SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)
5 ta’ Mejju 2009 ( *1 )
“Trade mark Komunitarja — Applikazzjoni għal trade mark Komunitarja tridimensjonali — Forma ta’ kompożizzjoni ta’ zalzettiet — Raġuni assoluta għal rifjut — Nuqqas ta’ karattru distintiv — Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 40/94”
Fil-Kawża T-449/07,
Thomas Rotter, residenti f’München (il-Ġermanja), irrappreżentat minn M. Müller, avukat,
rikorrent,
vs
L-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), irrappreżentat minn G. Schneider, bħala aġent,
konvenut,
li għandha bħala suġġett rikors ippreżentat kontra d-deċiżjoni tar-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI, tas-27 ta’ Settembru 2007 (Każ R 1415/2006-4), dwar ir-reġistrazzjoni ta’ sinjal tridimensjonali li jirrappreżenta kompożizzjoni ta’ zalzettiet bħala trade mark Komunitarja,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tieni Awla),
komposta minn I. Pelikánová, President tal-Awla, K. Jürimäe (Relatur) u S. Soldevila Fragoso, Imħallfin,
Reġistratur: T. Weiler, Amministratur,
wara li rat ir-rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-3 ta’ Diċembru 2007,
wara li rat ir-risposta ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-8 ta’ April 2008,
wara s-seduta tal-14 ta’ Jannar 2009,
tagħti l-preżenti
Sentenza
Fatti li wasslu għall-kawża
1
Fis-17 ta’ Marzu 2005, ir-rikorrent, T. Rotter, ippreżenta applikazzjoni għal reġistrazzjoni ta’ trade mark Komunitarja lill-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern (Trade marks u Disinni) (UASI), skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 40/94, tal-, dwar it-trade mark Komunitarja (ĠU Edizzjoni Speċjali bil-Malti, Kapitolu 17, Vol. 1, p. 146), kif emendat.
2
It-trade mark li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni tikkonsisti fil-forma tridimensjonali rrappreżentata hawn taħt:
3
Il-prodotti u s-servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni jaqgħu taħt il-klassijiet 29, 30 u 43 skont il-Ftehim ta’ Nice dwar il-klassifikazzjoni internazzjonali ta’ prodotti u servizzi għall-finijiet tar-reġistrazzjoni ta’ trade marks, tal-15 ta’ Ġunju 1957, kif irrivedut u emendat, u jikkorrispondu, għal kull waħda minn dawn il-klassijiet, għad-deskrizzjoni li ġejja:
—
klassi 29: “Laħam, tjur domestiku u selvaġġ, estratti tal-laħam, ħaxix ippriservat, imnixxef u msajjar, ġammijiet, prodotti tal-ħalib, prodotti taz-zalzett, prodotti abbażi ta’ patata”;
—
klassi 30: “Zokkor, ross, preparazzjonijiet magħmula miċ-ċereali”;
—
klassi 43: “Servizzi għall-provvista ta’ ikel u xorb; akkomodazzjoni temporanja”.
4
B’deċiżjoni tat-28 ta’ Awwissu 2006, l-eżaminatur, minn naħa, aċċetta l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għas-servizzi fil-klassi 43 u, min-naħa l-oħra, ċaħad l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni skont l-Artikolu 7(1)(b) u (ċ) tar-Regolament Nru 40/94, għall-prodotti fil-klassijiet 29 u 30, minħabba li t-trade mark mitluba kienet nieqsa minn karattru distintiv.
5
Fit-30 ta’ Ottubru 2006, ir-rikorrent ippreżenta appell quddiem l-UASI, skont l-Artikoli 57 sa 62 tar-Regolament Nru 40/94, mid-deċiżjoni tal-eżaminatur.
