuntratt inkwistjoni lil din l-impriża li kieku d-deċiżjoni inkwistjoni kienet immotivata biżżejjed. Barra minn hekk, sa fejn talba għad-danni hija bbażata fuq motivi oħrajn, li ma ġewx eżaminati fil-kuntest tat-talba għal annullament, din hija prematura u għandha tiġi miċħuda għal din ir-raġuni. Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-deċiżjoni annullata, il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni li teżamina jekk din tirriżultax minn żball manifest ta’ evalwazzjoni jew minn ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-obbligu ta’ trasparenza. Talba għal annullament ibbażata fuq dawn il-motivi tista’, fejn ikun il-każ, tiġi eżaminata biss fid-dawl tal-motivi tad-deċiżjoni li tissostitwixxi d-deċiżjoni annullata mill-Qorti Ġenerali.
(ara l-punti 143, 144, 146)
SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)
9 ta’ Settembru 2010 (*)
“Kuntratti pubbliċi għal servizzi – Proċedura ta’ sejħa għal offerti Komunitarja – Provvista ta’ servizzi informatiċi relatati mal-ġestjoni u l-manutenzjoni ta’ portal tal-internet – Ċaħda tal-offerta ta’ offerent – Kriterji ta’ għoti – Obbligu ta’ motivazzjoni – Żball manifest ta’ evalwazzjoni – Trattament ugwali – Trasparenza”
Fil-Kawża T‑300/07,
Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE, stabbilita f’Ateni (il-Greċja), irrappreżentata minn N. Korogiannakis, avukat,
rikorrenti,
vs
Il-Kummissjoni Ewropea, irrappreżentata minn E. Manhaeve, bħala aġent, assistit minn J. Stuyck, avukat,
konvenuta,
li għandha bħala suġġett, minn naħa, talba għall-annullament tad-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni, tal-21 ta’ Mejju u tat-13 ta’ Lulju 2007, li jirrifjutaw l-offerti magħmula mir-rikorrenti fil-kuntest tas-sejħa għal offerti ENTR/05/78, għal-lott Nru 1 (xogħol ta’ editjar u ta’ traduzzjoni) u l-lott Nru 2 (ġestjoni tal-infrastruttura), għall-ġestjoni u l-manutenzjoni tal-portal “L-Ewropa tiegħek” (ĠU 2006/S 143‑153057), u li jagħtu dawn il-kuntratti lil offerent ieħor u, min-naħa l-oħra, talba għad-danni,
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla),
komposta minn M. Vilaras, President tal-Awla, M. Prek (Relatur) u V. M. Ciucă, Imħallfin,
Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,
wara li rat il-proċedura bil-miktub u wara s-seduta tas-27 ta’ Jannar 2010,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-kuntest ġuridiku
1. Ir-Regolament finanzjarju u r-Regoli għall-implementazzjoni
1 L-għoti tal-kuntratti għal servizzi tal-Kummissjoni Ewropea huwa rregolat mid-dispożizzjonijiet tat-Titolu V tal-ewwel Parti tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002, tal-25 ta’ Ġunju 2002, rigward ir-Regolament Finanazjarju applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 74, iktar ’il quddiem ir-“Regolament finanzjarju”), kif ukoll mid-dispożizzjonijiet tar-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2342/2002, tat-23 ta’ Diċembru 2002, li jippreskrivi regoli ddettaljati għall-implimentazzjoni tar-Regolament Finanzjaru (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 1, Vol. 4, p. 145, iktar ’il quddiem ir-“Regoli għall-implementazzjoni”).
2 L-Artikolu 89(1) tar-Regolament finanzjarju jistipula:
“Il-kuntratti kollha li huma ffinanzjati totalment jew parzjalment mill-budget għandhom ikunu konformi mal-prinċipji tat-trasparenza, l-proporzjonalità, it-trattament ugwali u nuqqas ta’ diskriminazzjoni”.
3 L-Artikolu 97 tar-Regolament finanzjarju jgħid kif ġej:
“1. Il-kriterja ta’ l-għażla għall-evalwazzjoni tal-kapaċità tal-kandidati jew ta’ l-appaltaturi u l-kriterja ta’ l-għoti għall-evalwazzjoni tal-kontenut ta’ l-offerti għandha tkun definita bil-quddiem u stabbilita fis-sejħa għall-offerti.
2. Il-kuntratti jistgħu jingħataw bil-proċedura awtomatika ta’ l-għoti jew bil-proċedura ta’ l-aħjar-valur-għall-flus [għoti lill-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża]”.
4 L-Artikolu 100 tar-Regolament finanzjarju jipprovdi:
“1. L-uffiċjal awtoizzanti għandu jiddeċiedi lil min il-kuntratt għandu jkun mogħti, b’konformità mal-kriterja tas-selezzjoni u l-għoti stabbilita minn qabel fid-dokumenti li jirrelataw mas-sejħa għal-offerti u r-regoli tal-forniment.
2. L-awtorità tal-kuntratti għandha tinnotifika lill-kandidati jew lill-appaltaturi kollha li l-applikazzjonijiet jew l-offerti tagħhom huma miċħuda bil-bażi li fuqhom tkun ittieħdet id-deċiżjonim u lill-appaltaturi kollha li l-offerti tagħhom huma ammissibbli u li jagħmlu talba bil-miktub, bill-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi ta’ l-appaltatur b’suċċess u l-isem ta’ l-appaltatur li lilu jingħata il-kuntratt.
B’dana kollu, ċerti dettalji ma jkunx hemm ħtieġa li jkunu żvelati meta l-iżvelar tagħhom ikun ifixkel l-applikazzjoni tal-liġi, ikun kuntrarju ta’ l-interess pubbliku jew ikunu ta’ ħsara għall-interessi leġittimi tan-negozju ta’ l-impriżi pubbliċi jew privati jew jista’ jgħawweġ il-kompetizzjoni ġusta bejn dawk l-impriżi”.
5 L-Artikolu 130(3) tar-Regoli għall-implementazzjoni jistipula:
“L-ispeċifikazzjonijiet mill-inqas iridu:
a) [jispeċifikaw] l-kriterji ta’ esklużjoni u ta’ selezzjoni applikabbli għall-kuntratt, ħlief għall-proċedura limitata, kif ukoll wara djalogu kompetittiv, u fil-proċeduri negozjati b’pubblikazzjoni minn qabel ta’ avviż imniżżel fl-Artikolu 127; f’dawn il-każiijiet, dawn il-kriterji jidhru biss fl-avviż ta’ kuntratt jew sejħa għal espressjoni ta’ interess;
b) [ji]speċifika[w] l-kriterji ta’ għotja ta’ kuntratt u l-piż relatat tagħhom jew, jekk ikun il-każ, l-ordni dejjem tonqos ta’ l-importanza ta’ dawn il-kriterji jekk ma jidhrux fl-avviż tal-kuntratt;
[…]”
6 L-Artikolu 135(1) tar-Regoli għall-implementazzjoni jipprovdi:
“L-awtoritajiet ta’ l-appalti iħejju kriterji ta’ selezzjoni ċari u mhux diskriminatorji”.
7 Skont l-Artikolu 138 tar-Regoli għall-implementazzjoni:
“1. Appalti jingħataw b’wieħed minn dawn iż-żewġ modi:
a) skond il-proċedura ta’ għoti awtomatiku, li f’dan il-każ l-appalt jingħata lill-offerta, li filwaqt li tkun tajba u li tissodisfa l-kondizzjonijiet preskritti, tkun l-irħas;
b) skond il-proċedura ta’ l-aħjar valur għall-flus li jkunu qed jintefqu.
2. L-offerta li toffri l-aħjar valur għall-flus li jkunu qed jintefqu tkun dik bl-aqwa relazzjoni bejn prezz u kwalità, billi jitqiesu l-kriterji ġġustifikati mis-suġġett ta’ l-appalt, bħalma huma’ l-prezz mitlub, merti tekniċi, karatteristiċi funzjonali u estetiċi, karatteristiċi ambjentali, spejjeż biex jitħaddem, kemm idum biex iħalli qliegħ u dewmien ta’ konsenja, servizzi ta’ wara l-bejgħ u għajnuna teknika.
3. L-awtorità ta’ l-appalti tispeċifika, fl-avviż ta’ l-appalt jew fl-ispeċifikazzjonijiet, l-importanza li se tagħti lil kull kriterju biex tiddetermina l-aqwa valur għall-flus li jkunu se jintefqu. [...]”
8 L-Artikolu 149(2) u (3) tar-Regoli għall-implementazzjoni jistipula:
“2. Fi żmien ħmistax-il ġurnata kalendarja mid-data li tintlaqa’ talba bil-miktub, tikkomunika t-tagħrif previt fl-Artikolu 100(2) tar-Regolament Finanzjarju.
3. Għall-kuntratti li ngħataw mill-istituzzjonijiet komunitarji f’isimhom stess, skond l-Artikolu 105 tar-Regolament Finanzjarju, l-awtoritajiet kontraenti għandhom jinnotifikaw l-aktar kmieni possibbli wara d-deċiżjoni ta’ għoti l-aktar tard matul il-ġimgħa ta’ wara, b’mod simultanju u individwali lil kull min telfa’ offerta jew lil kull kandidat eliminat, permezz ta’ ittra u fax jew posta elettronika, li l-offerta jew il-kandidatura tagħhom ma ġietx aċċettata u billi jiġi ppreċiżat f’kull każ ir-raġunijiet għal din l-eliminazzjoni ta’ l-offerta jew tal-kandidatura.
L-awtoritajiet kontraenti fl-istess ħin għandhom jinnotifikaw in-notifiki ta’ l-eliminazzjoni indirizzati lill-kandidati jew lil dawk li tefgħu l-offerti eliminati, id-deċiżjoni dwar l-għotja lil dak li ntgħażel billi jiġi ppreċiżati d-deċiżjoni nnotifikata ma tikkostitwixxix impenn min-naħa ta’ l-awtorità kontraenti kkonċernata:
Dawk li tefgħu l-offerti jew il-kandidati eliminati jistgħu jakkwistaw informazzjoni kumplimentari dwar ir-raġunijiet għall-eliminazzjoni tagħhom, permezz ta’ talba bil-miktub, permezz ta’ ittra, fax, jew posta elettronika u għal dawk kollha li tefgħu offerta aċċettabli, fuq il-karatteristiċi u l-vantaġġi ta’ l-offerta li ntgħażlet kif ukoll l-isem ta’ min ta din l-offerta, bla preġudizzju għad-dispożizzjonijiet ta’ l-Artikolu 100(2), it-tieni inċiż, tar-Regolament Finanzjarju. L-awtoritajiet kontraenti għandhom jirrispondu f’tul ta’ żmien ta’ ħmistax-il ġurnata li għandhom jibdew jgħoddu mid-data ta’ l-ilqugħ tat-talba.
[…]”
2. L-avviż ta’ kuntratt u l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt
9 Fl-avviż ta’ kuntratt u fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, ġie indikat li l-kuntratti qafas kienu ser jingħataw għal kull lott lil operatur wieħed li jagħi l-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża, evalwata skont il-kriterji speċifikati fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Fl-avviż ta’ kuntratt, ġie speċifikat li l-perijodu ta’ validità inizjali tal-kuntratt qafas huwa ta’ sentejn, li jista’ jiġġedded darba, u li l-valur totali stmat tax-xiri għall-perijodu ta’ validità kollu tal-kuntratt qafas (perijodu massimu ta’ erba’ snin) huwa ta’ EUR 6 500 000.
10 L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jipprovdu għal proċedura li tinkludi erba’ stadji. Fl-ewwel stadju jiġu applikati kriterji ta’ esklużjoni (punt 3.1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt). Fit-tieni stadju jiġu applikati kriterji ta’ għażla (punt 3.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt), sabiex jiġu eżaminati l-kapaċità finanzjarja u ekonomika, teknika u professjonali tal-offerent: minn naħa, il-kapaċità finanazjarja u ekonomika, għal-lottijiet kollha (ibbażata fuq il-verifiki finanzjarji tal-offerenti tal-aħħar tliet snin u t-“turnover” għas-servizzi li l-valur tiegħu jkun ta’ EUR 180 000 jew iktar, u, min-naħa l-oħra, il-kapaċità teknika u professjonali, analizzata separatament għal kull wieħed mit-tliet lottijiet li jiffurmaw is-sejħa għal offerti (il-kundizzjonijiet huma, b’mod partikolari, li l-offerent ikollu tim ta’ professjonisti kwalifikati biżżejjed, ikollu għall-inqas tliet snin esperjenza fil-qasam tas-servizzi ta’ traduzzjoni, tal-pubblikazzjoni u tal-kreazzjoni ta’ siti tal-internet, ikun ipprovda servizzi fil-qasam inkwistjoni minn tal-inqas tliet darbiet u lil minn tal-inqas tliet klijenti differenti matul l-aħħar ħames snin, fil-kuntest ta’ minn tal-inqas proġett wieħed ta’ dimensjoni internazzjonali). Fit-tielet stadju, jiġu applikati l-kriterji ta’ għoti (studju tal-kontenut tal-offerta) (punt 3.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt).
