SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)
25 ta’ Marzu 2009 (*)
“Trade mark Komunitarja − Proċedimenti ta’ oppożizzjoni − Applikazzjoni għat-trade mark Komunitarja verbali ARCOL − Trade mark Komunitarja verbali preċedenti CAPOL – Eżekuzzjoni mill-UASI ta’ sentenza ta’ annullament ta’ deċiżjoni tal-Bordijiet tal-Appell tagħha – Raġuni relattiva għal rifjut – Nuqqas ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni – Drittijiet tad-difiża – Artikolu 8(1)(b), Artikolu 61(2), Artikolu 63(6), it-tieni sentenza tal-Artikolu 73 u Artikolu 74(2) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”
Fil-Kawża T‑402/07
Kaul GmbH, stabbilita f’Elmshorn (il-Ġermanja), irrappreżentata minn G. Würtenberger u R. Kunze, avukati,
rikorrenti,
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,
konvenut,
il-parti l-oħra għall-proċedura quddiem il-Bord tal-Appell tal-UASI kienet
Bayer AG, stabbilita f’Leverkusen (il-Ġermanja),
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tat-Tieni Bord tal-Appell tal-UASI tal-1 ta’ Awwissu 2007 (Każ R 782/2000‑2), dwar proċedimenti ta’ oppożizzjoni bejn Kaul GmbH u Bayer AG,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Il-Ħames Awla),
komposta minn M. Vilaras (Relatur), President, M. Prek u V. M. Ciucă, Imħallfin,
Reġistratur: N. Rosner, Amministratur,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-6 ta’ Novembru 2007,
wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-21 ta’ Frar 2008,
wara s-seduta tal-20 ta’ Novembru 2008,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Il-fatti li wasslu għall-kawża
1 Fit-3 ta’ April 1996, Atlantic Richfield Co. ippreżentat applikazzjoni għal trade mark Komunitarja quddiem l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-20 ta’ Diċembru 1993, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti: Kapitolu 17, Vol. 01, p. 146 ), kif emendat.
2 It trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni hija s-sinjal verbali ARCOL.
3 Il-prodotti li għalihom saret l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark jaqgħu fil-klassijiet 1, 17 u 20 fis-sens tal-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat. Fost il-prodotti li jaqgħu taħt il-klassi 1 koperti mill-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni, jidhru l-“prodotti kimiċi għall-ippreservar ta’ prodotti tal-ikel”.
4 Fl-20 ta’ Lulju 1998, l-applikazjoni għal trade mark ġiet ippubblikata fil-Bulettin tat-Trade marks Komunitarji.
5 Fl-20 ta’ Ottubru 1998, ir-rikorrenti Kaul GmbH ressqet oppożizzjoni, taħt l-Artikolu 42(1) tar-Regolament Nru 40/94, kontra r-reġistrazzjoni tat-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, f’dak li jirrigwarda l-“prodotti kimiċi għall-ippreservar ta’ prodotti tal-ikel” li jaqgħu taħt il-klassi 1. L-oppożizzjoni ġiet ibbażata fuq l-eżistenza ta’ trade mark Komunitarja preċedenti, irreġistrata fl-24 ta’ Frar 1998, taħt in-Nru 49106. Din it-trade mark preċedenti hija kkostitwita mis-sinjal verbali CAPOL u tkopri l-prodotti deskritti bħala “prodotti kimiċi għall-ippreservar ta’ prodotti tal-ikel, jiġifieri materja prima intiża għall-ippreservar ta’ prodotti tal-ikel lesti, b’mod partikolari l-ħelu”, li jaqgħu taħt il-klassi 1. Insostenn tal-oppożizzjoni tagħha, ir-rikorrenti tinvoka r-raġuni relattiva għal rifjut prevista mill-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.
6 Permezz ta’ deċiżjoni tat-30 ta’ Ġunju 2000, id-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni, minkejja li aċċettat li l-prodotti kienu identiċi, ċaħdet l-oppożizzjoni għaliex setgħet tiġi eskluża kull probabbiltà ta’ konfużjoni bejn is-sinjali inkwistjoni minħabba d-differenzi viżivi u fonetiċi bejniethom.
7 Permezz ta’ ittra tas-17 ta’ Lulju 2000, li waslet fl-24 ta’ Lulju 2000, l-UASI ġie informat minn Bayer (Bayer AG) bit-trasferiment, favur din il-kumpannija tal-aħħar, tal-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni tat-trade mark ARCOL, ippreżentata minn Atlantic Richfield Co. It-trasferiment ġie mdaħħal fir-reġistru tat-trade marks Komunitarji fis-17 ta’ Novembru 2000, b’mod konformi mal-Artikolu 17(5) u mal-Artikolu 24 tar-Regolament Nru 40/94.
8 Fl-24 ta’ Lulju 2000 ir-rikorrenti appellat mid-deċiżjoni tad-Diviżjoni ta’ Oppożizzjoni, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94.
9 Insostenn tal-appell tagħha, ir-rikorrenti sostniet fost l-oħrajn, kif kienet sostniet qabel quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li t-trade mark preċedenti kellha karattru distintiv għoli, b’tali mod li hija kellha, skont il-ġurisprudenza, tgawdi minn protezzjoni ogħla. F’dan ir-rigward, ir-rikorrenti madankollu affermat li tali karattru distintiv ħafna kien jirriżulta mhux biss min-nuqqas ta’ karattru deskrittiv tal-kelma “capol” għall-prodotti inkwistjoni, kif kienet diġà sostniet quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, iżda wkoll mill-fatt li l-imsemmija trade mark saret magħrufa sew permezz tal-użu. Sabiex issostni dan il-fatt, ir-rikorrenti ressqet, bħala anness man-noti ppreżentati quddiem il-Bord tal-Appell, dikjarazzjoni maħlufa mid-direttur ġenerali tagħha flimkien ma’ lista tal-klijenti tagħha.
10 Permezz ta’ deċiżjoni tal-4 ta’ Marzu 2002, li kienet innotifikata lir-rikorrenti fil-25 ta’ Marzu 2002 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni tal-2002”), it-Tielet Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad l-appell. Il-Bord tal-Appell, wara li kkonstata l-identiċità tal-prodotti koperti mit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u dik preċedenti u qabbel iż-żewġ sinjali kunfliġġenti fuq livell viżiv, fonetiku u kunċettwali, wettaq evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, u fil-kuntest tagħha huwa, b’mod partikolari, qies li ma setax jieħu inkunsiderazzjoni l-eventwali karattru distintiv għoli tat-trade mark preċedenti li huwa marbut mal-fatt li hija magħrufa sew, peress li tali element u l-provi msemmija iktar ’il fuq intiżi sabiex isostnuh ġew invokati għall-ewwel darba insostenn tal-appell ippreżentat quddiemu.
11 Fl-24 ta’ Mejju 2002, ir-rikorrenti ppreżentat quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza rikors kontra d-deċiżjoni tal-2002, irreġistrat taħt ir-referenza T-164/02. Insostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti invokat erba’ motivi, ibbażati fuq il-ksur, l-ewwel nett, tal-obbligu li jiġu eżaminati l-elementi mressqa minnha quddiem il-Bord tal-Appell, it-tieni nett, tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, it-tielet nett, tal-prinċipji ta’ dritt proċedurali ammessi fl-Istati Membri u tar-regoli tal-proċedura applikabbli quddiem l-UASI u, ir-raba’ nett, tal-obbligu ta’ motivazzjoni.
12 Permezz tas-sentenza tal-10 ta’ Novembru 2004, KAUL vs UASI ? Bayer (ARCOL) (T-164/02, Ġabra p. II-3807), il-Qorti tal-Prim’Istanza laqgħet l-ewwel motiv u annullat id-deċiżjoni tal-2002, mingħajr ma ddeċidiet fuq il-motivi l-oħra tar-rikors. Essenzjalment, il-Qorti tal-Prim’Istanza kkunsidrat li l-Bord tal-Appell kien, permezz tad-deċiżjoni tal-2002, kiser l-Artikolu 74 tar-Regolament Nru 40/94, billi rrifjuta li jeżamina l-elementi ta’ fatt prodotti mir-rikorrenti għall-ewwel darba quddiemu sabiex turi l-karattru distintiv għoli tat-trade mark preċedenti li jirriżulta mill-użu, allegat mir-rikorrenti, ta’ din it-trade mark fuq is-suq.