6
B’deċiżjoni tas-27 ta’ Settembru 2007 (iktar ’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”), ir-Raba’ Bord tal-Appell tal-UASI ċaħad dan l-appell. Il-Bord tal-Appell ikkunsidra li, fir-rigward, b’mod partikolari, tal-prodotti taz-zalzett, il-forma li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni tikkorrispondi għall-preżentazzjoni ta’ ħames zalzettiet separati li t-truf tagħhom huma magħqudin ma’ xulxin. Issa, il-Bord tal-Appell ippreċiża li t-tgħaqqid taz-zalzett wieħed mal-ieħor mit-truf tagħhom sabiex jikkostitwixxu kontinwazzjoni mhux interrotta kienet prassi komuni u imposta mill-produzzjoni. Barra minn hekk, huwa kkonstata li l-konsumatur medju ma jifhimx tali preżentazzjoni tal-prodott bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali, imma unikament bħala mod fost ħafna oħrajn kif diversi zalzettiet jitwaħħlu ma’ xulxin sabiex jinħażnu u jinbiegħu flimkien. Huwa kkonkluda li dan ma kienx ta’ natura li jikkonferixxi lill-forma mitluba karattru distintiv.
7
B’ittra indirizzata lill-UASI tat-3 ta’ Diċembru 2007, jiġifieri l-istess ġurnata meta ġie ppreżentat dan ir-rikors, ir-rikorrent talab, skont l-Artikolu 44 tar-Regolament Nru 40/94, il-limitazzjoni tal-lista tal-prodotti u tas-servizzi elenkati fl-applikazzjoni għal trade mark għal “prodotti taz-zalzett” u għas-“servizzi għall-prodotti tal-ikel; akkomodazzjoni temporanja”, li jaqgħu rispettivament taħt il-klassijiet 29 u 43 skont il-Ftehim ta’ Nice. B’ittra tat-, indirizzata lir-rikorrent, l-UASI indika li l-lista ta’ prodotti u ta’ servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienet issa ssemmi biss il-“prodotti taz-zalzett” u s-“servizzi għal-prodotti tal-ikel; akkomodazzjoni temporanja” li jaqgħu rispettivament taħt l-imsemmija klassijiet.
It-talbiet tal-partijiet
8
Ir-rikorrent jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
—
tikkundanna lill-UASI għall-ispejjeż, inkluż dawk sostnuti matul il-proċedura tal-appell.
9
Matul is-seduta, f’risposta għal-domanda tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ir-rikorrent indika, minn naħa, li s-suġġett ta’ dan ir-rikors huwa limitat biss għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata sa fejn tiċħad ir-reġistrazzjoni tat-trade mark mitluba għall-“prodotti taz-zalzett” fil-klassi 29 skont il-Ftehim ta’ Nice u, min-naħa l-oħra, li kien qiegħed jirrinunċa li jikkontesta d-deċiżjoni kkontestata għall-bqija.
10
L-UASI jitlob lill-Qorti tal-Prim’Istanza sabiex jogħġobha:
—
tiċħad ir-rikors;
—
tikkundanna lir-rikorrent għall-ispejjeż.
Id-dritt
11
Insostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jinvoka motiv wieħed, ibbażat fuq il-ksur tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.
L-argumenti tal-partijiet
12
Ir-rikorrent isostni li s-sinjal mitlub għandu karatteristika distintiva skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, sa fejn dan jista’ jservi bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-prodotti taz-zalzett. F’dan ir-rigward, ir-rikorrent isostni li l-forma mitluba hija differenti b’mod kunsiderevoli mill-forom ta’ preżentazzjoni tal-prodotti inkwistjoni li normalment il-konsumatur huwa kkonfrontat bihom.