11 Għall-finijiet tal-evalwazzjoni teknika, l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jelenkaw erba’ kriterji ta’ għoti għal kull wieħed mil-lottijiet. Il-kriterji tal-lottijiet Nru 1 u Nru 2 huma simili ħafna u huma s-segwenti:
– kriterji ta’ għoti kwalitattivi rigwardanti l-lott Nru 1. In-numru totali ta’ punti huwa 100:
– kriterju Nru 1: għarfien tajjeb tax-xogħol li għandu jsir u rilevanza tal-metodoloġija proposta għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet (30 punt);
– kriterju Nru 2: kwalità u kompletezza tal-abbozz tal-PMQP (Gestioni tal-proġett u pjan tal-kwalità, iktar ’il quddiem il-“PMQP”) (10 punti);
– kriterju Nru 3: kwalità tal-pjanifikazzjoni tal-proġett propost u tal-allokazzjoni ta’ riżorsi proposta sabiex jiġu eżegwiti x-xogħlijiet kollha tax-xenarju 1 (30 punt);
– kriterju Nru 4: kwalità tal-pjanifikazzjoni tal-proġett propost u tal-allokazzjoni ta’ riżorsi proposta sabiex jiġu eżegwiti x-xogħlijiet kollha tax-xenarju 2 (30 punt);
– kriterji ta’ għoti kwalitattivi rigwardanti l-lott Nru 2. In-numru totali ta’ punti huwa 100:
– kriterju Nru 1: għarfien tajjeb tax-xogħol li għandu jsir u rilevanza tal-metodoloġija proposta għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet (30 punt);
– kriterju Nru 2: kwalità u kompletezza tal-abbozz tal-PMQP (10 punti);
– kriterju Nru 3: kwalità tal-pjanifikazzjoni tal-proġett propost u tal-allokazzjoni ta’ riżorsi proposta sabiex jiġu eżegwiti x-xogħlijiet kollha tax-xenarju 1 (30 punt);
– kriterju Nru 4: kwalità tal-pjanifikazzjoni tal-proġett propost u tal-allokazzjoni ta’ riżorsi proposta sabiex jiġu eżegwiti x-xogħlijiet kollha tax-xenarju 2 (30 punt).
12 Fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jingħad li l-offerenti li ma jiksbux biżżejjed punti biex jilħqu 70 % tat-total massimu tal-punti allokati jew li jiksbu inqas minn 50 % fir-rigward ta’ kriterju wieħed biss huma awtomatikament esklużi mill-bqija tal-proċedura għall-għoti tal-kuntratti.
13 L-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt imbagħad jipprovdu għal evalwazzjoni finanzjarja, li hija bbażata fuq il-prezzijiet indikati fl-offerti u li ssir skont il-formola li tinsab fil-punt 5.5 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.
14 Fir-raba’ stadju, il-kuntratt jingħata, għal kull lott, lill-aħjar offerta, mill-perspettiva tar-relazzjoni kwalità-prezz, evalwata abbażi tar-relazzjoni bejn il-punti miksuba għal kull lott u l-prezz propost.
Il-fatti li wasslu għall-kawża
15 Ir-rikorrenti, Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE, hija kumpannija rregolata mid-dritt Grieg, attiva fil-qasam tat-teknoloġija tal-informatika u l-komunikazzjoni.
16 Permezz ta’ avviż ta’ kuntratt tad-29 ta’ Lulju 2006, ippubblikat fis-Suppliment tal-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (ĠU S 143) bir-referenza 2006/S 143‑153057, il-Kummissjoni ħarġet sejħa għal offerti għall-ġestjoni u l-manutenzjoni tal-portal “L-Ewropa tiegħek” fil-kuntest tal-programm tal-IDABC (Interoperable Delivery of pan-European eGovernment Services to Public Administrations, Businesses and Citizens).
17 L-għan ta’ din is-sejħa għal offerti kien li jsiru tliet kuntratti qafas dwar tliet lottijiet differenti [xogħol ta’ editjar u ta’ traduzzjoni (lott Nru 1), ġestjoni ta’ infrastruttura(lott Nru 2) u attivitajiet ta’ promozzjoni (lott Nru 3)] sabiex tissaħħaħ il-ġestjoni u titkompla l-manutenzjoni tal-portal “L-Ewropa tiegħek”.
18 L-offerenti setgħu jippreżentaw offerti għal lott wieħed jew aktar. Fl-avviż ta’ kuntratt u fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, ġie indikat li l-kuntratti qafas kienu ser jingħataw għal kull lott lil operatur wieħed li jagħmel l-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża, evalwata skont il-kriterji speċifikati fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Fl-avviż ta’ kuntratt tad-29 ta’ Lulju 2006, ġie speċifikat li l-perijodu inizjali tal-kuntratt qafas huwa ta’ sentejn, li jista’ jiġġedded darba, u li l-valur totali stmat ta’ xiri għall-perijodu kollu tal-kuntratt qafas (perijodu massimu ta’ erba’ snin) huwa ta’ EUR 6 500 000. L-istima tal-valur għal kull lott hija ta’ EUR 2 250 000 għal-lott Nru 1, ta’ EUR 1 650 000 għal-lott Nru 2 u ta’ EUR 2 600 000 għal-lott Nru 3.
1. Għal dak li jirrigwarda l-lott Nru 1
19 Fl-4 ta’ Awwissu 2006, ir-rikorrenti talbet lid-Direttorat Ġenerali (DĠ) “Intrapriża u Industrija” tal-Kummissjoni sabiex jagħtiha s-source code attwali tal-portal “L-Ewropa tiegħek” sabiex tħejji l-offerta tagħha. Id-DĠ “Intrapriża u Industrija” għall-bidu kkontesta r-rilevanza ta’ din it-talba. Fl-14 ta’ Awwissu 2006, hija finalment aċċettat li tibgħat lir-rikorrenti s-source code.
20 Fl-14 ta’ Settembru 2006, ir-rikorrenti talbet speċifikazzjonijiet ġodda dwar il-kwistjonijiet ekonomiċi u finanzjarji tas-sejħa għal offerti. Id-DĠ “Intrapriża u Industrija” wieġeb il-mistoqsijiet tal-offerenti kollha permezz ta’ ittra tal-14 ta’ Settembru 2006. Barra minn hekk, il-Kummissjoni bagħtet ittra separata, fil-21 ta’ Settembru 2006, lir-rikorrenti.
21 Fid-19 ta’ Settembru 2006, ir-rikorrenti ppreżentat l-offerta tagħha b’risposta għall-imsemmija sejħa għal offerti rigwardanti l-lott Nru 1.
22 Id-DĠ “Intrapriża u Industrija” talab lir-rikorrenti darbtejn sabiex tagħtih iktar dettalji. Ir-rikorrenti wieġbet għal dawn it-talbiet fit-23 u fit-28 ta’ Novembru 2006.
23 F’Jannar 2007, matul il-proċedura ta’ sejħa għal offerti, id-DĠ “Informatika” ħa f’idejh s-sejħiet għal offerti kollha tad-DĠ “Intrapriża u Industrija” u kompla l-korrispondenza mar-rikorrenti.
24 B’ittra tad-DĠ “Informatika” tal-21 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrenti ġiet informata li l-offerta tagħha għal-lott Nru 1 kienet ġiet miċħuda minħabba li ma kinitx laħqet il-limiti stipulati fil-punt 3.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt li jinkludu l-kriterji ta’ evalwazzjoni teknika.
25 Fit-22 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrenti talbet lill-Kummissjoni xi spjegazzjonijiet fuq l-ittra li ċaħdet l-offerta tagħha. Dawn it-talbiet għal kjarifiki kienu jirrigwardaw l-isem tal-offerent magħżul, ir-riżultati miksuba mir-rikorrenti u mill-offerent magħżul għal kull wieħed mill-kriterji ta’ evalwazzjoni teknika u l-paragun tal-offerti finanzjarji. Ir-rikorrenti talbet ukoll kopja tar-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni.
26 Permezz ta’ ittra tad-29 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni informat lir-rikorrenti bl-isem tal-offerent magħżul (ASCII-Sword Technologies) kif ukoll b’żewġ siltiet mir-rapport ta’ evalwazzjoni li kienu jinkludu, minn naħa, il-ġustifikazzjoni għall-punti mogħtija lill-offerta tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, paragun tal-punti mogħtija liż-żewġ offerti.
27 F’ittra tad-29 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrenti kkontestat il-mod kif żvolġiet il-proċedura ta’ evalwazzjoni. B’mod partikolari, hija kkontestat il-fatt li l-proġett tal-IDABC “L-Ewropa tiegħek” ġie ttrasferit mid-DĠ “Intrapriża u Industrija” għad-DĠ “Informatika”. Hija talbet ukoll lid-DĠ “Informatika” sabiex ma jiffirmax il-kuntratt mal-offerent magħżul sakemm jintbagħtilha r-rapport dettaljat.
28 Permezz ta’ ittra tat-30 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni wieġbet lir-rikorrenti li t-trasferiment tas-sejħa għal offerti mid-DĠ “Intrapriża u Industrija” għad-DĠ “Informatika” ma kellu ebda effett fuq il-proċedura ta’ evalwazzjoni u li l-informazzjoni kkomunikata diġà kienet biżżejjed sabiex tinftiehem l-evalwazzjoni tal-offerta tagħha.
29 Fil-31 ta’ Mejju 2007, ir-rikorrenti tenniet it-talba tagħha għal informazzjoni u, fl-4 ta’ Ġunju 2007, issostanzjat din it-talba billi pprovdiet analiżi tal-kummenti tagħha, u analizzat kull wieħed mill-argumenti tagħha.
30 Fit-13 ta’ Ġunju 2007, il-Kummissjoni wieġbet għall-osservazzjonijiet tar-rikorrenti billi indikat li ebda informazzjoni ma kienet ġiet omessa u li ma kien sar ebda żball mill-kumitat ta’ evalwazzjoni.
2. Għal dak li jirrigwarda l-lott Nru 2
31 Ir-rikorrenti ppreżentat offerta għal-lott Nru 2, fid-19 ta’ Settembru 2006.
32 Ir-rikorrenti ġiet informata b’ittra tat-13 ta’ Lulju 2007 li l-offerta tagħha kienet ġiet miċħuda għar-raġuni li ma kinitx l-aħjar offerta mill-perspettiva tar-relazzjoni kwalità-prezz.
33 F’ittra tat-13 ta’ Lulju 2007, ir-rikorrenti talbet lid-DĠ “Informatika” xi kjarifiki dwar il-motivi li ġġustifikaw iċ-ċaħda tal-offerta tagħha, u għamlet l-istess osservazzjonijiet bħal dawk li kienet għamlet fir-rigward tal-lott Nru 1.
34 Fl-ittra tagħha tas-16 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni weġbitha li l-kuntratt kien ingħata lill-konsorzju ASCII-Sword Technologies u bagħtitilha xi siltiet mir-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni li kienu jinkludu, minn naħa, il-ġustifikazzjoni għall-punti mogħtija lill-offerta tar-rikorrenti u, min-naħa l-oħra, paragun tal-punti mogħtija liż-żewġ offerti.
35 Fil-25 ta’ Lulju 2007, ir-rikorrenti bagħtet ittra lill-Kummissjoni fejn talbitha ma tiffirmax il-kuntratt mal-offerent magħżul sakemm tiġi ttrattata t-talba tagħha għal informazzjoni.
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
36 Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti Ġenerali fil-31 ta’ Lulju 2007, ir-rikorrenti ppreżentat dan ir-rikors kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta’ Mejju 2007 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2007”) u d-Deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2007 (iktar ’il quddiem id-“Deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2007”) li tiġi miċħuda l-offerta tagħha għal-lott Nru 1, minn naħa, u għal-lott Nru 2, min-naħa l-oħra, u li l-kuntratt jingħata lill-offerent magħżul.