13 Fil-25 ta’ Jannar 2005, l-UASI ppreżenta appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja kontra s-sentenza ARCOL, punt 12 iktar ’il fuq. B’sentenza tat-13 ta’ Marzu 2007, UASI vs Kaul (C 29/05 P, Ġabra p. I-2213), il-Qorti tal-Ġustizzja laqgħet l-appell u annullat is-sentenza ARCOL, punt 12 iktar ’il fuq. Billi ddeċidiet, imbagħad, hija nfisha definittivament fuq il-kawża, il-Qorti tal-Ġustizzja annullat id-deċiżjoni tal-2002.
14 Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li t-Tielet Bord tal-Appell irrifjuta, fid-deċiżjoni tal-2002, li jieħu inkunsiderazzjoni l-fatti u l-provi ppreżentati mir-rikorrenti insostenn tal-appell tagħha billi essenzjalment qies li tali teħid inkunsiderazzjoni kien eskluż ex officio ladarba dawn il-fatti u provi ma kinux ġew preċedentement ippreżentati quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni fit-termini stabbiliti minn din tal-aħħar. Skont il-Qorti tal-Prim’Istanza, din it-teżi tikser l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 li jagħti lill-Bord tal-Appell, li quddiemu jiġu ppreżentati fatti jew provi tard b’dan il-mod, setgħa diskrezzjonali sabiex jiddeċiedi jekk hemmx lok jew le li jieħu inkunsiderazzjoni dawn tal-aħħar sabiex jadotta d-deċiżjoni li huwa mitlub jagħti. Peress li, minflok eżerċita s-setgħa diskrezzjonali li huwa għandu b’dan il-mod, il-Bord tal-Appell qies, b’mod żbaljat, li huwa ma kellu l-ebda setgħa diskrezzjonali sabiex eventwalment jieħu inkunsiderazzjoni l-fatti u l-provi inkwistjoni, il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-deċiżjoni tal-2002 kellha tiġi annullata (sentenza UASI vs Kaul, punt 13 iktar ’il fuq, punti 67 sa 70).
15 B’deċiżjoni tad-19 ta’ Ġunju 2007, ikkomunikata lill-partijiet fil-proċedimenti quddiem l-UASI fit-22 ta’ Ġunju sussegwenti, il-Presidju tal-Bordijiet tal-Appell irrinvija l-kawża quddiem it-Tieni Bord tal-Appell.
16 B’deċiżjoni tal-1 ta’ Awwissu 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), innotifikata lir-rikorrenti fis-6 ta’ Settembru 2007, it-Tieni Bord tal-Appell ċaħad l-appell tar-rikorrenti u kkonferma d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni li ċaħdet l-oppożizzjoni. Essenzjalment, it-Tieni Bord tal-Appell, wara li kkunsidra li t-trade marks kunfliġġenti ma setgħu, bl-ebda mod, jiġu kkunsidrati bħala simili mill-pubbliku rilevanti kompost minn prodotturi ta’ prodotti tal-ikel u tal-ħelu, wasal għall-konklużjoni li waħda mill-kundizzjonijiet neċessarji għall-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 ma ġietx sodisfatta u li d-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni ġustament ċaħdet l-oppożizzjoni. Fid-dawl ta’ din il-konklużjoni, it-Tieni Bord tal-Appell qies li l-fatti u l-provi mressqa għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell mir-rikorrenti insostenn tal-allegazzjoni tagħha li t-trade mark preċedenti kisbet karattru distintiv għoli li jirriżulta mill-użu tagħha fuq is-suq hija bla rilevanza, peress li tali allegazzjoni, anki jekk jitqies li ġiet stabblita, ma jista’ ikollha l-ebda impatt fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 fil-kawża preżenti.
It-talbiet tal-partijiet
17 Ir-rikorrenti titlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:
– tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
– tilqa’ l-oppożizzjoni;
– tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż.
18 L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex:
– – tiċħad ir-rikors;
– – tikkundanna lir-rikorrenti għall-ispejjeż.
Id-dritt
Fuq l-ewwel motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 63(6) u tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94
19 Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell injora d-dispożittiv u l-motivi tas-sentenza UASI vs Kaul, punt 13 iktar ’il fuq, sa fejn huwa ma eżerċitax, jew eżerċita b’mod inkorrett, is-setgħa diskrezzjonali tiegħu, li tirriżulta mill-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, għall-finijiet ta’ kunsiderazzjoni eventwali tal-fatti u tal-provi li hija invokat għall-ewwel darba quddiemu. Skont ir-rikorrenti, kieku l-Bord tal-Appell applika b’mod korrett l-indikazzjonijiet ipprovduti mill-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza, huwa kellu jiddeċiedi favuriha.
20 L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
21 Skont ġurisprudenza kostanti, sentenza ta’ annullament, bħas-sentenza UASI vs Kaul, punt 13 iktar ’il fuq, li topera ex tunc u għalhekk ikollha l-effett li telimina b’mod retroattiv l-att annullat mis-sistema legali, (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ April 1988, Asteris et vs Il-Kummissjoni, 97/86, 99/86, 193/86 u 215/86, Ġabra p. 2181, punt 30; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-13 ta’ Diċembru 1995, Exporteurs in Levende Varkens et vs Il-Kummissjoni, T-481/93 u T 484/93, Ġabra p. II-2941, punt 46, u tal-10 ta’ Ottubru 2001, Corus UK vs Il-Kummissjoni, T-171/99, Ġabra p. II-2967, punt 50).
22 Jirriżulta mill-istess ġurisprudenza li, sabiex tikkonforma mas-sentenza ta’ annullament u sabiex din tingħata eżekuzzjoni sħiħa, l-istituzzjoni li tkun l-awtur tal-att annullat għandha tosserva mhux biss id-dispożittiv tas-sentenza, iżda wkoll il-motivi li wasslu għal tali sentenza u li jikkostitwixxu l-bażi meħtieġa tagħha, fis-sens li huma indispensabbli sabiex tiġi ddeterminata t-tifsira eżatta ta’ dak li ġie deċiż fid-dispożittiv. Fil-fatt, huma dawn il-motivi li, minn naħa, jidentifikaw id-dispożizzjoni eżatta kkunsidrata bħala illegali u, min-naħa l-oħra, juru r-raġunijiet eżatti tal-illegalità kkonstatata fid-dispożittiv u li l-istituzzjoni kkonċernata għandha tieħu inkunsiderazzjoni meta tiġi biex tissostitwixxi l-att annullat (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-13 ta’ Lulju 2000, Gómez de Enterría y Sanchezvs Il-Parlament, C 8/99 P, Ġabra p. I-6031, punti 19 u 20; ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Diċembru 2003, McAuley vs Il-Kunsill, T-324/02, ĠabraFP p. I-A 337 u II-1657, punt 56, u l-ġurisprudenza ċċitata).
23 Fil-kawża preżenti, wara l-annullament tad-deċiżjoni tal-2002, l-appell imressaq mir-rikorrenti quddiem il-Bord tal-Appell sar pendenti mill-ġdid. Sabiex jikkonforma mal-obbligu tiegħu, li jirriżulta mill-Artikolu 63(6) tar-Regolament Nru 40/94, li jadotta miżuri għall-eżekuzzjoni tas-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-UASI kellu jara li l-appell iwassal għal deċiżjoni ġdida ta’ Bord tal-Appell. Dan kien effettivament il-każ, peress li l-kawża ġiet irrinvjata quddiem it-Tieni Bord tal-Appell, li adotta d-deċiżjoni kkontestata.
