26.5.2007
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 117/21
Rikors ippreżentat fit-12 ta' Marzu 2007 — Hamdi vs Il-Kunsill
(Kawża T-75/07)
(2007/C 117/34)
Lingwa tal-kawża: l-Olandiż
Partijiet
Rikorrent: Ahmed Hamdi (Amsterdam, l-Olanda) (rappreżentant: M.J.G Uiterwaal, avocat)
Konvenut: Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrent
—
Il-Pożizzjoni Komuni tal-Kunsill 2002/402/PESK (ĠU 2001, L 344, p. 93), safejn tirrigwarda r-rikorrent, intużat inġustament bħala l-bażi tar-Regolament 2001/2580/KE (ĠU 2001, L 344, p. 70), fis-sens li r-Regolament ma jorbotx lir-rikorrent;
—
Għaldaqstant, dan ir-Regolament m'għandux japplika kontra r-rikorrent;
—
Għaldaqstant, id-Deċiżjoni 2006/1008/KE tal-21 ta' Diċembru 1996 (ĠU L 379, p. 123) għandha tiġi annullata;
—
tikkundanna lil-Kunsill ibati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrent kien ġie kkundannat għal piena ta' priġunerija wara li l-qorti nazzjonali kkunsidrat li kien ġie stabbilit li r-rikorrent kien jagħmel parti minn organizzazzjoni terrorista, il-“Hofstadgroep”. Ir-rikorrent kien ressaq appell kontra din id-Deċiżjoni.
Permezz tad-Deċiżjoni 2006/1008/KE (1), il-Kunsill żied l-isem tar-rikorrent fil-lista ta' persuni u gruppi li għalihom huwa applikabbli r-Regolament Nru 2580/2001 (2).
In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent jippreċiża li kemm id-Deċiżjoni, kif ukoll ir-Regolament ġew adottati bi ksur tar-rekwiżiti proċedurali essenzjali, u li b'mod partikolari, ma kienux suffiċjentement motivati. Fir-rigward tar-Regolament, ir-rikorrent iżid li l-Kunsill ma ressaqx motivazzjoni għalfejn dan kien neċessarju fil-kuntest tas-suq komuni. Fir-rigward tad-Deċiżjoni, ir-rikorrent jippreċiża li r-raġuni għalfejn il-Kunsill sostna li kellu jkun applikabbli r-Regolament Nru 2580/2001 għar-rikorrent mhijiex motivata.
Barra min hekk, ir-rikorrent isostni li m'hemmx bażi legali għad-Deċiżjoni kkontestata. Fil-fatt, ir-Regolament imur kontra t-Trattat KE safejn dan ir-Regolament jiġi applikat għar-rikorrent. Huwa jżid li r-Regolament ikkontestat ma jipprovdix ezekuzzjoni obbligatorja ta' obbligi li jirriżultaw minn riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Barra minn hekk, m'hemm l-ebda rabta bejn ir-rikorrent u l-pajjiżi terzi jew aspetti oħra tal-PESK, tat-tip li t-tieni pilastru mhuwiex applikabbli fil-każ tar-rikorrent.
F'dan ir-rigward, ir-rikorrent iżid li l-Artikolu 308 KE ma jikkostitwixxix bażi legali peress li m'għandu l-ebda rabta mat-twettiq tas-suq komuni. Barra minn hekk, ir-Regolament ikkontestat ma jippermetti li jitwettqu l-ebda mill-għanijiet ta' l-Unjoni, li għalihom l-Artikoli 60, 301 u 308 KE ma jikkostitwixxux bażi legali suffiċjenti.
Fl-aħħar nett, ir-rikorrent jafferma li d-Deċiżjoni kkontestata tippreġudika d-drittijiet fundamentali tiegħu u b'mod partikolari tad-dritt għat-tgawdija paċifika tal-possedimenti u tar-rispett tal-ħajja privata tiegħu, kif jirriżulta mill-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali (KEDB).
(1) Deċiżjoni tal-Kunsill 2006/1008/KE, tal-21 ta' Diċembru 2006, li timplementa l-Artikolu 2(3) tar-Regolament (KE) Nru 2580/2001 dwar miżuri speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bl-għan li jiġi kkumbattut it-terroriżmu (ĠU L 379, p. 123).
(2) Regolament (KE) Nru 2580/2001, tas-27 ta' Diċembru 2001, dwar miżuri speċifiċi diretti kontra ċerti persuni u entitajiet bl-għan li jiġi kkumbattut it-terroriżmu (ĠU L 344, p. 70).
Full & Egal Universal Law Academy