37 Ir-rikorrenti titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tannulla d-Deċiżjonijiet tal-21 ta’ Mejju u tat-13 ta’ Lulju 2007 li l-offerti li hija ppreżentat ma jiġux aċċettati u li l-kuntratti jingħataw lill-offerent magħżul;
– tikkundanna lill-Kummissjoni tikkumpensaha għad-danni subiti minħabba l-għoti tal-kuntratti lil offerenti oħra, jiġifieri fl-ammont ta’ EUR 1 125 000 għal dak li jirrigwarda l-lott Nru 1 u fl-ammont ta’ EUR 825 000 għal dak li jirrigwarda l-lott Nru 2;
– tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż, anki fil-każ li dan ir-rikors jiġi miċħud.
38 Il-Kummissjoni titlob li l-Qorti Ġenerali jogħġobha:
– tiċħad ir-rikors għal annullament;
– tiddikjara t-talba għad-danni inammissibbli u, sussidjarjament, infondata;
– tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
39 Fir-replika tagħha, ir-rikorrenti naqqset l-ammont tat-talba għad-danni tagħha għal EUR 750 000 għal-lott Nru 1 u għal EUR 400 000 għal-lott Nru 2.
40 Matul is-seduta, ir-rikorrenti ppreżentat tliet dokumenti ġodda, jiġifieri rapport ta’ verifika finanzjarja, ittra li ntbagħtitilha mill-Kummissjoni u dokument li kien fih sejħa għal offerti oħra. Il-Kummissjoni għamlet osservazzjonijiet dwar l-ammissibbità tal-ewwel dokument u r-rilevanza ta’ dawn id-dokumenti kollha għall-eżitu tal-kawża.
Id-dritt
1. Fuq it-talba għal annullament
41 Insostenn tat-talba tagħha għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2007 u tad-Deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2007, ir-rikorrenti essenzjalment tinvoka tliet motivi. L-ewwel motiv huwa bbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni. It-tieni motiv huwa bbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni mwettqa mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-offerti tagħha. It-tielet motiv huwa bbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-obbligu ta’ trasparenza.
Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
42 Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-obbligu ta’ motivazzjoni billi ma tatha ebda informazzjoni fuq il-merti tal-offerta tal-offerent magħżul.
43 Il-Kummissjoni tikkunsidra li l-motivazzjoni mogħtija hija konformi mal-ġurisprudenza kif ukoll mar-Regolament finanzjarju. Hija tindika li bagħtet silta mir-rapport ta’ evalwazzjoni kemm fir-rigward tal-lott Nru 1 kif ukoll fir-rigward tal-lott Nru 2 fejn il-vantaġġi relattivi tal-offerta tar-rikorrenti ġew imqabbla ma’ dawk tal-offerta tal-offerent magħżul. Hija b’hekk tafferma li ssodisfat l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha u tqis li l-Qorti Ġenerali għandha biżżejjed informazzjoni sabiex tkun tista’ tiddeċiedi.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
44 B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa fir-rigward tal-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tittieħed deċiżjoni li jingħata kuntratt wara sejħa għal offerti. L-istħarriġ ġudizzjarju ta’ kif tiġi eżerċitata din is-setgħa diskrezzjonali hija b’hekk limitata għall-verifika tal-osservanza tar-regoli proċedurali u ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-eżattezza sostantiva tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tas-27 ta’ Settembru 2002, Tideland Signal vs Il‑Kummissjoni, T‑211/02, Ġabra p. II‑3781, punt 33, u tal-10 ta’ Settembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, T‑465/04, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 45).
45 Għandu jiġi rrilevat ukoll li, meta l-Kummissjoni jkollha setgħa diskrezzjonali wiesgħa, l-importanza tal-osservanza tal-garanziji mogħtija mill-ordinament ġuridiku Komunitarju fil-proċeduri amministrattivi hija saħansitra iktar fundamentali. Fost dawn il-garanziji hemm, b’mod partikolari, l-obbligu li l-istituzzjoni kompetenti timmotiva biżżejjed id-deċiżjonijiet tagħha. Huwa biss b’dan il-mod li l-qorti Komunitarja tkun f’pożizzjoni li tivverifika jekk il-punti ta’ fatt u ta’ liġi li fuqhom jiddependi l-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali kinux preżenti (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-21 ta’ Novembru 1991, Technische Universität München, C‑269/90, Ġabra p. I‑5469, punt 14; sentenzi tal-Qorti Ġenerali Evropaïki Dynamiki vs Il‑Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 54, u tal-20 ta’ Mejju 2009, VIP Car Solutions vs Il‑Parlament, T‑89/07, Ġabra p. II‑1403, punt 61).
46 Għandu jitfakkar ukoll li r-rekwiżit ta’ motivazzjoni għandu jiġi evalwat skont iċ-ċirkustanzi tal-każ, b’mod partikolari fid-dawl tal-kontenut tal-att, tan-natura tal-motivi invokati u tal-interess li d-destinatarji jew il-persuni l-oħra kkonċernati direttament u individwalment mill-att jista’ jkollhom sabiex jirċievu spjegazzjonijiet (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-2 ta’ April 1998, Il-Kummissjoni vs Sytraval u Brink’s France, C‑367/95 P, Ġabra p. I‑1719, punt 63, u l-ġurisprudenza ċċitata).
47 Barra minn hekk, l-obbligu ta’ motivazzjoni jikkostitwixxi forma proċedurali sostanzjali li għandha tiġi distinta mill-kwistjoni tal-fondatezza tal-motivazzjoni, peress li din għandha x’taqsam mal-legalità sostantiva tal-att inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-22 ta’ Marzu 2001, Franza vs Il-Kummissjoni, C‑17/99, Ġabra p. I‑2481, punt 35; sentenzi tal-Qorti Ġenerali tat-12 ta’ Novembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑406/06, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 47, u VIP Car Solutions vs Il-Parlament, punt 45 iktar ’il fuq, punt 63).
48 Fl-aħħar nett, għandu jiġi osservat li r-regoli speċifiċi dwar il-motivazzjoni tad-deċiżjonijiet li jiċħdu l-offerti ppreżentati minn offerenti fil-kuntest ta’ proċedura ta’ sejħa għal offerti, applikabbli f’dan il-każ, jinsabu fl-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju u fl-Artikolu 149(3) tar-Regoli għall-implementazzjoni.
49 Minn dawn id-dispożizzjonijiet u mill-ġurisprudenza tal-Qorti Ġenerali jirriżulta li l-Kummissjoni tissodisfa l-obbligu tagħha ta’ motivazzjoni jekk hija tillimita ruħha, l-ewwel nett, li tikkomunika immedjatament lil kull offerent mhux magħżul il-motivi tar-rifjut tal-offerta tiegħu u mbagħad tagħti lill-offerenti li jkunu ppreżentaw offerta ammissibbli u li jkunu talbu dan espressament, kemm il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi għall-offerta magħżula kif ukoll l-isem tal-offerent magħżul f’terminu ta’ ħmistax-il ġurntata tal-kalendarju mid-data meta tirċievi talba bil-miktub (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-10 ta’ Settembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 47).
50 Meta l-affarijiet isiru b’dan il-mod, jintlaħaq l-għan tal-obbligu ta’ motivazzjoni msemmi fl-Artikolu 253 KE, li jgħid li r-raġunament tal-awtur tal-att għandu joħroġ b’mod ċar u mhux ekwivoku sabiex jippermetti, minn naħa, lill-persuni kkonċernati jkunu jafu x’inhuma l-ġustifikazzjonijiet tal-miżura meħuda sabiex isostnu d-drittijiet tagħhom u, min-naħa l-oħra, lill-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha (sentenza tal-10 ta’ Settembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 44 iktar ’il fuq, punt 48).
51 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandhom jiġu eżaminati l-argumenti tar-rikorrenti.
– Fuq il-motivazzjoni li tinsab fid-Deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2007 u fl-ittra tad-29 ta’ Mejju 2007 (lott Nru 1)
52 Sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, ġiex sodisfatt ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni previst mir-Regolament finanzjarju u mir-Regoli għall-implementazzjoni, għandha mhux biss tiġi eżaminata d-Deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2007, iżda wkoll l-ittra tad-29 ta’ Mejju 2007 mibgħuta lir-rikorrenti b’risposta għat-talba espressa tagħha tat-22 ta’ Mejju 2007, intiża għal ksib ta’ informazzjoni supplimentari dwar iċ-ċaħda tal-offerta tagħha.
53 Fl-ittra tal-21 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni indikat li l-offerta tar-rikorrenti ma kinitx laħqet il-limiti stabbiliti mill-punt 3.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Hija informat lir-rikorrenti wkoll bil-possibbiltà li titlob informazzjoni addizzjonali dwar il-motivi għaċ-ċaħda tal-offerta tagħha.
54 Wara t-talba bil-miktub tar-rikorrenti tat-22 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni weġbitha bl-ittra tad-29 ta’ Mejju 2007. Din tal-aħħar kienet tinkludi ħafna informazzjoni b’risposta għall-preċiżazzjonijiet mitluba mir-rikorrenti. Il-Kummissjoni indikat l-isem tal-offerent magħżul kif ukoll li dan tal-aħħar kien kiseb 72 punt minn 100 punt għall-kwalità tal-offerta tiegħu u riżultat finali ta’ 1.170.
55 Il-Kummissjoni hemżet ukoll mal-ittra tad-29 ta’ Mejju 2007 żewġ siltiet mir-rapport ta’ evalwazzjoni. Silta waħda kien fiha xi kummenti intiżi biex jiġġustifikaw il-punti mogħtija lill-offerta tar-rikorrenti fir-rigward tal-erba’ kriterji ta’ evalwzzjoni teknika u l-oħra kien fiha t-tabella li ġejja:
Kriterju
Deskrizzjoni
European Dynamics
ASCII Sword Technologies
Punti massimi
1
Għarfien tajjeb tax-xogħol li għandu jsir u rilevanza tal-metodoloġija proposta għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet
16
26.667
30
2
Kwalità u kompletezza tal-abbozz tal-PMQP (ara t-taqsima 4.3.8.3)
7
8.333
10
3
Kwalità tal-pjanifikazzjoni tal-proġett propost u tal-allokazzjoni ta’ riżorsi sabiex jiġu eżegwiti x-xogħlijiet kollha tax-xenarju (ara t-taqsima 4.4.3.1)
21.667
18
30
4
Kwalità u kompletezza tal-approċċ speċifiku għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet tax-xenarju (ara t-taqsima 4.4.3.1)
14
19
30
Total
58.667
72
100
56 Il-Qorti Ġenerali tikkonstata qabel kollox li l-kliem tal-kriterji ta’ għoti kwalitattivi Nru 3 u Nru 4 indikati fit-tabella mehmuża mal-ittra tad-29 ta’ Mejju 2007 ma jikkorrispondix eżattament ma’ dak indikat fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Madankollu, mill-kontenut tal-ittra tad-29 ta’ Mejju 2007 jirriżulta b’mod ċar li l-Kummissjoni kienet tabilħaqq għamlet riferiment għall-kriterji ta’ għoti kwalitattivi Nru 3 u Nru 4 tal-lott Nru 1, ħaġa li r-rikorrenti qatt ma kkontestatha, u li l-iżball fil-kliem tal-imsemmija kriterji msemmija fit-tabella huwa sempliċiment żball manifest fl-abbozzar li ma jaffettwax id-deċiżjoni kkontestata.
57 Imbagħad għandu jiġi rrilevat li, f’dan il-każ, id-Deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2007 ma hijiex ibbażata fuq paragun tas-servizz tar-rikorrenti u tal-offerent magħżul, iżda fuq il-fatt li l-offerta tar-rikorrenti ma kisbitx in-numru minimu ta’ punti meħtieġa għall-kriterji ta’ evalwazzjoni teknika.
58 Skont il-kliem tas-sejħa għal offerti, huma biss l-offerti li jiksbu għall-inqas 70 % tat-total tal-punti mogħtija għall-kriterji ta’ evalwazzjoni teknika u l-limitu minimu ta’ 50 % tal-punti meħtieġa għal kull kriterju ta’ evalwazzjoni teknika li jistgħu jiġu kkunsidrati bħala biżżejjed fir-rigward ta’ dawk il-kriterji u li jistgħu mbagħad jiġu eżaminati sabiex tiġi ddeterminata l-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża.