13
Fl-ewwel lok, ir-rikorrent isostni li, fil-kummerċ, il-prodotti taz-zalzett huma normalment proposti b’mod separat u taħt forma karatteristika, jiġifieri taħt forma tawwalija u ttondjata. Issa, il-forma mitluba tvarja, fir-rigward ta’ żewġ aspetti, meta mqabbla mal-abitudnijiet tas-settur fil-qasam ta’ forom ta’ preżentazzjoni tal-prodotti inkwistjoni. Minn naħa, iz-zalzett li jissajjar fl-ilma jagħli u dawk li jiġu ggrilljati, li huma magħmula minn diversi elementi, ma jistgħux ikunu, f’dan il-każ, separati minn xulxin, imma magħqudin. Min-naħa l-oħra, magħqudin b’dan il-mod, il-prodotti taz-zalzett ma jżommux il-forma abitwali tagħhom tawwalija u ttondjata. Ir-rikorrent jippreċiża li din il-kompożizzjoni tikkostitwixxi, fir-rigward tal-prodotti taz-zalzett, forma oriġinali u ġdida li tixbah lill-forma ta’ bretzel mingħajr madankollu ma tadotta kompletament din il-forma, għaliex, b’differenza mill-bretzel, hija magħmula, b’mod li jidher, minn diversi elementi.
14
Fit-tieni lok, ir-rikorrent isostni li l-kompożizzjoni inkwistjoni ma tikkorrispondiex għall-forma abitwali ta’ zalzett. B’mod partikolari, lanqas il-fatt li prodotti taz-zalzett ikunu ppreżentati taħt forma ta’ kompożizzjoni, li, min-naħa tagħha, tagħti lok għal assoċjazzjoni ma’ forma magħrufa, jiġifieri dik ta’ bretzel, li jaqa’ taħt settur ieħor ta’ prodotti, ma jikkostitwixxi preżentazzjoni abitwali tal-prodotti inkwistjoni għall-konsumatur. Huwa preċiżament minħabba din il-preżentazzjoni mhux abitwali fil-kummerċ tal-prodotti taz-zalzett li l-konsumatur jirrimarka l-ewwel nett il-prodott qabel ma jiftakar, wara, fil-forma tal-prodotti taz-zalzett. Skont ir-rikorrent, il-forma tal-preżentazzjoni ta’ dawn il-prodotti taz-zalzett ser issir l-attribut karatteristiku tagħhom li jippermetti lill-konsumatur li jiddistingwihom minn dawk ta’ produtturi oħrajn. B’hekk, għall-konsumatur, il-forma mitluba tikkonferixxi lill-preżentazzjoni tal-prodotti taz-zalzett, meta mqabbla mal-forma tipika ta’ zalzett, l-element ta’ fantasija neċessarja għall-karattru distintiv tagħha.
15
Fit-tielet lok, ir-rikorrent isostni li l-forma mitluba tvarja b’mod iktar sinjifikattiv mill-forma ta’ preżentazzjoni tal-prodotti inkwistjoni li għaliha l-konsumatur huwa normalment kkonfrontat milli l-użu ta’ forma ta’ preżentazzjoni ffantasizzata ta’ prodotti taz-zalzett maħsuba sabiex tippromwovi l-bejgħ hija diġà, fiha nfisha, fenomenu kummerċjali ġdid.
16
L-UASI jikkontesta l-argumenti kollha mressqa mir-rikorrent.
Il-kunsiderazzjonijiet tal-Qorti tal-Prim’Istanza
17
L-ewwel nett, għandu jitfakkar li skont l-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94, trade marks li mhumiex ta’ karattru distintiv ma jistgħux jiġu rreġistrati.
18
Skont ġurisprudenza stabbilita, is-sinjali msemmija fl-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94 huma meqjusa bħala sinjali li ma għandhomx il-kapaċità li jeżerċitaw il-funzjoni essenzjali tat-trade mark, jiġifieri dik li tidentifika l-oriġini kummerċjali tal-prodott jew tas-servizz, sabiex b’hekk tippermetti lill-konsumatur li jixtri l-prodott jew is-servizz li t-trade mark tirrappreżenta, li jagħmel, fil-każ ta’ xiri ulterjuri, l-istess għażla jekk l-esperjenza tkun pożittiva jew li jagħmel għażla differenti jekk din tkun negattiva [ara sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-15 ta’ Diċembru 2005, Bic vs UASI (Forma ta’ lajters biż-żnied), T-262/04, Ġabra p. II-5959, punt 20, u l-ġurisprudenza ċċitata].