24 Ir-rikorrenti ma tikkontestax il-legalità tar-rinviju tal-kawża quddiem it-Tieni Bord tal-Appell. Madankollu hija ssostni li dan sempliċement iddikjara li d-deċiżjoni tal-2002 kienet fondata u li l-fatti u l-provi li hija kienet ippreżentat għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell kienu irrilevanti u, għaldaqstant, inammissibbli, mingħajr ma eżerċita s-setgħa ta’ diskrezzjoni tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 sabiex jiddeċiedi kienx hemm lok jew le li jieħu inkunsiderazzjoni l-imsemmija fatti u provi.
25 Fid-dawl tal-eżami ta’ dan l-argument, għandu jiġi mfakkar li, skont l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, jekk issir oppożizzjoni mill-proprjetarju ta’ trade mark preċedenti, l-applikazzjoni għar-reġistrazzjoni ta’ trade mark ma tiġix milqugħa meta, “minħabba identiċità jew xebh mat-trade mark preċedenti jew l-identiċità jew xebh tal-prodotti jew servizzi koperti mit-trade marks, teżisti probabbiltà ta’ konfużjoni f’moħħ il-pubbliku fit-territorju fejn it-trade mark preċedenti hija protetta. Tali probabbiltà ta’ konfużjoni tinkludi wkoll il-probabbiltà li ssir assoċjazzjoni mat-trade mark preċedenti”.
26 Skont ġurisprudenza stabbilita, tikkostitwixxi probabbiltà ta’ konfużjoni l-probabbiltà li l-pubbliku jista’ jaħseb li l-prodotti jew is-servizzi inkwistjoni ġejjin mill-istess impriża jew minn impriżi marbuta ekonomikament. Minn din l-istess ġurisprudenza jirriżulta li l-probabbiltà ta’ konfużjoni għandha tiġi evalwata globalment, skont il-perċezzjoni li l-pubbliku rilevanti għandu tas-sinjali u tal-prodotti jew tas-servizzi inkwistjoni, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l‑interdipendenza bejn ix-xebh tas-sinjali u dak tal-prodotti jew servizzi koperti [digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-24 ta’ April 2007, Castellblanch vs UASI, C-131/06 P, Ġabra I-00063, punt 55; ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2003, Laboratorios RTBvs UASI – Giorgio Beverly Hills (GIORGIO BEVERLY HILLS), T-162/01, Ġabra p. II-2821, punti 30 sa 33, u l-ġurisprudenza ċċitata].
27 Barra minn hekk, iktar ma tkun distintiva t-trade mark preċedenti, iktar tkun għolja l-probabbiltà ta’ konfużjoni. B’hekk, it-trade marks li għandhom karattru distintiv għoli, intrinsikament jew minħabba li jkunu magħrufin fis-suq, igawdu minn protezzjoni iktar wiesgħa minn dawk li għandhom karattru distintiv iktar baxx. Il-karattru distintiv tat-trade mark preċedenti, u b’mod partikolari r-reputazzjoni tagħha, għandhom jittieħedu inkunsiderazzjoni meta jiġi evalwat jekk teżistix probabbiltà ta’ konfużjoni (ara s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta’ April 2008, Ferrero Deutschland vs UASI u Cornu, C-108/07 P, Ġabra I-00061, punti 32 u 33, u l-ġurisprudenza ċċitata).
28 Issa, minkejja li huwa minnu li skond il-prinċipju ta’ interdipendenza bejn il-fatturi kkunsidrati, u, b’mod partikolari, ix-xebh bejn it-trade marks u dak bejn il-prodotti jew servizzi koperti, livell baxx ta’ xebh bejn il-prodotti jew is-servizzi koperti jista’ jkun ikkumpensat minn livell għoli ta’ xebh u viċi-versa (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-15 ta’ Marzu 2007, T.I.M.E. ART vs UASI, C‑171/06 P, Ġabra I-00041, punt 35), il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li, għall-finijiet tal-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, probabbiltà ta’ konfużjoni tippreżupponi kemm identiċità jew xebh bejn it-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni u t-trade mark preċedenti kif ukoll identiċità jew xebh bejn il-prodotti jew servizzi koperti mill-applikazzjoni għal reġistrazzjoni u dawk li għalihom it-trade mark preċedenti kienet ġiet irreġistrata. Il-kundizzjonijiet huma kumulattivi (ara s-sentenza tat-12 ta’ Ottubru 2004, Vedial vs UASI, C-106/03 P, Ġabra p. I-9573, punt 51, u tat-13 ta’ Settembru 2007, Il Ponte Finanziaria vs UASI, C 234/06 P, Ġabra p. I -7333, punt 48).
29 Għaldaqstant, fil-każ fejn il-prodotti jew is-servizzi previsti mit-trade marks kunfliġġenti huma identiċi, jekk l-imsemmija trade marks, ikkunsidrati waħedhom, ma jippreżentawx il-livell minimu ta’ xebh meħtieġ sabiex tiġi stabbilità probabbiltà ta’ konfużjoni fuq il-bażi biss tal-karattru distintiv għoli tat-trade mark preċedenti, jew inkella tal-identiċità biss tal-prodotti u tas-servizzi koperti minn din tal-aħħar u ta’ dawk koperti mit-trade mark li għaliha saret l-applikazzjoni, l-oppożizzjoni għandha tiġi miċħuda, u dan ma jiġix prekluż mill-prinċipju ta’ interdependenza fil-kuntest tal-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza Il Ponte Finanziaria vs UASI, punt 28 iktar ’il fuq, punti 50 u 51).
30 Fil-kawża preżenti, fil-punti 30 sa 35 tad-deċiżjoni tal-2002, it-Tielet Bord tal-Appell wettaq evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni u kkonkluda li, “minkejja l-identiċità tal-prodotti, [b’kunsiderazzjoni tad-differenzi kunsiderevoli kkonstatati fuq livell viżiv u fonetiku bejn it-trade marks (dawn id-differenzi huma manifestament iktar importanti mix-xebh fuq livell viżiv u fonetiku li [r-rikorrenti] tinvoka l-eżistenza tagħhom), tal-karattru speċjalizzat ħafna tas-suq u tal-għarfien probabbli tal-konsumatur tipiku”, ma kienet teżisti l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti inkwistjoni.
31 Issa, kif jirriżulta mill-ġurisprudenza msemmija fil-punti 26 u 27 iktar ’il fuq, l-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn żewġ trade marks kunfliġġenti tinvolvi t-teħid inkunsiderazzjoni tal-fatturi rilevanti kollha tal-każ, fosthom l-eventwali karattru distintiv għoli tat-trade mark preċedenti. Peress li ddeċieda li jwettaq, fid-deċiżjoni tal-2002, evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni bejn it-trade marks kunfliġġenti, it-Tielet Bord tal-Appell kellu, kif jirriżulta mis-sentenza UASI vs Kaul, punt 13 iktar ’il fuq, punti 67 sa 70, jeżamina minn qabel l-ammissibbiltà tal-argumenti ġodda tar-rikorrenti rigward il-fatt li t-trade mark preċedenti kienet magħrufa sew, invokat minnha għall-ewwel darba fl-appell quddiem il-Bord tal-Appell, kif ukoll tal-provi li jsostnu dawn l-argumenti.
32 L-iżball ta’ liġi li wassal għall-annullament tad-deċiżjoni tal-2002 permezz tas-sentenza UASI vs Kaul, punt 13 iktar ’il fuq, twettaq mit-Tielet Bord tal-Appell preċiżament waqt dan l-eżami minn qabel. Kif iddeċidiet il-Qorti tal-Ġustizzja f’din is-sentenza, it-Tielet Bord tal-Appell, minnflok ma eżerċita, għall-finijiet ta’ eventwali teħid inkunsiderazzjoni tal-fatti u tal-provi dwar il-fatt allegat mir-rikorrenti li t-trade mark preċedenti kienet magħrufa sew, is-setgħa diskrezzjonali li huwa għandu skont l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, huwa kkonkluda b’mod żbaljat, fil-punti 10 sa 12 tad-deċiżjoni tal-2002, li ma kellux tali setgħa, u dan wasslu sabiex iwarrab il-fatti u l-provi invokati mir-rikorrenti quddiemu għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni.