59 B’hekk, l-offerta tar-rikorrenti ġiet eliminata mhux wara li ġiet ipparagunata mal-offerti l-oħra u, b’mod partikolari, mal-offerta tal-offerent magħżul, iżda minħabba li l-limitu minimu meħtieġ għal wieħed mill-kriterji u l-punti minimi meħtieġa għall-kriterji kollha ma kinux intlaħqu.
60 L-informazzjoni mogħtija mill-Kummissjoni b’hekk, f’dan il-każ, kienet biżżejjed għall-finijiet tar-rekwiżiti imposti f’dan ir-rigward (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tat-12 ta’ Novembru 2008, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, punt 47 iktar ’il fuq, punti 106 sa 108).
61 Konsegwentement, il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li, fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi, l-obbligu li tingħata informazzjoni dwar il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula, previst mill-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju u mill-Artikolu 149 tar-Regoli għall-implementazzjoni, f’dan il-każ, ġie osservat.
62 Għal dawn ir-raġunijiet kollha, għandu jiġi kkunsidrat li, fir-rigward tad-Deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2007, il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni għandu jiġi miċħud.
– Fuq il-motivazzjoni li tinsab fid-Deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2007 u fl-ittra tas-16 ta’ Lulju 2007 (lott Nru 2)
63 Sabiex jiġi ddeterminat jekk, f’dan il-każ, ġiex sodisfatt ir-rekwiżit ta’ motivazzjoni previst mir-Regolament finanzjarju u mir-Regoli għall-implementazzjoni, għandhom jiġu eżaminati kemm l-ittra tat-13 ta’ Lulju 2007 kif ukoll dik tas-16 ta’ Lulju 2007 mibgħuta lir-rikorrenti b’risposta għat-talba espressa tagħha tat-13 ta’ Lulju 2007 intiża għal ksib ta’ informazzjoni supplimentari dwar iċ-ċaħda tal-offerta tagħha.
64 Fid-Deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni indikat li l-offerta tar-rikorrenti ma kinitx intgħażlet għar-raġuni li din ma kinitx toffri l-aħjar relazzjoni kwalità-prezz.
65 Wara t-talba bil-miktub tar-rikorrenti tat-13 ta’ Lulju 2007, il-Kummissjoni weġbitha b’ittra tas-16 ta’ Lulju 2007. Din tal-aħħar kienet tinkludi ħafna informazzjoni b’risposta għall-preċiżazzjonijiet mitluba mir-rikorrenti. Il-Kummissjoni indikat l-isem tal-offerent magħżul kif ukoll li dan tal-aħħar kien kiseb 83.33 punt minn 100 punt għall-kwalità tal-offerta tiegħu u riżultat finali ta’ 0.5911 filwaqt li r-rikorrenti kienet kisbet biss 70.33 punt minn 100 għall-kwalità tal-offerta tagħha u riżultat finali ta’ 0.5725.
66 Il-Kummissjoni hemżet ukoll mal-ittra tas-16 ta’ Lulju 2007 żewġ siltiet mir-rapport ta’ evalwazzjoni. Silta waħda kien fiha xi kummenti intiżi biex jiġġustifikaw il-punti mogħtija lill-offerta tar-rikorrenti fir-rigward tal-erba’ kriterji ta’ evalwazzjoni teknika u l-oħra kien fiha t-tabella li ġejja:
Kriterju
Deskrizzjoni
European Dynamics
ASCII Sword Technologies
Punti massimi
1
Għarfien tajjeb tax-xogħol li għandu jsir u rilevanza tal-metodoloġija proposta għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet
24.67
25.67
30
2
Kwalità u kompletezza tal-abbozz tal-PMQP
6.67
7.67
10
3
Kwalità tal-pjanifikazzjoni tal-proġett propost u tal-allokazzjoni ta’ riżorsi proposta sabiex jiġu eżegwiti x-xogħlijiet kollha tax-xenarju 1
17
25
30
4
Kwalità u kompletezza tal-approċċ speċifiku għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet tax-xenarju 2
22
25
30
TOTAL
70.33
83.33
100
67 F’dan il-każ, għandu jiġi kkonstatat l-ewwel nett li l-punti mogħtija lill-offerta tar-rikorrenti qabżu l-punti minimi meħtieġa kemm għall-kriterji ta’ għoti kollha kif ukoll għal kull kriterju ta’ għoti. It-tieni nett, sabiex tiddetermina l-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża, il-Kummissjoni eżaminat il-proposti finanzjarji tal-offerenti, inkluża dik tar-rikorrenti, li kienu ppreżentaw offerta li laħqet il-punti minimi meħtieġa. Kien b’hekk wara paragun mal-offerti l-oħra u, b’mod partikolari, l-offerta tal-offerent magħżul li l-Kummissjoni ddeċidiet li ma tagħżilx l-offerta tar-rikorrenti.
68 Il-kwistjoni jekk il-motivazzjoni li tinsab fid-Deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2007 u fl-ittra tas-16 ta’ Lulju 2007 hijiex biżżejjed għandha tiġi ddeterminata billi jittieħdu inkunsiderazzjoni kemm dawn iċ-ċirkustanzi u, hekk kif ġie mfakkar fil-punt 45 iktar ’il fuq, is-setgħa diskrezzjonali wiesgħa tal-Kummissjoni f’dan ir-rigward kif ukoll il-ħtieġa iktar u iktar importanti, li tinsilet minn dan, li timmotiva biżżejjed id-deċiżjonijiet tagħha.
69 L-ittra tas-16 ta’ Lulju 2007 fiha siltiet mir-rapport ta’ evalwazzjoni li jesponu l-kummenti intiżi li jiġġustifikaw il-punti mogħtija lill-offerta tar-rikorrenti għall-erba’ kriterji ta’ evalwazzjoni. Fir-rigward tal-paragun bejn is-servizzi tar-rikorrenti u tal-offerent magħżul, dan jikkonsisti biss f’tabella li tindika, minn naħa, il-punti miksuba mir-rikorrenti u mill-offerent magħżul għall-imsemmija kriterji ta’ għoti u, min-naħa l-oħra, ir-riżultat finali miksub meta tiġi applikata l-formula li tinsab fil-punt 3.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, jiġifieri r-relazzjoni bejn il-punti totali miksubin għall-erba’ kriterji ta’ evalwazzjoni teknika u l-prezz propost għal-lott inkwistjoni sabiex tiġi ddeterminata l-aħjar relazzjoni bejn il-kwalità u l-prezz. L-ittra tas-16 ta’ Lulju 2007 b’hekk ma fiha ebda kumment, lanqas qasir, fuq l-offerta tal-offerent magħżul.
70 F’dawn iċ-ċirkustanzi, għandu jiġi kkonstatat li ma jidhirx li l-informazzjoni inkluża fid-Deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2007 u fl-ittra tas-16 ta’ Lulju 2007 hija sodisfaċenti. Fil-fatt, din l-informazzjoni ma tippermettix, minn naħa, lir-rikorrenti tkun taf x’inhuma l-karatteristiċi u l-vantaġġi tal-offerta magħżula sabiex issostni d-drittijiet tagħha u, min-naħa l-oħra, lill-qorti teżerċita l-istħarriġ tagħha fuq il-paragun magħmul mill-Kummissjoni bejn l-offerti.
71 Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li l-offerta finanzjarja magħmula mir-rikorrenti kienet iktar baxxa minn dik tal-offerent magħżul. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li l-Kummissjoni ma indikatx espressament il-prezz totali propost mill-offerent magħżul, u llimitat ruħha li ssemmi r-riżultat finali mogħti lill-offerta tiegħu, u indikat l-imsemmi prezz għall-ewwel darba biss f’tabella ppreżentata fir-risposta.
72 Minkejja l-fatt li l-offerent magħżul ippropona prezz iktar ogħli minn dak propost mir-rikorrenti, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-offerta tiegħu kienet l-aħjar waħda mill-perspettiva tar-rapport kwalità-prezz u b’hekk kienet l-iktar waħda vantaġġuża ekonomikament. B’hekk jidher li l-evalwazzjoni tal-kwalità tal-offerta fid-dawl tal-kriterji ta’ għoti kwalitattivi kienet determinanti. B’hekk, fiċ-ċirkustanzi ta’ din il-kawża, l-elementi rigwardanti dawn il-kriterji ta’ għoti kienu iktar u iktar neċessarji ladarba l-prezz propost mir-rikorrenti kien iktar baxx minn dak propost mill-offerent magħżul (ara, f’dan is-sens, is-sentenza VIP Car Solutions vs Il-Parlament, punt 45 iktar ’il fuq, punt 71).
73 Għandu jiġi konkluż li l-Kummissjoni ma wettqitx kif suppost l-obbligu ta’ motivazzjoni tagħha inkwantu l-kontenut tad-Deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2007 u tal-ittra tas-16 ta’ Lulju 2007 ma jissodisfax, f’dan il-każ, ir-rekwiżiti tal-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju u tal-Artikolu 149 tar-Regoli għall-implementazzjoni.
74 Minn dak li ntqal jirriżulta li d-Deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2007 li tiġi miċħuda l-offerta tar-rikorrenti u li l-kuntratt jingħata lill-offerent magħżul hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni.
75 B’hekk, id-Deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2007 għandha tiġi annullata, mingħajr ma hemm għalfejn tingħata deċiżjoni fuq il-motivi l-oħra invokati mir-rikorrenti fil-kuntest tal-lott Nru 2 u fuq il-ħtieġa li l-Kummissjoni tintalab tippreżenta r-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni.
Fuq il-motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni (lott Nru 1)
76 Peress li r-rikors huwa fondat għal dak li jirrigwarda d-Deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2007, l-eżami tal-motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni għandu jiġi limitat għal dak li jirrigwarda d-Deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2007.
77 B’mod preliminari, għandu jitfakkar li l-Kummissjoni għandha setgħa diskrezzjonali wiesgħa għal dak li jirrigwarda l-fatturi li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni sabiex tittieħed deċiżjoni li jingħata kuntratt wara sejħa għal offerti. L-istħarriġ tal-Qorti Ġenerali għandu jkun limitat għall-verifika tal-osservanza tar-regoli ta’ proċedura u ta’ motivazzjoni, kif ukoll tal-eżatezza tal-fatti, tan-nuqqas ta’ żball manifest ta’ evalwazzjoni u ta’ abbuż ta’ poter (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-24 ta’ Frar 2000, ADT Projekt vs Il‑Kummissjoni, T‑145/98, Ġabra p. II‑387, punt 147; tas-6 ta’ Lulju 2005, TQ3 Travel Solutions Belgium vs Il‑Kummissjoni, T‑148/04, Ġabra p. II‑2627, punt 47, u tad-9 ta’ Settembru 2009, Brink’s Security Luxembourg vs Il‑Kummissjoni, T‑437/05, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 193).
78 F’dan il-każ, mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jirriżulta li l-għoti tal-kuntratt sar skont l-iktar offerta ekonomikament vantaġġuża, b’mod konformi mal-Artikolu 97(2) tar-Regolament finanzjarju.
79 B’hekk, fil-limiti stabbiliti mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq, għandu jiġi eżaminat jekk il-Kummissjoni wettqitx żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni meta evalwat l-offerta fid-dawl tad-diversi kriterji ta’ għoti.
Għal dak li jirrigwarda l-kriterju ta’ għoti kwalitattiv Nru 1 intitolat “Għarfien tajjeb tax-xogħol li għandu jsir u rilevanza tal-metodoloġija proposta għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet”
80 Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-offerta tar-rikorrenti kisbet 16-il punt minn 30 għall-kriterju ta’ għoti kwalitattiv Nru 1. Fl-ittra tad-29 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni ġġustifikat dawn il-punti bil-fatt li l-approċċ metodoloġiku għall-provvista tas-servizzi ta’ editjar huwa ġeneriku u li r-rikorrenti ma fehmet b’mod sħiħ la l-kontenut immirat u lanqas il-pubbliku mmirat tal-portal “L-Ewropa tiegħek” meta pproponiet “News Desk” li ma kinitx kompatibbli mal-portata tal-proġett u meta rreferiet għal pubbliku ta’ investituri potenzjali li wrew interess fit-tip ta’ innovazzjoni promossa u inkoraġġuta mill-portal “L-Ewropa tiegħek”. Hija tenfasizza wkoll li l-approċċ rigwardanti l-“kontroll tal-kwalità” u l-“garanzija tal-kwalità” kien ibbażat fuq il-“metodoloġija XPR”, li bl-edba mod ma tikkorrispondi mad-deskrizzjoni tax-xogħol fir-rigward tal-lott Nru 1 li kienet tinsab fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Il-Kummissjoni rrilevat, fl-aħħar lok, li ma kienx ċar jekk it-traduzzjonijiet kinux se jsiru permezz ta’ lingwi intermedjarji magħrufa bħala pivot languages jew jekk kinux se jsiru direttament.