19
Il-karattru distintiv ta’ trade mark għandu jiġi evalwat, minn naħa, fid-dawl tal-prodotti jew servizzi li għalihom saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni u, min-naħa l-oħra, fid-dawl tal-perċezzjoni li l-pubbliku kkonċernat, magħmul mill-konsumatur tal-imsemmija prodotti jew servizzi għandu tagħhom (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tad-29 ta’ April 2004, Procter & Gamble vs UASI, C-473/01 P u C-474/01 P, Ġabra p. I-5173, punt 33; sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tat-, Neumann vs UASI (Forma ta’ ras ta’ mikrofonu), T-358/04, Ġabra p. II-3329, punt 32, u l-ġurisprudenza ċċitata).
20
F’dan ir-rigward, għandu jitfakkar li l-kriterji ta’ evalwazzjoni tal-karattru distintiv tat-trade marks tridimensjonali kkostitwiti mill-forma ta’ prodott mhumiex differenti minn dawk applikabbli għall-kategoriji oħra ta’ trade marks [ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tal-25 ta’ Ottubru 2007, Develey vs UASI, C-238/06 P, Ġabra p. I-9375, punt 80; sentenza Forma ta’ ras ta’ mikrofonu, punt 19 iktar ‘il fuq, punt 41).
21
Madankollu, fil-kuntest tal-applikazzjoni ta’ dawn il-kriterji, il-perċezzjoni tal-pubbliku kkonċernat mhijiex neċessarjament l-istess bħal fil-każ ta’ trade mark tridimensjonali, magħmula mill-forma tal-prodott stess, bħal ma hija fil-każ ta’ trade mark verbali jew figurattiva, li tikkonsisti f’sinjal indipendenti mill-aspett tal-prodotti li hija tirrappreżenta. Fil-fatt, il-konsumaturi medji, fin-nuqqas ta’ kull element grafiku jew testwali, ma għandhomx l-abitudni li jassumu l-oriġini tal-prodotti billi jibbażaw ruħhom fuq il-forma tagħhom jew il-forma tal-ippakkjar tagħhom u għalhekk jista’ jkun iktar diffiċili li jiġi stabbilit il-karattru distintiv f’dak li jirrigwarda tali trade mark tridimensjonali milli f’dak li jirrigwarda trade mark verbali jew figurattiva (ara, f’dan is-sens, is-sentenzi Develey vs UASI, punt 20 iktar ’il fuq, punt 80, u sentenza Forma ta’ ras ta’ mikrofonu, punt 19 iktar ’il fuq, punt 42).
22
Barra minn hekk, il-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju x’aktarx tvarja skont il-kategorija ta’ prodotti u ta’ servizzi inkwistjoni (sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, tat-22 ta’ Ġunju 1999, Lloyd Schuhfabrik Meyer, C-342/97, Ġabra p. I-3819, punt 26). Rigward prodotti ta’ konsum ta’ kuljum, li jinbiegħu għal prezz relattivament baxx, il-livell ta’ attenzjoni tal-konsumatur medju fir-rigward tal-aspett esterjuri tagħhom, konsegwentement, mhuwiex għoli ħafna.
23
Fl-aħħar, sabiex ikun evalwat jekk forma komposta minn diversi elementi tistax tiġi pperċepita mill-pubbliku kkonċernat bħala indikazzjoni ta’ oriġni, għandha tiġi analizzata l-impressjoni ġenerali li l-prodott jagħti b’din il-kompożizzjoni (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tad-19 ta’ Settembru 2001, Procter & Gamble vs UASI (Pillola rettangolari b’intarsjar), T-129/00, Ġabra p. II-2793, punt 54).
24
Huwa fid-dawl ta’ dawn iċ-ċirkustanzi li għandu jiġi eżaminat jekk il-Bord tal-Appell setax ġustament jikkonstata li l-forma li għaliha saret l-applikazzjoni għal reġistrazzjoni kienet nieqsa minn karattru distintiv.