33 Issa, it-Tieni Bord tal-Appell, li quddiemu ġiet irrinvijata l-kawża wara l-annullament tad-deċiżjoni tal-2002, ċaħad, wara eżami mill-ġdid, l-appell tar-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, minħabba li t-trade mark preċedenti u dik li saret applikazzjoni għaliha ma setgħu bl-ebda mod jiġi kkunsidrati bħala identiċi jew simili mill-pubbliku rilevanti u għaldaqstant, probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, kienet eskluża f’dan il-każ (punti 26 sa 28 tad-deċiżjoni kkontestata).
34 Bla ħsara għall-eżami tal-konklużjoni tat-Tieni Bord tal-Appell rigward nuqqas ta’ kull xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti, konklużjoni li hija kkontestata mir-rikorrenti fil-kuntest tat-tielet motiv tagħha eżaminat iktar ’il quddiem, għandu jiġi kkonstatat li, billi ċaħad l-appell tar-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni u billi kkonferma din id-deċiżjoni minħabba l-fatt li t-trade marks kunfliġġenti la kienu identiċi u lanqas simili, it-Tieni Bord tal-Appell applika b’mod ġust il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 28 iktar ’il fuq u li għaliha jirreferi wkoll il-punt 26 tad-deċiżjoni kkontestata.
35 Barra minn hekk, u bil-kontra ta’ dak li tafferma r-rikorrenti, it-Tieni Bord tal-Appell ma llimitax ruħu, fid-deċiżjoni kkontestata, sabiex jiddikjara li d-deċiżjoni tal-2002 ma kien fiha ebda żball.
36 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat, qabel kollox, li t-Tieni Bord tal-Appell ikkunsidra, fil-punt 24 tad-deċiżjoni kkontestata, li biss il-motivi tad-deċiżjoni tal-2002, dwar it-tqabbil viżiv, fonetiku u kunċettwali tat-trade marks kunfliġġenti u rrepetuti fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, ma kienu vvizjati bl-ebda żball u setgħu, konsegwentement, isostnu l-konklużjoni, imsemmija fil-punti 25 sa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, li ma jeżisti l-ebda xebh bejn l-imsemmija trade marks.
37 Imbagħad, hemm lok li jiġi kkonstatat, li t-Tielet Bord tal-Appell ma kienx iddikjara, fid-deċiżjoni tal-2002, b’mod ċar u mhux ekwivoku tali konklużjoni, u dan huwa kkonfermat mill-fatt li huwa wettaq, fil-punti 30 sa 35 tal-istess deċiżjoni, evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, li ma kinitx tkun neċessarja, skont il-ġurisprudenza msemmija fil-punt 29 hawn fuq, kieku l-istess Bord tal-Appell kien ikkonkluda li t-trade marks inkwistjoni, mqabbla globalment, kienu differenti.
38 Bil-kontra, it-Tieni Bord tal-Appell iddikjara b’mod ċar, fil-punti 26 sa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, il-konklużjoni li t-trade marks kunfliġġenti la kienu identiċi u lanqas simili. Peress li, wara l-annullament tad-deċiżjoni tal-2002, it-Tieni Bord tal-Appell kellu jwettaq eżami mill-ġdid tal-appell tar-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, huwa kellu jerġa jeżamina wkoll in-natura identika jew simili taż-żewġ trade marks kunfliġġenti li permezz tagħha huwa seta’ jasal għall-konklużjoni tiegħu, indipendentement mill-pożizzjoni adottata mit-Tielet Bord tal-Appell.
39 It-Tieni Bord tal-Appell lanqas ma kien marbut, fuq dan il-punt, mid-dispożittiv u mill-motivi tas-sentenza UASI vs Kaul, punt 13 iktar ’il fuq, peress li, fl-imsemmija sentenza, il-Qorti tal-Ġustizzja ma tiħux pożizzjoni fuq in-natura simili jew le tat-trade marks kunfliġġenti. Din il-kwistjoni setgħet, fejn xieraq, tiġi eżaminata biss fil-kuntest ta’ motiv ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Issa, il-Qorti tal-Ġustizzja, bħalma għamlet ukoll il-Qorti tal-Prim’Istanza qabilha, laqgħet ir-rikors mingħajr ma eżaminat dan il-motiv.
40 Fid-dawl tal-konklużjoni tiegħu li t-trade marks kunfliġġenti ma kellhom l-ebda xebh, it-Tieni Bord tal-Appell qies, fil-punt 25 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-fatti u l-provi relattivi għall-allegat fatt li t-trade mark preċedenti kienet magħrufa sew, ippreżentati għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell quddiem il-Bord tal-Appell, “[ma kinux] rilevanti f’dak li jirrigwarda l-eżitu tal-oppożizzjoni, u għaldaqstant [kienu] inammissibbli, peress li, anki jekk il-fatti invokati kienu ġew ipprovati b’mod sħiħ, dan ma seta’ jkollu l-ebda impatt fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 8(1)(b) tar-[Regolament Nru 40/94] fil-kawża preżenti”.
41 Ir-rikorrenti ssostni li, b’tali rifjut ta’ teħid inkunsiderazzjoni tal-imsemmija fatti u provi, it-Tieni Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, kif interpretat mis-sentenza UASI vs Kaul, punt 13 iktar ’il fuq.
42 Issa, ir-rilevanza tal-fatti u tal-provi ppreżentati quddiem l-UASI mill-partijiet fi proċedimenti ta’ oppożizzjoni, wara l-iskadenza tat-termini stabbiliti għal dan il-għan, tikkostitwixxi wieħed mill-kriterji li l-UASI għandu jikkunsidra sabiex jiddeċiedi, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu skont l-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, jekk hemm lok jew le li jiġu kkunsidrati l-imsemmija fatti u provi (ara, f’dan is-sens, is-sentenza UASI vs Kaul, punt 13 iktar ’il fuq, punt 44).
43 Konsegwentement, it-Tieni Bord tal-Appell ma jistax jiġi akkużat li kiser din id-dispożizzjoni tal-aħħar u li injora s-sentenza UASI vs Kaul, punt 13 iktar ’il fuq, minħabba l-fatt li huwa kkunsidra, sabiex iwarrab il-fatti u l-provi ppreżentati mir-rikorrenti għall-ewwel darba fl-istadju tal-appell tagħha kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, in-nuqqas ta’ kull rilevanza tal-imsemmija fatti u provi għas-soluzzjoni tal-kawża.
44 F’kull każ, l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq l-allegat ksur tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94 mhuwiex effettiv. Fil-fatt, meta kkonkluda li ma jeżistix xebh bejn it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u dik preċedenti, it-Tieni Bord tal-Appell ma kienx marbut jieħu inkunsiderazzjoni l-allegat fatt li t-trade mark preċedenti kienet magħrufa sew, peress li huwa seta’ ġustament jikkonkludi li ma teżisti l-ebda probabbiltà ta’ konfużjoni, indipendement mill-allegat fatt li t-trade mark preċedenti kienet magħrufa sew [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ġunju 2008, Otto vs UASI – L’Altra Moda (l’Alra Moda), T‑224/06, Ġabra II-00095, punt 50].
45 Konsegwentement, anki kieku r-rifjut tal-Bord tal-Appell li jieħu inkunsiderazzjoni, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, l-allegat fatt li t-trade mark preċedenti kienet magħrufa sew u l-provi relatati miegħu, huwa vvizjat bi żball ta’ liġi, tali żball ma għandu l-ebda impatt fuq id-dispożittiv tad-deċiżjoni kkontestata, ibbażata, suffiċjentement fid-dritt, fuq il-konklużjoni li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u dik preċedenti la huma identiċi u lanqas simili.
