SENTENZA TAL-QORTI ĠENERALI (Awla tal-Appell)
11 ta’ Diċembru 2009
Kawża T-436/07 P
Nikos Giannopoulos
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea
“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Reklutaġġ – Klassifikazzjoni fi grad – Talba għal reviżjoni tal-klassifikazzjoni – Artikolu 31(2) tar-Regolamenti tal-Persunal”
Suġġett: Appell mis‑sentenza tat‑Tribunal għas‑Servizz Pubbliku tal‑Unjoni Ewropea (It‑Tieni Awla), tal‑20 ta’ Settembru 2007, Giannopoulos vs Il‑Kunsill, (F‑111/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil‑Ġabra), intiż għall‑annullament ta’ din is‑sentenza.
Deċiżjoni: L‑appell huwa miċħud. Nikos Giannopoulos u l‑Kunsill tal‑Unjoni Ewropea għandhom ibatu l‑ispejjeż rispettivi tagħhom fil‑kuntest ta’ din l‑istanza.
Sommarju
1. Uffiċjali – Reklutaġġ – Ħatra fi grad – Ħatra fi grad ogħla tal‑karriera – Natura eċċezzjonali meta mqabbla mar‑regoli ġenerali ta’ klassifikazzjoni
(Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 31(2))
2. Uffiċjali – Reklutaġġ – Ħatra fi grad – Ħatra fi grad ogħla tal‑karriera – Natura eċċezzjonali meta mqabbla mar‑regoli ġenerali ta’ klassifikazzjoni
(Regolamenti tal‑Persunal, Artikolu 31(2))
1. It‑tliet kundizzjonijiet, li jirrigwardaw rispettivament il‑profil akkademiku, it‑tul, u l‑kwalità tal‑esperjenza professjonali, li l‑Awtorità tal‑Ħatra għandha tieħu inkunsiderazzjoni u tevalwa meta tivverifika jekk hemmx lok li tidderoga jew le mir‑regola tar‑reklutaġġ fil‑grad bażiku ta’ karriera, għandhom natura kumulattiva. Din in‑natura kumulattiva tirriżulta mill‑fatt li r‑reklutaġġ fi grad ogħla tal‑karriera jista’ jseħħ biss eċċezzjonalment, peress li ċ‑ċirkustanzi li jiġġustifikaw din il‑klassifikazzjoni għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett.
B’hekk, meta istituzzjoni tiddeċiedi li teżerċita s‑setgħa diskrezzjonali li jagħtiha l‑Artikolu 31(2) tar‑Regolamenti tal‑Persunal, fil‑verżjoni fis‑seħħ sat‑30 ta’ April 2004, permezz tal‑kundizzjonijiet stabbiliti f’dokument intern ta’ istituzzjoni oħra, dawn għandhom jiġu interpretati bl‑istess mod ristrett li jiġu applikati mill‑istituzzjoni li minnha joriġina d‑dokument, ħlief jekk jirriżulta mill‑fajl li l‑istituzzjoni inkwistjoni kienet bi ħsiebha tattribwixxi natura differenti għall‑kundizzjonijiet li hija applikat.
(ara l‑punti 33 sa 35)
Referenza: Il‑Qorti Ġenerali 15 ta’ Novembru 2005, Righini vs Il‑Kummissjoni, T‑145/04, ĠabraSP p. I‑A‑349 u II‑1547, punt 49, u l‑ġurisprudenza ċċitata; Il‑Qorti Ġenerali 15 ta’ Marzu 2006, Valero Jordana vs Il‑Kummissjoni, T‑429/03, ĠabraSP p. I‑A‑2‑51 u II‑A‑2‑217, punt 79, u l‑ġurisprudenza ċċitata
2. Sabiex iseħħ reklutaġġ ta’ uffiċjali fi grad ogħla tal‑karriera, l‑Artikolu 31(2) tar‑Regolamenti tal‑Persunal, fil‑verżjoni fis‑seħħ sat‑30 ta’ April 2004, jimponi komparazzjoni bejn il‑kwalifiki ta’ dan il‑kandidat u l‑eżiġenzi tal‑impjieg li għalih il‑kandidat jinħatar bħala uffiċjal. Din il‑komparazzjoni hija indispensabbli peress li l‑evalwazzjoni tal‑kriterju tal‑eżiġenzi speċifiċi tas‑servizz għall‑applikazzjoni eventwali tad‑deroga mir‑regola ta’ reklutaġġ fil‑grad bażiku timplika żewġ kundizzjonijiet, waħda li tirrigwarda r‑rilevanza tal‑kwalifiki tal‑persuna interessata meta mqabbla mal‑pożizzjoni li għandha timtela, u l‑oħra li tirrigwarda l‑karatteristiċi tal‑kuntratt tal‑impjieg f’dak li għandu x’jaqsam mal‑kompetenzi mitluba. Peress li ċ‑ċirkustanzi li jiġġustifikaw il‑klassifikazzjoni fi grad ogħla tal‑karriera għandhom jiġu interpretati b’mod ristrett, dawn il‑kundizzjonijiet huma kumulattivi.
Barra minn hekk, il‑klassifikazzjoni ta’ kandidat fi grad ogħla tal‑karriera għandha tittieħed inkunsiderazzjoni biss meta l‑eżiġenzi speċifiċi tas‑servizz jitolbu reklutaġġ ta’ persuna partikolarment kwalifikata. Issa, sabiex jiġi stabbilit jekk dan huwiex il‑każ, huwa indispensabbli li jiġi eżaminat l‑avviż tal‑kompetizzjoni u l‑avviż tal‑pożizzjoni vakanti, kif ukoll, jekk ikun il‑każ, id‑dmirijiet li effettivament għandhom jitwettqu, sabiex jiġu identifikati l‑eżiġenzi tas‑servizz li jiġġustifikaw l‑organizzazzjoni ta’ kompetizzjoni u l‑ftuħ tal‑pożizzjoni u li jiġi ddeterminat jekk jitolbux ir‑reklutaġġ ta’ persuna partikolarment kwalifikata. Jekk dan ma jkunx il‑każ, ir‑reklutaġġ fi grad ogħla tal‑karriera ma jkunx possibbli, u dan anki jekk il‑persuna li fl‑aħħar tiġi rreklutata jkollha kwalifiki eċċezzjonali jew partikolari ħafna jew jekk l‑amministrazzjoni jkollha numru kbir ta’ impjiegi x’timla.
(ara l‑punti 51, 52 u 56)
Referenza: Righini vs Il‑Kummissjoni, iċċitata iktar ’il fuq, punti 48, 49 u 106; Il‑Qorti Ġenerali, 10 ta’ Mejju 2006, R vs Il‑Kummissjoni, T‑331/04, mhux ippubblikata fil‑Ġabra, punt 18
Full & Egal Universal Law Academy