SENTENZA TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Awla tal-Appell)
8 ta’ Ġunju 2009
Kawża T-498/07 P
Erika Krcova
vs
Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunitajiet Ewropej
“Appell – Servizz pubbliku – Uffiċjali – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Estensjoni tal-perijodu ta’ prova – Rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova – Tkeċċija fi tmiem il-perijodu ta’ prova – Artikolu 34 tar-Regolamenti tal‑Persunal – Obbligu ta’ motivazzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku ”
Suġġett: Appell mis-sentenza tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, (It-Tieni Awla), tat-18 ta’ Ottubru 2007, Krcova vs Il‑Qorti tal-Ġustizzja, (F-112/06, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra), u intiż għall-annullament ta’ din is-sentenza.
Deċiżjoni: L-appell huwa miċħud. Erika Krcova għandha tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk sostnuti mill-Qorti tal-Ġustizzja tal‑Komunitajiet Ewropej fil-kuntest ta’ din l-istanza.
Sommarju
1. Proċedura – Motivazzjoni tas-sentenzi – Portata – Obbligu li tiddeċiedi dwar kull ksur ta’ liġi allegat
(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, Artikolu 36, u l-Anness I, Artikolu 7(1))
2. Uffiċjali – Reklutaġġ – Perijodu ta’ prova – Rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova – Redazzjoni li saret tard
(Regolamenti tal-Persunal, Artikolu 34)
3. Uffiċjali – Appelli – Att li jikkawża preġudizzju – Kunċett – Att preparatorju – Rapport ta’ tmiem il-perijodu ta’ prova – Inammissibbiltà
(Regolamenti tal-Persunal, Artikoli 34, 90, 91)
1. Jekk l-obbligu, tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li jimmotiva d-deċiżjonijiet tiegħu ma jimplikax li dan jirrispondi, fid-dettall, għall-argumenti kollha invokati mill-partijiet, b’mod partikolari meta dawn ma humiex suffiċjentement ċari u preċiżi u ma humiex ibbażati fuq provi ċirkustanzjali, huwa jimponi, tal-inqas, li jeżamina kull ksur ta’ dritt allegat ippreżentat quddiemu.
(ara l-punt 35)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 25 ta’ Ottubru 2007, Komninou et vs Il‑Kummissjoni, C‑167/06 P, li għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġabra, punt 22
2. L-għan tal-Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal huwa li jiżgura li l-uffiċjal bi prova jkun jista’ jsostni l-osservazzjonijiet tiegħu fuq l-evalwazzjonijiet tal‑evalwatur tiegħu u li l-istituzzjoni wara jkollha terminu suffiċjenti sabiex tieħu deċiżjoni dwar il-ħatra tal-parti interessata, fl-istess data, sa fejn ikun possibbli, tat-tmiem tal-perijodu ta’ prova. Jekk in-nuqqas ta’ rispett tat-termini stabbiliti fl‑Artikolu 34 tar-Regolamenti tal-Persunal jikkostitwixxi irregolarità fir-rigward tar-rekwiżiti espressi tar-Regolamenti tal-Persunal, din l-irregolarità, tkun kemm tkun spjaċevoli, ma hijiex, madankollu, sakemm l-għan segwit mill-Artikolu 34 huwa rrispettat, ta’ natura li tikkontesta l-validità ta’ tkeċċija mill-post tax-xogħol minħabba l-insuffiċjenza professjonali ta’ uffiċjal bi prova. Dan ma jippreġudikax il-possibbiltà għal din il-persuna li, meta l-imsemmija irregolarità tikkawżalha dannu, titlob kumpens mill-istituzzjoni kkonċernata.
(ara l-punt 45)
Referenza: Il-Qorti tal-Ġustizzja 12 ta’ Lulju 1973, di Pillo vs Il-Kummissjoni, 10/72 u 47/72, Ġabra p. 763, punti 23 sa 25; Il-Qorti tal-Ġustizzja 25 ta’ Marzu 1982, Munk vs Il-Kummissjoni, 98/81, Ġabra p. 1155, punti 8 sa 10; Il‑Qorti tal-Prim’Istanza 1 ta’ April 1992, Kupka-Floridi vs CES, T‑26/01, Ġabra p. II‑1615, punt 20; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 5 ta’ Marzu 1997, Rozand‑Lambiotte vs Il-Kummissjoni, T‑96/95, Ġabra SP p. I‑A‑35 u II‑97, punt 68; Il-Qorti tal-Prim’Istanza 21 ta’ Settembru 1999, Trigari-Venturin vs Centre de traduction, T‑98/98, Ġabra SP p. 1‑A‑159 u II‑821, punt 74
3. Ir-rapport fi tmien il-perijodu ta’ prova għandu n-natura ta’ att preparatorju peress li jaqa’ fil-kuntest ta’ proċedura li ma għandhiex finalità oħra ħlief li tippermetti lill-Awtorità tal-Ħatra sabiex tadotta deċiżjoni li tirrigwarda l-ħatra tal‑uffiċjal bi prova fit-tmiem tal-prova tiegħu jew, jekk ikun il-każ, it-tkeċċija tiegħu minħabba insuffiċjenza professjonali. Konsegwentement, ir-regolarità ta’ rapport fi tmiem il-perijodu ta’ prova ma tistax tiġi kkontestata mill-parti interessata ħlief b’mod inċidentali, insostenn ta’ rikors kontra d-deċiżjoni, eventwalment adottata mill-Awtorità tal-Ħatra, tat-tkeċċija tagħha fit-tmiem tal‑prova tagħha fid-dawl tal-evalwazzjonijiet negattivi li hemm fl-imsemmi rapport fi tmien il-perijodu ta’ prova.
(ara l-punt 56)
Full & Egal Universal Law Academy