46 Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-affermazzjoni tat-Tieni Bord tal-Appell, fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-“iżball ta’ liġi mwettaq mit-Tielet Bord tal-Appell, jiġifieri l-ksur tal-Artikolu 74(2) tar-[Regolament Nru 40/94], mhuwiex suffiċjenti sabiex iwassal għall-annullament tad-[deċiżjoni tal-2002]”, turi li t-Tieni Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-indikazzjonijiet tas-sentenza UASI vs Kaul, punt 13 iktar ’il fuq.
47 Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Huwa minnu li l-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata jidher li jinjora l-fatt li l-Qorti tal-Ġustizzja, wara li kkonstatat li l-motivi tad-deċiżjoni tal-2002 kienu vvizjati bi żball ta’ liġi fir-rigward tal-applikazzjoni tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, ma setgħetx ġustament tiċħad hija nfisha l-oppożizzjoni għal motiv, dak ibbażat fuq in-nuqqas ta’ kull xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti, li ma kienx imsemmi fid-deċiżjoni tal-2002.
48 Fil-fatt, minkejja li l-Artikolu 63(3) tar-Regolament Nru 40/94 jistabbilixxi li l-qorti Komunitarja “għandha ġurisdizzjoni li tannulla jew tbiddel id-deċiżjoni kontestata”, dan il-paragrafu għandu jinqara fid-dawl tal-paragrafu preċedenti li jipprovdi li “il-kawża tista’ tinfetaħ fuq raġunijiet ta’ nuqqas ta’ kompetenza, vjolazzjoni ta’ rekwiżit proċedurali essenzjali, vjolazzjoni tat-Trattat, [tar-Regolament 40/94] jew ta’ kull regola tal-liġi li tirrigwarda l-applikazzjoni tagħhom jew abbuż ta’ poter”, u fil-kuntest tal-Artikoli 229 KE u 230 KE [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-8 ta’ Lulju 1999, Procter & Gamblevs UASI (BABY DRY), T-163/98, Ġabra p. II-2383, punti 50 u 51, u tal-31 ta’ Mejju 2005, Solo Italia vs UASI − Nuova Sala (PARMITALIA), T-373/03, Ġabra p. II-1881, punt 25].
49 Isegwi li l-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll il-Qorti tal-Ġustizzja meta hija tannulla s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza u tiddeċiedi hija nfisha fuq ir-rikors twettaq stħarriġ tal-legalità tad-deċiżjonijiet tad-dipartimenti tal-UASI. Jekk huma jikkonkludu li tali deċiżjoni, ikkontestata f’rikors quddiemhom, hija vvizzjata b’illegalità, huma għandhom jannullawha. Huma ma jistgħux jiċħdu r-rikors billi jissostiwixxu l-motivazzjoni tagħhom flok dik tad-dipartiment kompetenti tal-UASI, li huwa l-awtur tal-att ikkontestat (ara, f’dan is-sens u b’analoġija, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-27 ta’ Jannar 2000, DIR International Film et vs Il-Kummissjoni, C‑164/98 P, Ġabra p. I-447, punt 38).
50 Madankollu, għandu jiġi osservat li t-Tieni Bord tal-Appell la kien intalab jiddeċiedi fuq il-fondatezza tad-deċiżjoni tal-2002, li sparixxiet b’mod retroattiv mis-sistema legali wara l-annullament tagħha mill-Qorti tal-Ġustizzja, u lanqas fuq il-kwistjoni dwar jekk dan l-annullament kienx iġġustifikat. It-Tieni Bord tal-Appell intalab biss jiddeċiedi fuq l-appell tar-rikorrenti kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni. Għaldaqstant, huma biss il-motivi tad-deċiżjoni kkontestata li jirreferu għall-oppożizzjoni mressqa mir-rikorrenti li jikkostitwixxu s-sostenn neċessarju tad-dispożittiv tagħha, li fih it-Tieni Bord tal-Appell ikkonkluda li l-appell ippreżentat minnha kellu jiġi miċħud.
51 Bil-kontra, il-kunsiderazzjonijiet li jirrigwardaw il-karattru ġġustifikat jew le tal-annullament tad-deċiżjoni tal-2002, bħalma huma dawk iddikjarati mill-Qorti tal-Ġustizzja fil-punt 30 tad-deċiżjoni kkontestata, huma bla impatt fuq id-dispożittiv tal-imsemmija deċiżjoni. Għaldaqstant, anki meta l-kunsiderazzjonijiet huma vvizzjati bi żball ta’ liġi, huma ma jistgħux iwasslu għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.
52 Fid-dawl ta’ dak kollu li ntqal iktar ’il fuq, l-ewwel motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tieni motiv, ibbażat fuq il-ksur tad-dritt għal smigħ
53 Ir-rikorrenti ssostni li t-Tieni Bord tal-Appell, bi ksur tal-Artikolu 61(2) u tat-tieni sentenza tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, naqas milli jtiha l-possibbiltà, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha, b’mod partikolari fuq il-portata u l-interpretazzjoni tas-sentenza UASI vs Kaul, punt 13 iktar ’il fuq.
54 L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
55 Għandu jiġi osservat li, skont it-tieni sentenza tal-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, id-deċiżjonijiet tal-UASI għandhom ikunu bbażati biss fuq motivi fir-rigward ta’ liema l-partijiet ikkonċernati kellhom l-opportunità li jippreżentaw il-kummenti tagħhom. Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi, fil-kuntest tad-dritt tat-trade marks Komunitarji, il-prinċipju ġenerali ta’ protezzjoni tad-drittijiet tad-difiża. Skont dan il-prinċipju ġenerali tad-dritt Komunitarju, id-destinatarji tad-deċiżjonijiet tal-awtoritajiet pubbliċi li jaffettwaw b’mod konsiderevoli l-interessi tagħhom għandhom ikollhom l-opportunità li jressqu l-opinjoni tagħhom b’mod effettiv. Id-dritt għal smigħ xieraq japplika għall-elementi kollha ta’ fatt jew ta’ dritt li jikkostitwixxu l-bażi tal-att deċiżjonali iżda mhux għall-pożizzjoni finali li l-amministrazzjoni għandha l-intenzjoni li tadotta [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Frar 2007, Kustom Musical Amplification vs UASI (Forma ta’ kitarra), T-317/05, Ġabra p. II-427, punti 24, 26 u 27, u l-ġurisprudenza ċċitata].
56 Fil-kawża preżenti, huwa stabbilit li, fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għall-adozzjoni tad-deċiżjoni tal-2002, ir-rikorrenti kellha l-possibbiltà tippreżenta, quddiem it-Tielet Bord tal-Appell, l-osservazzjonijiet tagħha dwar l-aspetti kollha tal-oppożizzjoni li hija kienet ippreżentat, inkluż l-allegat xebh bejn it-trade marks kunfliġgenti. Sunt ta’ dawn l-osservazzjonijiet jidher, fil-fatt, fil-punt 6 tad-deċiżjoni tal-2002.
57 Wara l-annullament tad-deċiżjoni tal-2002 mill-Qorti tal-Ġustizzja, il-kawża ġiet irrinvijata quddiem it-Tieni Bord tal-Appell, li ntalab, wara eżami mill-ġdid tal-kawża, sabiex jiddeċiedi fuq l-appell ippreżentat mir-rikorrent kontra d-deċiżjoni tad-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, li kienet ċaħdet l-oppożizzjoni.
58 Kif ġie osservat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, it-Tieni Bord tal-Appell ċaħad, permezz tad-deċiżjoni kkontestata, l-appell tar-rikorrenti, minħabba li, bil-kontra ta’ dak li sostniet din tal-aħħar, it-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u dik preċedenti la huma identiċi u lanqas simili.