81 Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tosserva li r-rimarki pożittivi li jinsabu fir-rapport ta’ evalwazzjoni jikkontradixxu l-punteġġ ta’ 16-il punt minn 30 li hija kisbet għal dan il-kriterju ta’ għoti. Hija tikkonstata li, bħala l-uniku element negattiv, ġie indikat fl-imsemmi rapport li l-offerta semmiet li kien hemm ħdax-il lingwa uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, meta dan huwa sempliċiment żball manifest.
82 Fi-tieni lok, ir-rikorrenti tqis li kkunsidrat b’mod sħiħ it-tipi kollha ta’ kontenut tal-portal attwali u l-aspetti kollha marbutin mal-editjar u wriet għarfien sħiħ tax-xogħol li kellu jsir. Hija żżid li rreferiet apposta għal tipi ta’ kontenut li ma kinux jagħmlu parti mill-verżjoni attwali tal-portal, u b’mod partikolari l-kontenut “flash” sabiex turi l-kapaċità globali tagħha li taħdem fuq diversi tipi ta’ kontenut ta’ portal modern u b’hekk li hija kapaċi tadatta ruħha għal kontenuti ġodda meta jkun qed jiġi eżegwit il-kuntratt.
83 Ir-rikorrenti takkuża lill-Kummissjoni li kkunsidrat li l-approċċ metodoloġiku fir-rigward tal-editjar kien ġeneriku u f’dan ir-rigward tirreferi għal dokument. Hija ssostni li, għal dak li jirrigwarda l-“garanzija tal-kwalità” u l-“kontroll tal-kwalità”, l-offerta tagħha kienet ġiet ipperċepita bħala “pożittiva” u “żviluppata tajjeb”, b’mod li ma tifhimx kif il-Kummissjoni tatha punti tekniċi baxxi ħafna. Ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-għażla tagħha li tipproponi l-“metodoloġija XPR” imsemmija ma tikkorrispondix mal-mod kif inhuwa deskritt il-lott Nru 1 fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. F’dan ir-rigward, hija ssostni li xtaqet tippreżenta perspettiva ġenerali tal-“filosofija ġenerali” tal-offerent fir-rigward tal-kwalità.
84 Ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-approċċ tagħha fir-rigward tat-traduzzjoni ma huwiex ċar fuq il-kwistjoni jekk humiex ser jintużaw il-pivot languages għat-traduzzjoni. Hija tqis li din ma hijiex kwistjoni li għandha tiġi ttrattata fiż-żmien meta ssir l-offerta, iżda waqt li jkun miexi l-proġett skont il-parametri temporali tiegħu. Hija żżid li, fil-każijiet kollha, it-tradutturi huma nies li l-lingwa materna tagħhom hija l-lingwa li fiha jiġi tradott it-test u li hija ddikjarat fl-offerta tagħha li t-traduzzjonijiet diretti kienu “ppreferuti” mill-offerent. Hija tikkonkludi li r-riferimenti tagħha għall-pivot languages b’hekk huma ċari.
85 L-ewwel nett, il-Qorti Ġenerali tqis li r-rikorrenti ssostni żbaljatament li s-16-il punt minn 30 mogħti lill-offerta tiegħu fir-rigward tal-kriterju ta’ għoti kwalitattiv Nru 1 ingħataw minħabba żball manifest ta’ evalwazzjoni. Minn naħa, l-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ppenalizzatha għal żball manifest, jiġifieri r-riferiment għal ħdax-il lingwa uffiċjali tal-Unjoni, ma hijiex imsejsa fuq fatti. Fil-fatt, mid-Deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2007 jirriżulta li l-Kumissjoni sempliċiment irrilevat l-eżistenza ta’ dan l-iżball manifest mingħajr ma siltet konklużjonijiet negattivi minn dan fil-konfront tar-rikorrenti. Min-naħa l-oħra, għall-kuntrarju tal-affermazzjonijiet tar-rikorrenti, il-Kummissjoni rrilevat diversi fatturi negattivi fl-offerta tagħha bħal approċċ metodoloġiku ġeneriku, identifikazzjoni żbaljata tal-kontenut u tal-pubbliku mmirat li tirriżulta mill-proposta ta’ “News Desk”, inkompatibbli mal-portata tal-proġett “L-Ewropa tiegħek”. Dawn il-fatturi juru li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta tat 16-il punt minn 30 lill-offerta tar-rikorrenti fir-rigward tal-kriterju ta’ għoti kwalitattivi Nru 1.
86 It-tieni nett, ir-rikorrenti tqis li ġiet ikkritikata żbaljatament li ppreżentat approċċ metodoloġiku ġeneriku u li ma identifikatx b’mod korrett la l-kontenut immirat tal-portal u lanqas il-pubbliku li għalih huwa intiż. Hija ssostni li fil-fatt hija qieset kompletmanet kull tip ta’ kontenut tal-portal attwali u l-aspetti kollha marbutin mal-editjar u tirreferi f’dan ir-rigward għall-punti 2 sa 5 (p. 634 sa 644) u għall-punti 1 sa 8 (p. 818 sa 865) tal-offerta tagħha.
87 Il-Qorti Ġenerali tikkunsidra li dawn l-argumenti madankollu ma jistgħux jintlaqgħu. Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ma stabbilixxietx, billi rreferiet sempliċiment għall-punti tal-offerta ċċitati iktar ’il fuq, li l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fir-rigward tan-natura ġenerika tal-approċċ metodoloġiku ppreżentat fl-offerta tagħha hija manifestament żbaljata. B’mod partikolari, l-ewwel nett, uħud mill-imsemmija punti tal-offerta jirreferu għall-oqsma tematiċi tal-portal (p. 634 sa 636 tal-offerta). It-tieni nett, punti oħrajn tal-offerta (p. 637 sa 638 tal-offerta) jikkonċernaw l-approċċ intiż li jiffaċilita l-użu tal-portal, ħaġa li l-Kummissjoni kkunsidrat bħala interessanti, jew jirreferu għall-portal attwali u sempliċiment jirriproduċu l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. It-tielet nett, il-punti finali tal-offerta (p. 822 sa 855 tal-offerta) li tinvoka r-rikorrenti jiddeskrivu l-approċċ metodoloġiku tal-provvista tas-servizzi tal-“Work Package 1.1”.
88 Fit-tieni lok, il-Qorti Ġenerali tqis li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta enfasizzat li l-kontenut tal-portal ma kienx ġie identifikat b’mod korrett sa fejn l-offerta kienet tirreferi għal servizzi ġodda. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li l-kontenut “flash” li għalih irreferiet ir-rikorrenti fl-offerta tagħha ma kienx adattat għall-għanijiet tal-portal. Hekk kif jirriżulta mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, l-għan tal-portal huwa li jkun hemm database permanenti li l-kontenut tagħha ma jinbidilx ħafna, l-iktar l-iktar darbtejn fis-sena. Konsegwentement, il-kontenut “flash” li jippermetti aġġornament kontinwu tal-kontenut huwa manifestament inutli u barra minn hekk ma kienx previst fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.
89 Bl-istess mod, il-Kummissjoni kellha raġun tirrileva li, fid-dawl tar-riferiment fl-offerta tar-rikorrenti għal “News Desk”, inkompatibbli mal-portata tal-proġett “L-Ewropa tiegħek”, u għal “pubbliku mmirat speċifiku ta’ investituri potenzjali […] li juru interess fit-tip ta’ innovazzjoni promossa u inkoraġġuta mill-portal ‘L-Ewropa tiegħek’”, ir-rikorrenti la fehmet sew il-kontenut immirat u lanqas il-pubbliku mmirat tal-imsemmi portal. F’dan ir-rigward, l-argument tar-rikorrenti li ż-żieda ta’ kontenut ġdid mal-portal jikkostitwixxi aspett pożittiv tal-offerta tagħha ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, hekk kif tirrileva ġustament il-Kummissjoni mingħajr ma ġiet kontradetta mir-rikorrenti, fl-offerta tagħha din tal-aħħar ma indikatx b’mod ċar li hija kienet qed tipproponi li ddaħħal fil-portal kontenut li jmur lil hinn minn dak li kien previst fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.
90 Fl-aħħar lok, ma hemm ebda kontradizzjoni bejn l-affermazzjoni li “l-mod kif inftiehem il-kuntest ġenerali tal-offerta huwa korrett” u dik li “l-approċċ metodoloġiku […] huwa ġeneriku”, peress li dawn iż-żewġ konstatazzjonijiet ifissru biss li, b’mod ġenerali, ir-rikorrenti fehmet sew l-għan tas-sejħa għal offerti, iżda l-approċċ li pproponiet ma kienx preċiż biżżejjed jew dettaljat biżżejjed.
91 It-tielet nett, għal dak li jirrigwarda l-“garanzija tal-kwalità”, il-“kontroll tal-kwalità” u l-metodoloġija użata, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni li tgħid li l-għażla tagħha li tipproponi l-“metodoloġija XPR” imsemmija, jiġifieri metodoloġija bbażata fuq qafas ta’ żvilupp ta’ servizz tal-internet, ma tikkorrispondix mal-mod kif inhu deskritt il-lott Nru 1 fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. F’dan ir-rigward, hija tirreferi għal diversi punti tal-offerta tagħha [punti 3.4.2 sa 3.4.6, p. 837 sa 842, punti 2 sa 4, p. 1 sa 33 (p. 495 sa 526), u punt V, p. V-1 sa V-77 (p. 534 sa 610)] li fihom hija tispeċifika l-metodoloġija segwita għall-“garanzija tal-kwalità” u għall-“kontroll tal-kwalità” fir-rigward tax-xogħol ta’ editjar. Hija tenfasizza wkoll li l-“metodoloġija XPR” tissemma’ biss fil-parti introduttiva tal-offerta tagħha, li tipprovdi stampa ġenerali tal-“filosofija ġenerali” tal-offerent fir-rigward tal-kwalità (p. 836 tal-offerta).
92 Quddiem il-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni ssostni, ġustament, li d-deskrizzjoni tal-prinċipji ta’ “garanzija tal-kwalità” kienet ġenerika u li l-punti li għalihom irreferiet ir-rikorrenti ma kinux jikkorrispondu b’mod sodisfaċenti għar-rekwiżiti tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt “WP 1.1 biċċa xogħol 4”, bit-titolu “It-twettiq tal-garanzija tal-kwalità u tal-kontroll tal-kwalità fuq il-kontenut maħluq, aġġornat u rċevut qabel il-pubblikazzjoni tiegħu fil-portal”. Fil-fatt, għandu jiġi kkonstatat li sempliċi qari tal-paġni tal-offerta, li għalihom tirreferi r-rikorrenti, jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkonkludiet li l-informazzjoni inkluża f’dawn il-paġni hija ġenerika. F’dan ir-rigward, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrenti rreferiet sempliċiment b’mod ġenerali għad-diversi punti tal-offerta tagħha iċċitati iktar ’il fuq, iżda ma ppreżentatx argumenti konkreti li juru l-eżistenza ta’ żball manifest li jista’ jivvizzja l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni fuq dan il-punt.
93 Barra minn hekk, fir-rigward tal-affermazzjoni tar-rikorrenti li l-Kummissjoni ma fehmitx li l-metodoloġija “XPR” kienet ippreżentata f’taqsima introduttiva li kienet tipprovdi stampa ġenerali tal-“filosofija ġenerali” tal-offerent fir-rigward tal-“kontroll tal-kwalità” u ma kinitx marbuta direttament mal-aspetti editorjali tax-xogħol għal-lott Nru 1, din ma tqajjimx dubji dwar in-natura ġenerika tal-offerta fuq il-livell tal-“kontroll tal-kwalità”. Ir-rikorrenti lanqas ma wriet li l-Kummissjoni kienet kisret il-kriterju ta’ għoti kwalitattiv Nru 1 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt f’dan ir-rigward. Għall-kuntrarju, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni setgħet leġittimament tibbaża ruħha fuq il-livell ta’ preċiżjoni tal-offerta tar-rikorrenti, ħaġa li tikkostitwixxi element essenzjali għall-evalwazzjoni tal-kwalità tal-imsemmija offerta.