25
F’dan il-każ, għandu jiġi rrilevat li l-prodotti inkwistjoni, jiġifieri l-prodotti taz-zalzett (Wurstwaren), jinbiegħu mhux biss fis-salumeriji imma wkoll fis-supermarkits, fi spazji ddedikati apposta, kif ukoll fis-settur tal-prodotti rrefriġerati. Dawn huma, għalhekk, prodotti ta’ konsum ta’ kuljum intiżi għall-konsumatur medju tal-Unjoni Ewropea.
26
Fir-rigward tal-forma mitluba, jiġifieri kompożizzjoni ta’ diversi zalzettiet, għandu jiġi kkonstatat li hija differenti mill-forma klassika u l-iktar użata tal-prodotti inkwistjoni, jiġifieri dik taz-zalzett.
27
Barra minn hekk, għandu jiġi rrilevat li din il-konstatazzjoni mhijiex ikkontestata mir-rikorrent. Fil-fatt, l-istess rikorrent isostni li l-forma mitluba hija magħmulha minn diversi zalzettiet magħqudin bejniethom b’mod li jidher li, għalkemm tixbah il-forma ta’ bretzel, mhijiex eżattament tal-istess forma. Għaldaqstant, il-Bord tal-Appell kien iġġustifikat li jikkunsidra li t-trade mark tridimensjonali li għaliha saret applikazzjoni għal reġistrazzjoni hija magħmulha minn ħames zalzettiet separati bit-truf tagħhom magħqudin ma’ xulxin. Għalhekk, hija l-evalwazzjoni tal-karattru distintiv tal-forma ta’ kompożizzjoni taz-zalzett magħmula mill-Bord tal-Appell li għandha tiġi eżaminata f’dan il-każ, u dan għandu jsir fid-dawl tal-impressjoni ġenerali li l-prodott jagħti b’din il-kompożizzjoni.
28
Fir-rigward, fl-ewwel lok, tal-argument tar-rikorrent li jgħid li l-forma mitluba għandha karattru distintiv minħabba li, fiha, iz-zalzettiet mhumiex ippreżentati b’mod separat, imma huma magħqudin, huwa biżżejjed li jiġi enfasizzat li, kif ġustament irreleva l-Bord tal-Appell, il-fatt li zalzettiet jingħaqdu wieħed mal-ieħor mit-trufijiet tagħhom sabiex jinħażnu u jinbiegħu, hija prassi komuni fil-kummerċ.
29
Fir-rigward, fit-tieni lok, tal-argument tar-rikorrent li jgħid li l-karattru distintiv tal-forma mitluba jirriżulta wkoll mill-fatt li permezz ta’ din il-kompożizzjoni z-zalzettiet ma jżommux il-forma tradizzjonali tawwalija u ttondjata tagħhom, għandu jiġi rrilevat li r-rikorrent jillimita ruħu li jipparaguna il-forma mitluba, li tikkonsisti f’kompożizzjoni ta’ diversi zalzettiet, mal-forma, li huwa jikkunsidra tipika, ta’ zalzett wieħed. Sa fejn, kif jirrikonoxxi r-rikorrent stess, il-kompożizzjoni inkwistjoni hija perċettibbli, tali paragun huwa manifestament mingħajr relevanza, b’mod li dan l-argument huwa nieqes fil-fatti.
30
Għalhekk, kuntrarjament għal dak li jsostni r-rikorrent, mill-eżami, magħmul fil-punti 28 u 29 iktar ’il fuq, taż-żewġ argumenti mqajma jirriżulta li huwa ma jurix b’liema mod il-forma mitluba tvarja b’mod sinjifikattiv mill-forma abitwali tal-preżentazzjoni taz-zalzett fil-kummerċ.
31
Mill-kunsiderazzjonijiet esposti hawn fuq jirriżulta li peress li l-prodotti inkwistjoni, jiġifieri l-prodotti taz-zalzett, huma prodotti ta’ konsum ta’ kuljum, il-konsumatur medju ma għandux jipperċepixxi l-forma mitluba bħala indikazzjoni tal-oriġini kummerċjali tal-imsemmija prodotti.