59 Ma jirriżulta bl-ebda mod mid-deċiżjoni kkontestata li t-Tieni Bord tal-Appell ibbaża ruħu, meta adotta d-deċiżjoni kkontestata, fuq elementi ta’ fatt u ta’ dritt differenti minn dawk li t-Tielet Bord tal-Appell kellu fid-dispożizzjoni tiegħu meta adotta d-deċiżjoni tal-2002 u li fuqhom ir-rikorrenti setgħat tippreżenta l-osservazzjonijiet tagħha. Dan huwa iktar u iktar minnu peress li t-Tieni Bord tal-Appell irrepeta parti kbira mill-motivi tad-deċiżjoni tal-2002 dwar it-tqabbil viżiv, fonetiku u kunċettwali tas-sinjali kunfliġġenti.
60 Minkejja li huwa ċertament minnu li, mill-motivi tad-deċiżjoni tal-2002, irrepetuti fid-deċiżjoni tiegħu, it-Tieni Bord tal-Appell wasal għal konklużjoni dwar in-nuqqas ta’ karattru simili taż-żewġ trade marks kunfliġġenti, li ma kinitx tidher, bħala tali, fid-deċiżjoni tal-2002, jibqa’ l-fatt li, fir-rigward tal-pożizzjoni finali li t-Tieni Bord tal-Appell kellu l-intenzjoni jadotta, l-imsemmi bord mhuwiex marbut, fid-dawl tal-ġurisprudenza msemmija fil-punt 55, li jisma’ mill-ġdid lir-rikorrenti qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni tiegħu.
61 Madankollu, ir-rikorrenti ssostni, essenzjalment, li s-sentenza UASI vs Kaul, punt 13 iktar ’il fuq, tikkostitwixxi element ġdid ta’ dritt li fuqu hija kellha tinstema’, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
62 F’dan il-kuntest, ir-rikorrenti ssostni li teżisti preżunzjoni li fost l-interpretazzjonijiet possibbli ta’ sentenza ta’ annullament bħalma hija s-sentenza UASI vs Kaul, punt 13 iktar ’il fuq, għandha tinżamm dik li hija l-iktar favorevoli għar-rikorrenti.
63 B’risposta għal dan l- aħħar argument, għandu jiġi osservat li, skont l-Artikolu 43 tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, fil-każ ta’ diffikultà fuq is-sens u l-portata ta’ sentenza, hija l-Qorti tal-Ġustizzja li għandha tinterpretaha. Għaldaqstant, ma teżisti l-ebda preżunzjoni bħal dik invokata mir-rikorrenti u t-Tieni Bord tal-Appell ma kienx marbut jismagħha fuq l-interpretazzjoni tas-sentenza UASI vs Kaul, punt 13 iktar ’il fuq. Jekk ir-rikorrenti, jew l-UASI, it-tnejn partijiet fil-proċedura quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja, sabu diffikultà rigward l-interpretazzjoni tal-imsemmija sentenza, huma kellhom iressquha quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja.
64 Fir-rigward tal-kwistjoni dwar jekk, qabel l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, it-Tieni Bord tal-Appell kellux jisma’ mill-ġdid lir-rikorrenti fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 74(3) tar-Regolament Nru 40/94, wara kjarifikazzjonijiet fuq l-interpretazzjoni u l-applikazzjoni ta’ din id-dispożizzjoni mogħtija mis-sentenza UASI vs Kaul, punt 13 iktar ’il fuq, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li, anki kieku r-rifjut tat-Tieni Bord tal-Appell li jikkunsidra, fl-eżerċizzju tas-setgħa diskrezzjonali tiegħu li tirriżulta mill-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, il-fatti u l-provi rigward l-allegat fatt li t-trade mark preċedenti kienet magħrufa sew, huwa vvizzjat bi żball ta’ liġi, tali żball ma għandu l-ebda impatt fuq is-soluzzjoni adottata fid-deċiżjoni kkontestata.
65 Peress li, skont il-ġurisprudenza stabbilita fil-punt 55 iktar ’il fuq, id-dritt għal smigħ, stabbilit fl-Artikolu 73 tar-Regolament Nru 40/94, japplika b’mod partikolari, għall-elementi kollha ta’ dritt li jikkostitwixxu l-bażi tal-att deċiżjonali, it-Tieni Bord tal-Appell ma kienx marbut jisma’ lir-rikorrenti fuq l-applikazzjoni tal-Artikolu 74(2) tar-Regolament Nru 40/94, peress li l-fatti u l-provi relattivi għall-allegat fatt li t-trade mark preċedenti kienet magħrufa sew, invokati skont din id-dispożizzjoni tal-aħħar, ma jagħmlux parti mill-bażi tad-deċiżjoni kkontestata.
66 Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li t-tieni motiv għandu jiġi miċħud.
Fuq it-tielet motiv, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94
67 Ir-rikorrenti ssostni li l-Bord tal-Appell kiser l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94. Fl-ewwel lok, hija ssostni, f’dan ir-rigward, li l-Bord tal-Appell naqas milli jeżamina l-fatti u l-argumenti li hija invokat, inklużi dawk imressqa waqt il-proċeduri quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza u l-Qorti tal-Ġustizzja. Il-Bord tal-Appell lanqas ma ħa inkunsiderazzjoni d-dikjarazzjoni tar-rappreżentant tal-UASI waqt is-seduti kemm quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza kif ukoll quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja fil-kuntest tal-proċedura li wasslet għas-sentenza UASI vs Kaul, punt 13 iktar ’il fuq, li tgħid li, jekk jiġi stabbilit li t-trade mark preċedenti kienet magħrufa sew, it-trade marks kunfliġġenti huma suffiċjentement simili sabiex jiġġustifikaw l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.
68 Fit-tieni lok, il-konklużjoni tad-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li t-trade marks kunfliġġenti ma jippreżentaw l-ebda xebh viżiv jew fonetiku, hija żbaljata u tinjora l-ġurisprudenza rigward il-protezzjoni wiesgħa li jgawdu minnha t-trade marks ta’ karattru distintiv għoli.
69 Fl-aħħar nett u fit-tielet lok, il-Bord tal-Appell ma ħax suffiċjentement inkunsiderazzjoni l-“funzjoni ta’ protezzjoni” ta’ trade mark kif ukoll l-interazzjoni tad-diversi kriterji li għandhom jiġu kkunsidrati fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.
70 L-UASI jikkontesta l-argumenti tar-rikorrenti.
71 Qabel kollox, għandhom jiġu miċħuda bħala irrilevanti l-ilmenti tar-rikorrenti bbażati fuq l-interpretazzjoni żbaljata, mill-Bord tal-Appell, tal-ġurisprudenza dwar il-protezzjoni wiesgħa li jgawdu minnha t-trade marks li għandhom karattru distintiv għoli u, min-naħa l-oħra, l-interdipendenza tad-diversi kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.
72 Fil-fatt, kif ġie osservat fil-kuntest tal-eżami tal-ewwel motiv, iċ-ċaħda tal-oppożizzjoni fil-kawża preżenti ġiet ibbażata fuq in-nuqqas ta’ kull xebh bejn it-trade marks kunfliġġenti u mhux fuq evalwazzjoni globali tal-probabbiltà ta’ konfużjoni.
73 Għaldaqstant, jekk jitqies li l-motivi tad-deċiżjoni kkontestata, inklużi dawk tad-deċiżjoni tal-2002 li jinsabu fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, juru kwalunkwe żball ta’ liġi rigward l-interdipendenza tad-diversi kriterji li għandhom jittieħdu inkunsiderazzjoni fl-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni, tali żball ma jistax iwassal għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata, li hija fondata suffiċjentement fid-dritt fuq il-konstatazzjoni li t-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u dik preċedenti la huma identiċi u lanqas simili.
74 Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq l-allegat nuqqas ta’ kunsiderazzjoni, mill-Bord tal-Appell, tal-“funzjoni ta’ protezzjoni” tat-trade mark, għandu jiġi osservat f’dan il-kuntest li, barra l-funzjoni ta’ indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali u tal-kwalità ta’ prodott jew ta’ servizz kif ukoll ta’ strument ta’ reklamar, trade mark għandha wkoll funzjoni kompetittiva, sa fejn hija tassigura lill-proprjetarju tagħha vantaġġ kompetittiv.