94 Ir-raba’ nett, ir-rikorrenti tikkontesta l-allegazzjoni li ma wrietx b’mod ċar jekk it-traduzzjonijiet kinux se jsiru permezz ta’ lingwi intermedjarji magħrufa bħala “pivot languages” jew jekk kinux se jsiru direttament. Hija ssotni li ma kellhiex għalfejn tittratta l-kwistjoni tal-użu ta’ “pivot languages” meta ppreżentat l-offerta, iżda li din il-kwistjoni kellha tiġi eżaminata waqt li jkun għaddej il-proġett. Hija tenfasizza li, fi kwalunkwe każ, it-tradutturi huma persuni li l-lingwa materna tagħhom hija dik li fiha jrid jiġi tradott it-test, u li l-offerta kienet tindika li t-traduzzjonijiet diretti kienu “ppreferuti”.
95 Madankollu, il-Qorti Ġenerali tirrileva li l-Kummissjoni kienet ikkonstatat, fl-ittra tad-29 ta’ Mejju 2007, l-eżistenza ta’ ambigwità, jekk mhux saħansitra kontradizzjoni, fl-offerta tar-rikorrenti, peress li din kienet indikat, fil-paġna 873 tal-offerta tagħha, li t-tradutturi kienu ser jaħdmu fil-lingwa materna tagħhom filwaqt li, fil-paġna 644 tal-istess offerta, ġie rrilevat li “it-traduzzjonijiet diretti huma ppreferuti, għalkemm it-traduzzjonijiet indiretti ser ikunu inevitabbli”. L-argumentazzjoni magħmula mir-rikorrenti quddiem il-Qorti Ġenerali bl-ebda mod ma tqajjem dubji dwar din il-konstatazzjoni tal-Kummissjoni. Fil-fatt, ma ġiex iddeterminat b’mod ċar, fl-offerta tar-rikorrenti, dak li din riedet tfisser bir-riferiment għal tradutturi li kienu ser jaħdmu fil-lingwa materna tagħhom. Kien biss quddiem il-Qorti Ġenerali li r-rikorrenti speċifikat li dan ir-riferiment kellu jinftiehem fis-sens li t-tradutturi inkwistjoni kienu ser jittraduċu fil-lingwa materna tagħhom, jew mit-test oriġinali jew, skont il-każ, mit-traduzzjoni ta’ dan it-test f’“pivot language”. Fid-dawl tan-natura ambigwa, jekk mhux saħansitra kontradittorja, tal-kliem użat fl-offerta tar-rikorrenti fir-rigward ta’ din il-kwistjoni, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta rrilevat li ma kienx ġie speċifikat b’mod ċar “jekk il-[pivot languages] kinux ser jintużaw fit-traduzzjonijiet jew jekk dawn kinux ser isiru b’mod dirett peress li l-idea ma hijiex żviluppata fl-offerta”.
96 Fid-dawl ta’ dak li ntqal, il-Kummissjoni ma wettqet l-ebda żball manifest meta evalwat l-offerta fid-dawl tal-kriterju ta’ għoti kwalitattiv Nru 1.
Għal dak li jirrigwarda l-kriterju ta’ għoti kwalitattiv Nru 2, intitolat “Kwalità u kompletezza tal-abbozz tal-PMQP u, b’mod partikolari, tal-proċeduri proposti fir-rigward tal-“garanzija tal-kwalità” u tal-“kontroll tal-kwalità”
97 Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-offerta tar-rikorrenti ngħatat 7 punti minn 10 għall-kriterju ta’ għoti kwlitattiv Nru 2. Dawn il-punti ġew iġġustifikati mill-fatt li l-abbozz tal-PMQP inkluż fl-offerta kien komplet fir-rigward tal-istruttura tiegħu iżda l-offerta ma kinitx ippersonalizzata biżżejjed u l-ħardwer u s-softwer tal-offerta ta’ servizzi msemmija mir-rikorrenti ma kinux adattati għal xogħol ta’ editjar (lott Nru 1).
98 Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ssostni li l-indikazzjoni tal-ħardwer u s-softwer fil-PMQP tirrispetta l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Fil-fehma tagħha, fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, l-offerenti ġew mistiedna jippreżentaw il-PMQP billi jindikaw b’mod partikolari “l-oġġetti li jistgħu jiġu kkonsenjati u d-dokumentazzjoni” (kemm jekk huma prodotti, materjal, apparat, softwer, rapporti, għodda ta’ monitoraġġ, […])”.
99 Madankollu, hekk kif sostniet il-Kummissjoni, id-deskrizzjoni tal-PMQP fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt hija l-istess għat-tliet lottijiet. Huwa raġonevoli li jiġi ammess li, għalkemm l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jelenkaw diversi oġġetti possibbli li jistgħu jiġu kkonsenjati, xorta jibqa’ l-fatt li n-natura xierqa ta’ dawn l-oġġetti li jistgħu jiġu kkonsenjati tiddependi minn kull lott ikkonċernat mill-offerta.
100 B’hekk il-Kummissjoni kellha raġun tirrileva, fl-ittra tad-29 ta’ Mejju 2007, li “[huwa mistenni] iktar adattament tal-PMPQ, peress li jibqa’ jsemmi l-apparat u s-softwer li għandhom jiġu kkonsenjati (ara pereżemplu l-paġna 933 tal-‘Handover file’), li huma irrilevanti għal-lott Nru 1”.
101 Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li ġiet akkużata żbaljatament li ma żviluppatx id-deskrizzjoni tax-xogħlijiet, iżda sempliċiment ikkuppjathom mill-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Hija fil-fatt issostni li, għal dak li jikkonċerna l-abbozz tal-PMQP, hija użat metodoloġija ttestjata u mudell segwit fil-kuntest tal-kollaborazzjoni tagħha mal-Kummissjoni billi l-kundizzjonijiet speċifiċi tal-kuntratti korrispondenti ma kinux magħrufa fil-mument tal-abbozzar tal-offerta.
102 Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, fil-punt 4.3.8.3 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, il-PMQP huwa ddefinit bħala l-ewwel oġġett tal-abbozz li jista’ jiġi kkonsenjat u bħala li huwa speċifiku għal kull abbozz. Għalhekk, ma jidhirx li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li r-rikorrenti ma kinitx żviluppat id-deskrizzjoni tax-xogħlijiet.
103 Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsdirat li l-Kummissjoni ma wettqitx żball manifest ta’ evalwazzjoni meta evalwat l-offerta tar-rikorrenti fid-dawl tal-kriterju kwalitattiv tal-għoti Nru 2 għal-lot Nru 1.
Għal dak li jirrigwarda l-kriterju ta’ għoti kwalitattiv Nru 3, intitolat “Kwalità tal-pjanifikazzjoni tal-proġett propost u tal-allokazzjoni ta’ riżorsi proposta sabiex jiġu eżegwiti x-xogħlijiet kollha tax-xenarju 1”
104 Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-offerta tar-rikorrenti kisbet 21.667 punt minn massimu ta’ 30 għall-kriterju kwalitattiv Nru 3. Fl-ittra tad‑29 ta’ Mejju 2007, il-Kummissjoni rrilevat li l-approċċ rigwardanti t-twettiq tax-xogħlijiet marbuta max-xenarju 1 ma kienx dettaljat ħafna u li, fir-rigward tal-“kontroll tal-kwalità” tal-kontenut irċevut mil-Litwanja, it-tip ta’ kontroll li kellu jitwettaq u l-linji gwida editorjali li fid-dawl tagħhom kellu jitwettaq dan il-kontroll ma kinux indikati kjarament fl-offerta. Barra minn hekk, fl-ittra tad-29 ta’ Mejju 2007, ġie indikat li t-terminu ta’ 6 xhur previst għall-għoti tar-rapport finali kien korrett u li għaldaqstant, l-indikazzjoni ta’ 52 ġurnata għal dan l-istess terminu probabbilment kien dovut biss għal żball dattilografiku.
105 Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-allegazzjoni li l-approċċ tagħha rigwardanti l-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet marbuta max-xenarju 1 ma kienx dettaljat ħafna. Hija ssostni wkoll li l-kumment li jgħid li, fir-rigward tal-kontrolli tal-kwalità meħtieġa fuq il-kontenut riċevut mil-Litwanja, ir-riferiment għal-linji gwida editorjali ma kienx ċar u t-tip ta’ “kontroll tal-kwalità” magħmul ma kienx indikat huwa inġustifikat. Hija tikkunsidra li mxiet strettament mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti ssostni li dawn kienu jindikaw li l-offerenti kellhom jippreżentaw offerta ġenerali li tiddeskrivi soluzzjoni għax-“xenarju 1” flimkien ma’ dokument ta’ mhux iktar minn erba’ paġni li jissuġġerixxi d-diversi xogħlijiet previsti kif ukoll l-approċċ adottat għal kull biċċa xogħol kif ukoll deskrizzjoni qasira tal-imsemmi approċċ. Ġie speċifikat li kienet ser tingħata attenzjoni partikolari lill-oġġetti finali li jistgħu jiġu kkonsenjati. Hija tiddeduċi minn dan li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt ma kinux jeżiġu “spjegazzjonijiet dettaljati ħafna”. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tqis li ppreżentat l-approċċ tagħha għall-“ġestjoni tal-kwalità” u l-proċeduri ta’ kontroll f’diversi punti tal-offerta tagħha, b’mod partikolari fil-paġni 830 u 831 tagħha.
106 Madankollu, mill-osservazzjonijiet tar-rikorrenti ma jidhirx li l-Kummissjoni wettqet xi żball manifest. Fil-fatt, ir-rikorrenti rreferiet għal siltiet oħrajn mill-offerta, b’mod partikolari fil-paġni 830 u 831 tagħha, sabiex turi li mxiet b’mod konformi mal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Madankollu, hija ma ppreżentat ebda prova konkreta li tista’ tistabbilixxi l-eżistenza ta’ żball manifest li jivvizzja l-evalwazzjoni tal-Kummissjoni.
107 Hekk kif tenfasizza l-Kummissjoni, mill-evalwazzjoni tal-offerta tar-rikorrenti fid-dawl tal-kriterju ta’ għoti kwalitattiv Nru 1 jirriżulta li l-approċċ metodoloġiku propost għall-provvista ta’ servizzi marbutin max-xogħol ta’ editjar ġie kkunsidrat bħala ġeneriku. F’dawn iċ-ċirkustanzi, il-Kummissjoni setgħet raġonevolment tqis li n-natura ġenerika tal-imsemmi approċċ metodoloġiku propost għall-provvista ta’ servizzi marbutin max-xogħol ta’ editjar kienet riflessa fl-approċċ relattiv għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet marbutin max-xenarju 1. B’hekk, il-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta kkunsidrat li x-xenarju 1 ma kienx dettaljat ħafna fir-rigward tal-kriterju ta’ għoti kwalitattiv Nru 3.
108 Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ssostni li l-informazzjoni msemmija fl-offerta tagħha, li tgħid li l-indikazzjoni tat-terminu għall-għoti tar-rapport hija ta’ 52 ġurnata, hija vvizzjata minn żball dattilografiku li ma jmissux affettwa l-punteġġ mogħti għall-kriterju ta’ għoti kwalitattiv.
109 Madankollu, mid-Deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2007 jirriżulta li l-Kummissjoni ħadet nota tal-fatt li t-terminu ta’ 52 ġurnata msemmi kien x’aktarx dovut għal żball dattilografiku. Xejn ma jippermetti li jiġi konkluż li r-rikorrenti ġiet ippenalizzata għal din ir-raġuni. B’hekk, ma ntwera ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni fuq dan il-punt.
110 Għal dawn ir-raġunijiet kollha, l-ilment tar-rikorrenti li jirrigwarda żbalji manifesti allegatament imwettqa mill-Kummissjoni fl-evalwazzjoni tal-offerta tagħha fir-rigward tal-kriterju ta’ għoti kwalitattiv Nru 3 għandu jiġi miċħud.