32
Din il-konklużjoni ma tistax tiġi kkonfutata bl-argument tar-rikorrent li jgħid li lanqas il-fatt li zalzett jiġi ppreżentat fil-forma ta’ kompożizzjoni, li, min-naħa tagħha, tagħti lok għal assoċjazzjoni ma’ forma magħrufa, jiġifieri dik tal-bretzel, li taqa’ taħt settur ieħor ta’ prodotti tal-ikel, ma jikkostitwixxi preżentazzjoni abitwali ta’ prodott għall-konsumatur.
33
Fil-fatt, kif jirrikonoxxi r-rikorrent stess, għalkemm tixbah il-forma tal-bretzel, il-forma mitluba mhijiex eżatt bħalha. Għalhekk, minkejja li, kif diġà ġie rrelevat fil-punt 30 iktar ’il fuq, il-forma mitluba tikkostitwixxi preżentazzjoni oriġinali, jew anki inabitwali, tal-prodotti taz-zalzett, xorta jibqa’ l-fatt li l-konsumatur medju ma jassoċjahiex ma’ dik ta’ bretzel u jipperċepiha biss bħala kompożizzjoni ta’ ħames zalzettiet magħqudin ma’ xulxin.
34
Din il-konklużjoni lanqas ma tista’ tiġi kkonfutata mill-argument tar-rikorrent li jgħid li l-forma mitluba tvarja b’mod iktar sinjifikattiv mill-forma abitwali tal-preżentazzjoni tal-prodotti inkwistjoni mill-użu ta’ forma ta’ preżentazzjoni fantasjuża tal-prodotti taz-zalzett maħsuba sabiex tippromwovi l-bejgħ hija diġà, bħala tali, fenomenu ġdid.
35
Fil-fatt, skont ġurisprudenza stabbilita, kunċett ta’ kummerċjalizzazzjoni partikolari li l-applikant għal trade mark joħloq jew li beħsiebu joħloq, li jiddependi għalhekk mill-għażla tal-impriża kkonċernata u jista’ jkun immodifikat wara r-reġistrazzjoni, huwa fattur li ma jistax ikollu konsegwenzi fuq l-evalwazzjoni tal-karattru reġistrabbli tat-trade mark [sentenzi tal-Qorti tal-Prim’Istanza, tal-20 ta’ Marzu 2002, DaimlerChrysler vs UASI (TELE AID), T-355/00, Ġabra p. II-1939, punt 42; tat-, Axions u Belce vs UASI (Forma ta’ sigarru ta’ kulur kannella u forma ta’ ingott indurat), T-324/01 u T-110/02, Ġabra p. II-1897, punt 36].
36
Mill-kunsiderazzjonijiet kollha li jippreċedu jirriżulta li l-Bord tal-Appell kien iġġustifikat li jikkunsidra li l-forma mitluba hija nieqsa minn karattru distintiv, fis-sens tal-Artikolu 7(1)(b) tar-Regolament Nru 40/94.
37
Għalhekk, hemm lok li l-uniku motiv invokat mir-rikorrent jiġi miċħud minħabba li huwa infondat u, għalhekk, hemm lok li r-rikors jiġi miċħud kollu kemm hu.
Fuq l-ispejjeż
38
Skont l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, il-parti li titlef il-kawża għandha tbati l-ispejjeż, jekk dawn ikunu ġew mitluba. Peress li r-rikorrent tilef, hemm lok li huwa jiġi kkundannat għall-ispejjeż, kif mitlub mill-UASI.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tieni Awla)
taqta’ u tiddeċiedi:
1)
Ir-rikors huwa miċħud.
2)
T. Rotter huwa kkundannat għall-ispejjeż.
Pelikánová
Jürimäe
Soldevila Fragoso
Mogħtija f’Qorti bil-miftuħ fil-Lussemburgu fil-5 ta’ Mejju 2009.
Firem
( *1 ) Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż.
Full & Egal Universal Law Academy