23.6.2007
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 140/31
Rikors ippreżentat fis-17 ta' April 2007 — Siemens u VA TECH Transmission & Distribution vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża T-122/07)
(2007/C 140/52)
Lingwa tal-kawża: Il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Siemens Aktiengesellschaft Österreich (Vienna, l-Awstrija) u VA TECH Transmission & Distribution GmbH & Co. KEG (Vienna, l-Awstrija) (rappreżentanti: H. Wollmann u F. Urlsberger, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla l-Artikolu 1 tad-deċiżjoni kkontestata safejn jgħid li r-rikorrenti kisret l-Artikolu 81 KE u /jew l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE waqt il-perijodu bejn l-20 ta' Settembru 1988 sat-13 ta' Diċembru 2000, bejn l-1 ta' April 2002 sad-9 ta' Ottubru 2002 u bejn il-21 ta' Jannar 2004 sal-11 ta' MEjju 2004;
—
tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata safejn tikkonċerna lir-rikorrenti;
—
sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta mill-Artikolu 2(1) tad-deċiżjoni kkontestata għal ammont ta' mhux iktar minn EUR 1,980,000;
—
tikkundanna l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti jikkontestaw id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-24 ta' Jannar 2007, C (2006) 6762 finali, fil-każ COMP/F/38.899 — switchgear insulat bil-gass. Fid-deċiżjoni kkontestata ġew imposti multi fuq ir-rikorrenti u impriżi oħra għall-ksur ta' l-Artikolu 81 KE kif ukoll l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE. Skond il-Kummissjoni r-rikorrenti ħadu sehem f'sensiela ta' ftehim u prattiċi miftiehma fir-rigward tas-settur tas-“switchgear insulat bil-gass”.
In sostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu qabel kollox il-ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE, ta' l-Artikolu 23(2) u (3), tar-Regolament (KE) tal-Kunsill Nru 1/2003 (1), tas-16 ta' Diċembru 2002, kif ukoll ta' l-Artikolu 25 ta' dan ir-Regolament. F'tali kuntest, ir-rikorrenti jilmentaw li l-multa imposta fuq VA TECH Transmission & Distribution GmbH &Co. KEG tirriżula b'mod sproporzjonat iktar għolja fil-konfront tas-sanzjonijiet imposti fuq impriżi oħra. Barra minn hekk, il-mod kif il-Kummissjoni kellha l-intenzjoni tqassam bejn diversi kumpanniji l-ammont totali tal-multa jikser il-prinċipju ta' ne bis in idem. Ir-rikorrenti jsostnu wkoll li l-konvenuta evalwat ħażin it-tul tal-ksur. Barra minn hekk, il-Kummissjoni ddeċidiet mingħajr provi konklużivi li l-ksur allegat kellu bħala għan jew bħala effett ir-restrizzjoni tal-kompetizzjoni fil-Komunità sal-13 ta' Diċembru 2000. Fl-aħħar nett, fil-kuntest ta' l-ewwel motiv qed jiġi sostnut ukoll li fil-kalkolu tal-multa, b'mod żbaljat ma ttieħdux in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi attenwanti u lanqas ta' benefiċċju għall-kollaborazzjoni mogħtija.
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti jaffermaw li l-Kummissjoni kienet kisret forom sostanzjali. F'dan ir-rigward, ir-rikorrenti jilmentaw il-ksur tad-dritt li jinstemgħu.
(1) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 Diċembru 2002, fuq l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat [KE] (ĠU 2003, L 1, p. 1)
Full & Egal Universal Law Academy