Għal dak li jirrigwarda l-kriterju ta’ għoti kwalitattiv Nru 4, intitolat “kwalità tal-pjanifikazzjoni tal-proġett propost u tal-allokazzjoni ta’ riżorsi proposta sabiex jiġu eżegwiti x-xogħlijiet kollha tax-xenarju 2”
111 Qabel kollox, għandu jitfakkar li l-offerta tar-rikorrenti ngħatat 14-il punt minn 30 punt għall-kriterju ta’ għoti kwalitattiv Nru 4. Mid-deċiżjoni kkontestata jirriżulta li l-approċċ tar-rikorrenti fir-rigward tal-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet marbuta max-xenarju għall-“Work Package 1.2.” (iktar ’il quddiem ix-“xenarju 2”) ġie kkunsidrat bħala bażiku. Fid-deċiżjoni kkontestata hemm indikat ukoll li l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt jiddefinixxu l-“interrelazzjoni” bejn ix-xenarju għall-“Work Package 1.1.” (iktar ’il quddiem ix-“xenarju 1”) u x-xenarju 2, iżda li dan l-element ma huwiex rifless fl-offerta. Ġie enfasizzat, fid-deċiżjoni kkontestata, li r-rikorrenti tassumi b’mod żbaljat li d-dokumenti kollha ser jaslu f’mument partikolari, meta dan ma huwiex konsistenti max-xenarju 1 u ma jiħux inkunsiderazzjoni ż-żmien meħtieġ għat-traduzzjonijiet.
112 Għandu jiġi speċifikat li, skont l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt, ix-xenarju 1 huwa dak tax-xogħol ta’ editjar. Ix-xogħlijiet previsti għax-xenarju 1 jikkonsistu prinċipalment fl-ikkompletar, l-aġġornar u t-titjib ta’ diversi fact-sheets u ta’ sensiela ta’ linkijiet għall-kontenut tal-affarijiet fuq il-livell Ewropew (biċċa xogħol 1) u diversi fact-sheets u sensiela ta’ linkijiet mibgħuta mill-Istati Membri (biċċa xogħol 2). Għal dak li jirrigwarda x-xenarju 2, dan jikkorrispondi għax-xogħol ta’ traduzzjoni tal-kontenut deskritt fix-xenarju 1. Ix-xenarju 2 jipprovdi preċiżament għaż-żewġ biċċiet ta’ xogħol li ġejjin: it-traduzzjoni tad-diversi fact-sheets u tal-linkijiet deskritti fir-rigward, minn naħa, tal-kontenut tal-affarijiet fuq il-livell Ewropew u, min-naħa l-oħra, ta’ dawk mibgħuta mill-Istati Membri.
113 Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti tikkontesta l-evalwazzjoni li tgħid li t-tqassim strutturat tal-attivitajiet (timetable) kien ġeneriku. Hija ssostni li t-tqassim strutturat tax-xogħlijiet ta biss idea ġenerali tax-xogħlijiet li kellhom jitwettqu u li dawn kienu diġà ġew ippreżentati fid-dettall fil-punti 2 (p. 1047 u 1048) u 3 (p. 1049 u 1050) tal-offerta tagħha. Barra minn hekk, hija ssostni li l-imsemmija xogħlijiet ġew ippreżentati b’mod komplet fil-punt korrispondenti tad-dokument fuq l-approċċ metodoloġiku taħt il-kriterju ta’ għoti kwalitattiv Nru 1 (886 sa 890 tal-offerta).
114 Ma jidhirx li sar xi żball manifest fl-evalwazzjoni tal-offerta fir-rigward ta’ dan il-kriterju ta’ għoti kwalitattiv Nru 4. Fil-fatt, hekk kif tenfasizza l-Kummissjoni, l-offerta ġiet evalwata fid-dawl tal-kriterju ta’ għoti kwalitattiv Nru 4. B’hekk, l-evalwazzjoni ma tirrigwardax il-kontenut tax-xogħlijiet li għandhom isiru, iżda l-pjanifikazzjoni tagħhom. Ir-rikorrenti ma pproduċiet ebda prova li tista’ tikkonfuta l-fatt li l-informazzjoni dwar il-pjanifikazzjoni tax-xogħlijiet li għandhom isiru, li tinsab fl-offerta, kienet ġenerika.
115 Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tenfasizza li hija ma assumietx b’mod espliċitu, fl-offerta tagħha, li d-dokumenti kollha kienu ser jintbagħtu fl-istess ħin. Hija ssostni wkoll li t-terminu għall-preżentazzjoni tad-dokumenti ma kienx indikat fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.
116 Madankollu, il-Qorti Ġenerali tqis li, fid-dawl ta’ dak li huwa previst fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt (ara l-punt 112 iktar ’il fuq), ir-rikorrenti ma tistax effettivament tikkonfuta l-fatt li x-xenarju 1 jiddeskrivi l-kontenut li għandu jinħoloq jew jiġi aġġornat u li x-xenarju 2 jirrigwarda t-traduzzjoni ta’ dan il-kontenut. Ir-rabta bejn iż-żewġ xenarji hija evidenti u hija bbażata loġikament fuq il-ħtiġijiet tax-xenarju 2. B’hekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw il-mument meta ġie rċevut il-kontenut u ż-żmien meħtieġ għat-traduzzjoni tiegħu għandhom jiġu evalwati fil-kuntest tar-rabta bejn ix-xenarju 1 u x-xenarju 2.
117 Għandu jiġi kkonstatat li, fir-rigward tal-mument meta ġew riċevuti d-dokumenti, l-offerta tar-rikorrenti ma tagħmel ebda distinzjoni bejn iż-żewġ tipi ta’ kontenuti li kellhom jiġu tradotti (jiġifieri dawk definiti fil-biċċa xogħol 1, minn naħa, u dawk previsti fil-biċċa xogħol 2, min-naħa l-oħra).
118 F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni tenfasizza ġustament li, għall-kuntrarju ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, id-divrenzjar bejn iż-żewġ tipi ta’ kontenuti ma jirriżultax minn kriterju ta’ evalwazzjoni mhux magħruf, iżda tabilħaqq jikkostitwixxi rekwiżit li jinsab fil-punt 4.4.1.2 tal-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.
119 Għal dak li jirrigwarda ż-żmien meħtieġ għat-traduzzjoni tal-kontenuti, għandu jiġi kkonstatat li, hekk kif tenfasizza l-Kummissjoni, it-terminu għall-konsenja ta’ “T0 + 51 ġurnata tax-xogħol” indikat mir-rikorrenti fil-punt 2.3 tal-offerta tagħha (p. 1040) ma kienx konsistenti max-xenarju 1, fejn in-numru totali ta’ ġranet ta’ traduzzjoni previsti mir-rikorrenti huwa ta’ 55, jiġifieri 30 ġurnata għat-traduzzjoni tal-kontenut tal-livell Ewropew (“WU 4.1) u 25 ġurnata għat-traduzzjoni tal-kontenut provenjenti mill-Istati Membri (“WU 4.2”) (p. 1032).
120 Għaldaqstant, għandu jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni ma wettqet ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta evalwat l-offerta fid-dawl tal-kriterju ta’ għoti kwalitattiv Nru 4.
121 Mill-kunsiderazzjonijiet kollha magħmula iktar ’il fuq jirriżulta li ma twettaq ebda żball manifest ta’ evalwazzjoni meta l-offerta ġiet evalwata fid-dawl tal-erba’ kriterji ta’ għoti. Għaldaqstant, dan il-motiv għandu jiġi miċħud bħala infondat.
Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-obbligu ta’ trasparenza
122 Peress li r-rikors huwa fondat sa fejn jirrigwarda d-Deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2007, il-motiv ibbażat fuq ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-obbligu ta’ trasparenza għandu jkun eżaminat biss sa fejn jikkonċerna d-Deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2007.
L-argumenti tal-partijiet
123 Ir-rikorrenti ssostni li kien hemm ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-obbligu ta’ trasparenza.
124 Qabel kollox, ir-rikorrenti ssostni li kellhom jintbagħtulha kopja kompleta tar-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni kif ukoll kopja tal-offerta tal-offerent magħżul sabiex tkun tista’ tifhem id-Deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2007. F’dan ir-rigward, hija tosserva li kienet talbet espressament lill-Kummissjoni tibagħtilha dawn id-dokumenti u li dan ġie rrifjutat lilha. Imbagħad, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma eżaminatx l-offerta b’mod korrett billi rrifjutatha abbażi ta’ interpretazzjoni ħażina. Barra minn hekk, hija tqis li ma kinitx f’pożizzjoni li tkun taf bil-kriterji ta’ evalwazzjoni kollha li l-Kummissjoni applikat. Fl-aħħar nett, hija ssostni li l-Kummissjoni użat kriterji li ma kinux ġew speċifikati fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt.
125 Il-Kummissjoni tikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti u titlob li l-motiv jiġi miċħud.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
126 Għal dak li jirrigwarda l-ilmenti bbażati fuq il-ksur tal-obbligu ta’ trasparenza u tal-prinċipju ta’ trattament ugwali, dawn għandhom jiġu miċħuda.
127 Fl-ewwel lok, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun tinvoka l-fatt li ma ntbagħtulhiex ir-rapport tal-kumitat ta’ evalwazzjoni u kopja tal-offerta tal-offerent magħżul. Fil-fatt, l-obbligu ta’ motivazzjoni impost fuq il-Kummissjoni ma jinvolvix il-komunikazzjoni ta’ dawn id-dokumenti. L-Artikolu 100(2) tar-Regolament finanzjarju jipprovdi biss li l-awtorità kontraenti għandha tikkomunika, fuq talba bil-miktub, il-karatteristiċi u l-vantaġġi relattivi tal-offerta magħżula kif ukoll l-isem tal-offerent magħżul fi żmien ħmistax-il ġurnata minn meta tasal talba bil-miktub (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-12 ta’ Lulju 2007, Evropaïki Dynamiki vs Il-Kummissjoni, T‑250/05, mhux ippubblikata fil-Ġabra, punt 113; ara, b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tat-8 ta’ Mejju 1996, Adia interim vs Il-Kummissjoni, T‑19/95, Ġabra p. II‑321, punt 31).
128 Fit-tieni lok, ir-rikorrenti ma għandhiex raġun tallega li l-prinċipju ta’ trattament ugwali u l-obbligu ta’ trasparenza inkisru għar-raġuni li l-Kummissjoni ma eżaminatx l-offerta b’mod korrett billi rrifjutatha abbażi ta’ interpretazzjoni ħażina. Essenzjalment, din l-argumentazzjoni hija identika għal dik żviluppata mir-rikorrenti fil-kuntest tal-motiv ibbażat fuq l-allegati żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni tal-Kummissjoni u ma hijiex rilevanti fil-kuntest ta’ dan il-motiv. Ir-rikorrenti ma tinvoka ebda diskriminazzjoni, bħala tali, fir-rigward tagħha, u dan fl-ebda stadju tal-proċedura. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni invokat diversi raġunijiet oġġettivi li jiġġustifikaw l-għażla tagħha li ma tagħtix il-kuntratt lir-rikorrenti.
129 Barra minn hekk, l-argument tar-rikorrenti li hija ma kinitx f’pożizzjoni li tkun taf bil-kriterji ta’ evalwazzjoni kollha huwa invokat b’mod ġenerali u mhux preċiż. Minbarra dan, mis-silta mir-rapport ta’ evalwazzjoni annessa mal-ittra tal-Kummissjoni tad-29 ta’ Mejju 2007 jirriżulta li l-offerta tar-rikorrenti ġiet evalwata biss fid-dawl tal-kriterji ta’ għoti kwalitattivi msemmija fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt. Konsegwentement, dan l-argument għandu jiġi miċħud.
130 Fl-aħħar lok, għall-istess raġuni, anki l-argument tar-rikorrenti li jgħid li l-Kummissjoni użat kriterji li ma kinux ġew speċifikati fl-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt għandu jiġi miċħud.
131 Peress li l-ebda wieħed mill-motivi tar-rikorrenti ma huwa fondat, dan ir-rikors għandu jiġi miċħud inkwantu jirrigwarda l-annullament tad-Deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2007 li tirrifjuta l-offerta ppreżentata mir-rikorrenti fir-rigward tal-lott Nru 1 u li tagħti l-kuntratt lil offerent ieħor.
2. Fuq it-talba għad-danni
L-argumenti tal-partijiet
132 Ir-rikorrenti titlob li l-Kummissjoni tiġi kkundannata tħallasha kumpens fl-ammont ta’ EUR 750 000 għad-danni kkawżati mid-Deċiżjoni tal‑21 ta’ Mejju 2007 u fl-ammont ta’ EUR 400 000 għad-danni kkawżati mid-Deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2007. F’dan ir-rigward, hija tibbaża ruħha fuq l-Artikoli 235 KE u 288 KE.
133 Minn naħa, ir-rikorrenti ssostni li l-ammonti mitluba jikkorrispondu għall-profitt li kienet tagħmel miż-żewġ kuntratti li kieku ngħatawlha. Min-naħa l-oħra, hija ssostni li wriet, fil-kuntest tat-talba għal annullament, li l-Kummissjoni wettqet ksur gravi u suffiċjentement serju ta’ regola ta’ dritt superjuri li tipproteġi lill-individwi.