75 Issa, dawn il-kunsiderazzjonijiet, anki jekk jitqies li huma eżatti, ma jistgħu bl-ebda mod jaffettwaw l-evalwazzjoni tan-natura simili jew le taż-żewġ trade marks. Għaldaqstant dan l-ilment mhuwiex effettiv.
76 Fir-rigward tal-ilment ibbażat fuq allegat żball fid-definizzjoni tal-pubbliku rilevanti, li għandu jittieħed inkunsiderazzjoni għall-evalwazzjoni tal-probabbiltà ta’ konfużjoni fil-kawża preżenti, ir-rikorrenti ma tikkontestax il-konklużjoni tad-deċiżjoni tal-2002, irripetuta fid-deċiżjoni kkontestata, li tgħid li l-imsemmi pubbliku huwa kompost minn produtturi ta’ prodotti tal-ikel u tal-ħelu. Hija tikkontesta, min-naħa l-oħra, l-affermazzjonijiet li jidhru fil-punt 34 tad-deċiżjoni tal-2002, ripetuti fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, li l-għażla, għall-pubbliku speċjalizzat ikkonċernat, ta’ prodott jew ieħor tat-tip kopert mit-trade marks kunfliġġenti “bilkemm tkun affettwata jew influwenzata mis-sinjali assoċjati mal-prodotti jew mal-ingredjenti użati fil-fabbriki tagħhom” u “[f]’sitwazzjoni bħal din, l-eżistenza ta’ probabbiltà ta’ konfużjoni tippresupponi b’mod imperattiv livell għoli ta’ xebh bejn it-trade marks”.
77 Għaldaqstant, dan l-ilment huwa ineffettiv ukoll. Fil-fatt, mingħajr ma huwa neċessarju li jiġi stabbilit liema livell ta’ xebh tat-trade marks kunfliġġenti huwa, fil-kawża preżenti, suffiċjenti sabiex iwassal għal probabbiltà ta’ konfużjoni, fis-sens tal-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, huwa biżżejjed li jiġi mfakkar li l-Bord tal-Appell ikkonkluda li l-imsemmija trade marks ma kienu jippreżentaw l-ebda livell ta’ xebh u li kienu differenti.
78 Għaldaqstant, sabiex tingħata risposta għal dan il-motiv, biżżejjed tiġi eżaminata din il-konklużjoni tal-aħħar fid-deċiżjoni kkontestata, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni, minn naħa, il-perċezzjoni tat-trade marks kunfliġġenti tal-pubbliku previst, identifikat korrettament mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata u, min-naħa l-oħra, l-argument tar-rikorrenti rigward l-allegati żbalji mwettqa mill-Bord tal-Appell waqt it-tqabbil viżiv u fonetiku tal-imsemmija trade marks.
79 Fil-punt 27 tad-deċiżjoni tal-2002, riprodott fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell qabel kollox qabbel iż-żewġ trade marks kunfliġġenti fuq livell viżiv. F’dan ir-rigward, il-Bord tal-Appell osserva li l-fatt li l-imsemmija trade marks kienu, it-tnejn li huma, komposti minn ħames ittri kien biss “ koinċidenza probabbli”. Barra minn hekk, huwa żied li, minkejja li t-trade marks għandhom it-tnejn li huma l-ittra “a” u t-terminu “ol”, huma “biċ-ċar differenti” fuq livell viżiv.
80 Ir-rikorrenti tikkontesta dawn il-kunsiderazzjonijiet, li hija tiddeskrivi bħala vagi u nieqsa minn sens. Fl-opinjoni tagħha, il-Bord tal-Appell injora l-ġurisprudenza meta ma spjegax għalfejn il-fatt li t-trade marks kunfliġġenti kienu komposti minn numru identiku ta’ ittri ma kellu l-ebda impatt fuq l-evalwazzjoni tax-xebh tagħhom.
81 Dan l-argument ma jistax jintlaqa’. Fil-fatt, in-numru identiku ta’ ittri li jikkomponu t-trade marks verbali m’għandux, bħala tali, sinjifikat partikolari għall-pubbliku rilevanti fir-rigward ta’ dawn it-trade marks, anki jekk huwa pubbliku speċjalizzat, bħalma huwa l-każ hawnhekk. Peress li l-alfabett huwa kompost minn numru limitat ta’ ittri, li, barra minn hekk, mhumiex kollha użati bl-istess frekwenza, huwa inevitabbli li diversi kliem ikunu komposti mill-istess numru ta’ ittri u għandhom ukoll xi ittri komuni, mingħajr ma jkunu jistgħu, minħabba dan il-fatt biss, jiġu deskritti bħala simili fuq livell viżiv.
82 Barra minn hekk, il-pubbliku mhuwiex, ġeneralment, konxju tan-numru eżatt ta’ ittri li hija komposta minnu trade mark verbali, u konsegwentement, ma jindunax, fil-parti l-kbira tal-każijiet, li ż-żewġ trade marks kunfliġġenti huma komposti minn numru identiku ta’ ittri.
83 Dak li huwa importanti fl-evalwazzjoni tax-xebh viżiv ta’ żewġ trade marks verbali huwa, pjuttost, il-preżenza, f’kull waħda minnhom, ta’ diversi ittri fl-istess ordni. B’hekk, il-Bord tal-Appell ma tax, ġustament, importanza partikolari lill-preżenza, fiż-żewġ trade marks kunfliġġenti, tal-ittra “a” peress li din tidher fl-ewwel post fit-trade mark li għaliha saret applikazzjoni u segwita mill-ittri “rc” filwaqt li tidher fit-tieni post fit-trade mark preċedenti u hija mdawra minn żewġ ittri differenti, jiġifieri mill-ittra “c” u mill-ittra “p”.
84 Bil-kontra, il-parti aħħarija “ol” fit-trade marks kunfliġġenti tikkostitwixxi, kif ammetta l-Bord tal-Appell, element komuni għal dawn it-trade marks. Madankollu, peress li dan il-grupp ta’ ittri jidher fl-aħħar tal-imsemmija trade marks u jiġi qabel, f’kull trade mark, gruppi ta’ ittri kompletament differenti (rispettivament, il-gruppi ta’ ittri “arc” u “cap”), il-Bord tal-Appell seta’ ġustament jikkonkludi li hija ma setgħetx tqiegħed f’dubju l-konklużjoni li l-imsemmija trade marks, meħuda globalment, mhumiex simili fuq livell viżiv.
85 Dawn huwa iktar u iktar minnu peress li, kif il-Qorti tal-Prim’Istanza ddeċidiet ripetutament, il-konsumatur jagħti ġeneralment iktar attenzjoni lill-ewwel parti ta’ trade mark milli lill-aħħar parti tagħha [ara l-ewwel sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-7 ta’ Settembru 2006, Meric vs UASI – Arbora & Ausonia (PAM-PIM’S BABY-PROP), T-133/05, Ġabra p. II-2737, punt 51, u s-sentenza l-Altra Moda, punt 44 iktar ’il fuq punt 43].
86 Fir-rigward, imbagħad, tat-tqabbil fonetiku bejn iż-żewġ trade marks kunfliġġenti, fil-punt 28 tad-deċiżjoni tal-2002, riprodott fil-punt 23 tad-deċiżjoni kkontestata, il-Bord tal-Appell elenka diversi pronunzji probabbli tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, qabel ma kkonkluda li l-pronunzja tat-trade marks kunfliġġenti hija differenti fl-Istati Membri, u dan minkejja li l-imsemmija trade marks għandhom, it-tnejn li huma, żewġ sillabi.
87 Dawn il-kunsiderazzjonijiet għandhom jiġu aċċettati. Bil-kontra ta’ dak li ssostni r-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma jistax jiġi akkużat li bbaża ruħu fuq pronunzji “probabbli” tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni. Fil-fatt, peress li din hija terminu ivvintat li ma jikkorrispondi għal ebda kelma eżistenti f’lingwa Komunitarja, hija biss l-pronunzja probabbli tagħha mill-pubbliku kkonċernat li hija inkwistjoni, sakemm din ma tiġix irreġistrata jew użata sabiex tiddeskrivi prodotti oħra.
88 Barra minn hekk, minkejja li r-rikorrenti takkuża lid-dipartimenti kompetenti tal-UASI li ma eżaminawx il-pronunzja tat-trade marks kunfliġġenti fil-lingwi kollha tal-Istati Membri tal-Komunità, hija ma ppreċiżatx il-lingwa jew lingwi, allegatament injorati mill-Bord tal-Appell, li fihom iż-żewġ trade marks huma ppronunzjati b’tali mod li jiġġustifika jew jistabbilixxi xebh fonetiku bejniethom.
89 Il-fatt, invokat ukoll mir-rikorrenti, li t-trade marks kunfliġġenti għandhom, it-tnejn li huma, l-istess numru ta’ sillabi, jiġifieri tnejn, ma għandu l-ebda importanza partikolari fil-perċezzjoni tat-trade marks kunfliġġenti mill-pubbliku b’mod ġenerali u, iktar partikolarment, mill-pubbliku speċjalizzat rilevanti u ma jistax, bħala tali, iwassal għall-konklużjoni li l-imsemmija trade marks huma fonetikament simili.
90 F’dawn iċ-ċirkustanzi, u fid-dawl tal-fatt li, indipendentement mill-pronunzja eżatta tal-grupp ta’ ittri distintiv “arc”, li jidher fil-bidu tat-trade mark li għaliha saret applikazzjoni, tkun, f’kull każ, differenti ħafna minn dik tal-grupp ta’ ittri “cap”, li jidher fil-bidu tat-trade mark preċedenti, il-preżenza, fl-aħħar parti taż-żewġ trade marks, tal-grupp ta’ ittri “ol” li hija probabbilment pronunzjata b’mod identiku fiż-żewġ każijiet, mhijiex suffiċjenti biex trendi l-imsemmija trade marks, meħuda b’mod globali, simili fuq livell fonetiku.
91 Fl-aħħar nett, kif ġie osservat fil-punt 29 tad-deċiżjoni 2002, riprodott fid-deċiżjoni kkontestata, l-ebda waħda miż-żewġ trade marks ma għandha sinjifikat li jorbotha ma’ kunċett partikolari u, konsegwentement, ma jista’ jeżisti bejniethom l-ebda xebh kunċettwali. Barra minn hekk, din il-konklużjoni mhijiex ikkontestata mir-rikorrenti.
92 Fuq il-bażi tal-konstatazzjonijiet u tal-kunsiderazzjonijiet preċedenti, għandu jiġi konkluż li t-Tieni Bord tal-Appell ma kisirx l-Artikolu 8(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 meta kkonkluda, fil-punti 26 sa 28 tad-deċiżjoni kkontestata, li t-trade marks kunfliġġenti ma kinux identiċi jew simili u li, għaldaqstant, din id-dispożizzjoni ma kinitx tapplika, anki kieku l-prodotti koperti mill-imsemmija trade marks kienu identiċi.
93 Fir-rigward tal-ilment tar-rikorrenti, ibbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell ma rrispondiex għall-argumenti tagħha, inklużi dawk imqajma quddiem il-qrati Komunitarji fil-kuntest tal-proċedura li tat lok għas-sentenza UASI vs Kaul, punt 13 iktar ’il fuq, għandu jiġi kkonstatat li r-rikorrenti ma ppreċiżatx liema kienu l-argumenti allegatament injorati mit-Tieni Bord tal-Appell.
94 F’dan ir-rigward, għandu jiġi osservat li, f’kull każ, it-Tieni Bord tal-Appell kellu jikkunsidra biss, waqt l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata, l-argumenti li jidhru fl-osservazzjonijiet ippreżentati mir-rikorrenti waqt il-proċedimenti quddiem id-diversi dipartimenti tal-UASI. Bil-kontra, l-argumenti mressqa mir-rikorrenti waqt il-proċedura quddiem il-qrati Komunitarji ma kinux indirizzati lill-UASI u l-Bord tal-Appell la kien marbut li jeħodhom inkunsiderazzjoni u lanqas li jagħti risposta speċifika għalihom fid-deċiżjoni tiegħu.
95 Fir-rigward tal-argumenti mressqa mir-rikorrenti quddiem id-dipartimenti tal-UASI, minn qari tal-proċess tal-proċedimenti quddiem il-Bord tal-Appell, mibgħut lill-Qorti tal-Prim’Istanza skont l-Artikolu 133(3) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, li, fl-att ta’ oppożizzjoni li hija ppreżentat, fl-osservazzjonijiet quddiem id-Diviżjoni tal-Oppożizzjoni, kif ukoll fin-nota li tinkludi l-motivi tal-appell tagħha quddiem il-Bord tal-Appell, ir-rikorrenti ressqet argumenti dwar il-pubbliku rilevanti, in-natura identika jew simili tal-prodotti koperti mit-trade marks kunfliġġenti, in-natura simili tat-trade marks imsemmija kif ukoll in-natura distintiva allegatament għolja tat-trade mark preċedenti.
96 Issa, dawn id-domandi u l-argumenti tar-rikorrenti marbuta magħhom ġew eżaminati mill-Bord tal-Appell fid-deċiżjoni kkontestata. Għaldaqstant, hemm lok li l-ilment preżenti tar-rikorrenti jiġi miċħud bħala infondat.
97 Għandu jiġi miċħud ukoll l-ilment tar-rikorrenti bbażat fuq il-fatt li l-Bord tal-Appell ma ħax inkunsiderazzjoni l-pożizzjoni allegatament meħuda mir-rappreżentant tal-UASI waqt il-proċedura quddiem il-qrati Komunitarji.
98 Fil-fatt, id-deċiżjonijiet dwar ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja li l-Bordijiet ta’ l-Appell huma marbuta li jieħdu, skond ir-Regolament Nru 40/94, jaqgħu taħt kompetenza limitata u mhux taħt setgħa diskrezzjonali. Għalhekk, in-natura reġistrabbli ta’ sinjal bħala trade mark Komunitarja għandha tiġi evalwata biss abbażi ta’ dan ir-regolament, kif interpretat mill-qorti Komunitarja, u mhux abbażi ta’ prassi preċedenti tal-UASI [ara s-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Lulju 2008, Reber vs UASI – Chocoladefabriken Lindt & Sprüngli (Mozart), T‑304/06, Ġabra II-01927, punt 45 u l-ġurisprudenza ċċitata].
99 Dawn il-kunsiderazzjonijiet huma a fortiori validi fir-rigward ta’ dikjarazzjoni allegatament magħmula mir-rappreżentant tal-UASI quddiem il-qorti Komunitarja, u dan huwa iktar u iktar minnu peress li, fid-dawl tal-indipendenza tal-President u tal-membri tal-Bordijiet tal-Appell tal-UASI, stabbilita fl-Artikolu 131(4) tar-Regolament Nru 40/94, dawn mhumiex marbuta minn pożizzjoni adottata mill-UASI f’kawża quddiem il-qorti Komunitarja.
100 Konsegwentement, anki jekk jitqies li r-rappreżentant tal-UASI effettivament għamel id-dikjarazzjoni allegata mir-rikorrenti, il-Bord tal-Appell ma kienx marbut minnha u ma kellux l-obbligu li jesponi, fid-deċiżjoni kkontestata, ir-raġunijiet li għalihom huwa injoraha.
101 Minn dak kollu li ntqal jirriżulta li dan il-motiv mhuwiex fondat u għandu jiġi miċħud, kif għandu jiġi miċħud ir-rikors fit-totalità tiegħu.
Fuq l-ispejjeż
102 Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrenti tilfet, hemm lok li hija tiġi ordnata tbati l-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Il-Ħames Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1) Ir-rikors huwa miċħud.
2) Kaul GmbH hija kkundannata għall-ispejjeż.
Vilaras
Prek
Ciucǎ
Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu, fil-25 ta’ Marzu 2009.
Firem
* Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
Full & Egal Universal Law Academy