134 Prinċipalment, il-Kummissjoni titlob li r-rikors għad-danni mhux kuntrattwali jiġi ddikjarat inammissibbli u, sussidjarjament, li r-rikors jiġi miċħud bħala manifestament infondat.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
135 B’mod preliminari, għandha tiġi speċifikata l-portata tad-danni allegati mir-rikorrenti fl-atti ppreżentati minnha. Ir-rikorrenti tinvoka fl-ewwel lok bħala kap ta’ danni t-telf tal-kuntratti qafas. Hija mbagħad tirreferi, fil-punt 99 tar-rikors, għal kunsiderazzjonijiet li jinsabu fis-sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta’ Marzu 2005, AFCon Management Consultants et vs Il‑Kummissjoni (T‑160/03, Ġabra p. II–981, punt 102), dwar il-kumpens għal danni korrispondenti għall-ispejjeż marbutin mal-proċedura ta’ sejħa għal offerti. Madankollu, hija enfasizzat b’mod ċar, fil-punt 52 tar-replika, li hija b’ebda mod ma kienet qed titlob danni għall-ispejjeż tagħha relattivi għall-parteċipazzjoni fil-proċedura ta’ sejħa għal offerti.
136 B’hekk, għandu jiġi kkunsidrat li l-uniku kap ta’ danni invokat mir-rikorrenti u li għalih hija titlob kumpens huwa t-telf tal-kuntratti qafas.
137 Skont ġurisprudenza stabbilita, ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Komunità, skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 288 KE, minħabba aġir illegali tal-istituzzjonijiet tagħha, hija suġġetta għall-eżistenza ta’ numru ta’ kundizzjonijiet, jiġifieri, l-illegalità tal-aġir li huma akkużati bih l-istituzzjonijiet, ir-realtà tad-danni u l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-aġir allegat u d-dannu invokat (sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tal-11 ta’ Lulju 1996, International Procurement Services vs Il‑Kummissjoni, T‑175/94, Ġabra p. II‑729, punt 44; tas-16 ta’ Ottubru 1996, Efisol vs Il‑Kummissjoni, T‑336/94, Ġabra p. II‑1343, punt 30, u tal-11 ta’ Lulju 1997, Oleifici Italiani vs Il‑Kummissjoni, T‑267/94, Ġabra p. II‑1239, punt 20). Ladarba waħda minn dawn il-kundizzjonijiet ma tkunx sodisfatta, ir-rikors għandu jiġi miċħud kollu kemm hu mingħajr ma jkun hemm bżonn li jiġu eżaminati l-kundizzjonijiet l-oħra (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-15 ta’ Settembru 1994, KYDEP vs Il‑Kunsill u Il‑Kummissjoni, C‑146/91, Ġabra p. I‑4199, punt 81).
138 Huwa fid-dawl ta’ dawn il-kunsiderazzjonijiet li għandu jiġi eżaminat jekk il-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni humiex sodisfatti.
139 Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-talba għad-danni allegatament subiti minħabba d-Deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2007, mill-kunsiderazzjonijiet dwar it-talba għal annullament jirriżulta li r-rikorrenti ma pproduċietx provi li juru aġir illegali min-naħa tal-Kummissjoni. Fil-fatt, l-argumenti kollha li r-rikorrenti invokat sabiex turi l-illegalità tad-Deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2007 ġew eżaminati u miċħuda.
140 Mill-ġurisprudenza ċċitata iktar ’il fuq (ara l-punt 137 iktar ’il fuq) jirriżulta li n-nuqqas ta’ waħda biss mill-kundizzjonijiet għar-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni huwa biżżejjed sabiex jiġi konkluż li l-imsemmija responsabbiltà ma teżistix.
141 Minn dan jirriżulta li t-talba għad-danni allegatament subiti minħabba d-Deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2007 għandha tiġi miċħuda bħala infondata, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni dwar l-ammissibbiltà tagħha.
142 Fit-tieni lok, għandha tiġi eżaminata t-talba għal danni bbażata fuq ir-responsabbiltà mhux kuntrattwali tal-Kummissjoni wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2007.
143 F’dan ir-rigward, għandu jiġi kkonstatat li t-talba għad-danni hija bbażata fuq l-istess motivi bħal dawk invokati insostenn tat-talba għall-annullament tad-Deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2007. Diġà ġie rrilevat, fil-kuntest tal-eżami ta’ din it-talba, li d-Deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2007 hija vvizzjata minn nuqqas ta’ motivazzjoni u għandha tiġi annullata għal dan il-motiv.
144 Madankollu, għandu jiġi kkonstatat li, għalkemm il-Kummissjoni ma mmotivatx biżżejjed id-Deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2007, dan la jfisser li l-għoti tal-kuntratt lill-offerent magħżul jikkostitwixxi żball u lanqas li teżisti rabta kawżali bejn dan il-fatt u t-telf invokat mir-rikorrenti (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali, tal-25 ta’ Frar 2003, Renco vs Il‑Kunsill, T‑4/01, Ġabra p. II‑171, punt 89). Fil-fatt, xejn ma jippermetti li jiġi kkunsidrat li l-Kummissjoni kienet tagħti l-kuntratt inkwistjoni lir-rikorrenti li kieku d-Deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2007 kienet immotivata biżżejjed.
145 Minn dan jirriżulta li t-talba għad-danni allegatament subiti minħabba d-Deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2007 għandha, sa fejn hija bbażata fuq in-nuqqas ta’ motivazzjoni ta’ din l-istess deċiżjoni, tiġi miċħuda bħala infondata, mingħajr ma hemm bżonn li tingħata deċiżjoni fuq l-ammissibbiltà.
146 Sa fejn din l-istess talba hija bbażata fuq il-motivi l-oħra, li ma ġewx eżaminati fil-kuntest tat-talba għal annullament, din hija prematura u għandha tiġi miċħuda għal din ir-raġuni (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi tal-Qorti Ġenerali, tat-18 ta’ Mejju 1995, Wafer Zoo vs Il‑Kummissjoni, T‑478/93, Ġabra p. II‑1479, punti 49 u 50, u tal-15 ta’ Diċembru 1999, Latino vs Il‑Kummissjoni, T‑300/97, Ġabra SP p. I‑A‑259 u II‑1263, punti 95 u 101). Fil-fatt, fin-nuqqas ta’ motivazzjoni tad-Deċiżjoni tat‑13 ta’ Lulju 2007, il-Qorti Ġenerali ma hijiex f’pożizzjoni teżamina jekk din tirriżultax minn żball manifest ta’ evalwazzjoni jew minn ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-obbligu ta’ trasparenza, kif issostni r-rikorrenti. Talba għal annullament ibbażata fuq dawn il-motivi tista’, fejn ikun il-każ, tiġi eżaminata biss fid-dawl tal-motivi tad-Deċiżjoni li tissostitwixxi d-Deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2007, wara li din tiġi annullata mill-Qorti Ġenerali.
147 Minn dan isegwi li t-talba għad-danni għandha tiġi miċħuda kollha kemm hi.
148 Mingħajr ma hemm għalfejn tingħata deċiżjoni fuq l-eċċezzjoni ta’ inammissibbiltà mqajma mill-Kummissjoni kontra r-rapport ta’ verifika finanzjarja ppreżentat mir-rikorrenti fis-seduta u fuq ir-rilevanza ta’ dan id-dokument kif ukoll fuq dik ta’ posta elettronika mibgħuta mill-Kummissjoni lir-rikorrenti u ta’ dokument li fih sejħa għal offerti oħra li wkoll ġew ippreżentati mir-rikorrenti matul is-seduta, għandu jiġi kkonstatat li minn dak kollu li ntqal jirriżulta li dawn id-dokumenti huma irrilevanti għall-eżitu tal-kawża. L-imsemmija dokumenti b’hekk ma tteħdux inkunsiderazzjoni mill-Qorti Ġenerali għall-finijiet ta’ din is-sentenza (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-29 ta’ Ottubru 1998, TEAM vs Il‑Kummissjoni, T‑13/96, Ġabra p. II‑4073, punt 79).
Fuq l-ispejjeż
149 Skont l-Artikolu 87(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti Ġenerali, jekk il-partijiet ikunu telliefa rispettivament fuq kap jew aktar tat-talbiet tagħhom il-Qorti tista’ tiddeċiedi li taqsam l-ispejjeż jew tiddeċiedi li kull parti tbati l-ispejjeż tagħha.
150 Peress li r-rikors ntlaqa’ parzjalment, iċ-ċirkustanzi tal-kawża jiġu evalwati b’mod ġust jekk jiġi deċiż li r-rikorrenti għandha tbati 50 % tal-ispejjeż tagħha u 50 % tal-ispejjeż tal-Kummissjoni, u din tal-aħħar għandha tbati 50 % tal-ispejjeż tagħha u 50 % tal-ispejjeż tar-rikorrenti.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI ĠENERALI (Il-Ħames Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta’ Lulju 2007, li tiċħad l-offerta magħmula minn Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE fil-kuntest tas-sejħa għal offerti ENTR/05/78, għal-lott Nru 2 (ġestjoni tal-infrastruttura), għall-ġestjoni u l-manutenzjoni tal-portal “L-Ewropa tiegħek”, u li tagħti dan il-kuntratt lil offerent ieħor, hija annullata.
2) Il-bqija tat-talba għal annullament hija miċħuda.
3) It-talba għad-danni hija miċħuda.
4) Evropaïki Dynamiki – Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis għandha tbati 50 % tal-ispejjeż tagħha u 50 % tal-ispejjeż tal-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li din tal-aħħar għandha tbati 50 % tal-ispejjeż tagħha u 50 % tal-ispejjeż ta’ Evropaïki Dynamiki - Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis.
Vilaras
Prek
Ciucă
Mogħtija f’qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fid-9 ta’ Settembru 2010.
Firem
Werrej
Il-kuntest ġuridiku
1. Ir-Regolament finanzjarju u r-Regoli għall-implementazzjoni
2. L-avviż ta’ kuntratt u l-ispeċifikazzjonijiet tal-kuntratt
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1. Għal dak li jirrigwarda l-lott Nru 1
2. Għal dak li jirrigwarda l-lott Nru 2
Il-proċedura u t-talbiet tal-partijiet
Id-dritt
1. Fuq it-talba għal annullament
Fuq il-motiv ibbażat fuq ksur tal-obbligu ta’ motivazzjoni
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
– Fuq il-motivazzjoni li tinsab fid-Deċiżjoni tal-21 ta’ Mejju 2007 u fl-ittra tad-29 ta’ Mejju 2007 (lott Nru 1)
– Fuq il-motivazzjoni li tinsab fid-Deċiżjoni tat-13 ta’ Lulju 2007 u fl-ittra tas-16 ta’ Lulju 2007 (lott Nru 2)
Fuq il-motiv ibbażat fuq żbalji manifesti ta’ evalwazzjoni (lott Nru 1)
Għal dak li jirrigwarda l-kriterju ta’ għoti kwalitattiv Nru 1 intitolat “Għarfien tajjeb tax-xogħol li għandu jsir u rilevanza tal-metodoloġija proposta għall-eżekuzzjoni tax-xogħlijiet”
Għal dak li jirrigwarda l-kriterju ta’ għoti kwalitattiv Nru 2, intitolat “Kwalità u kompletezza tal-abbozz tal-PMQP u, b’mod partikolari, tal-proċeduri proposti fir-rigward tal-“garanzija tal-kwalità” u tal-“kontroll tal-kwalità”
Għal dak li jirrigwarda l-kriterju ta’ għoti kwalitattiv Nru 3, intitolat “Kwalità tal-pjanifikazzjoni tal-proġett propost u tal-allokazzjoni ta’ riżorsi proposta sabiex jiġu eżegwiti x-xogħlijiet kollha tax-xenarju 1”
Għal dak li jirrigwarda l-kriterju ta’ għoti kwalitattiv Nru 4, intitolat “kwalità tal-pjanifikazzjoni tal-proġett propost u tal-allokazzjoni ta’ riżorsi proposta sabiex jiġu eżegwiti x-xogħlijiet kollha tax-xenarju 2”
Fuq il-motiv ibbażat fuq il-ksur tal-prinċipju ta’ trattament ugwali u tal-obbligu ta’ trasparenza
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
2. Fuq it-talba għad-danni
L-argumenti tal-partijiet
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali
Fuq l-ispejjeż
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
Full & Egal Universal Law Academy