23.6.2007
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 140/36
Rikors ippreżentat fid-19 ta' April 2007 — Fuji Electric Holdings u Fuji Electric Systems vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-132/07)
(2007/C 140/61)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Fuji Electric Holdings Co., Ltd (Kawasaki, Il-Ġappun) u Fuji Electric Systems Co., Ltd (Tokjo, Il-Ġappun) (rappreżentanti: P. Chapatte, P. Walter, Solicitors)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
It-talbiet tar-rikorrenti
Ir-rikorrenti jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza sabiex:
—
tannulla l-Artikolu 1(g) tad-deċiżjoni safejn tikkonstata li l-ksur attribwit minn din id-dispożizzjoni lil FEH kien jeżisti wara Settembru 2000;
—
tannulla l-Artikolu 1(h) kollu tad-deċiżjoni;
—
tannulla l-Artikolu 2(d) tad-deċiżjoni safejn jattribwixxi responsabbiltà in solidum lil FES għall-multa imposta skond din id-dispożizzjoni;
—
tannulla l-Artikolu 2(f) tad-deċiżjoni safejn jattribwixxi reponsabbiltà in solidum lil Fuji għall-multa imposta skond din id-dispożizzjoni;
—
tnaqqas il-multa imposta fuq Fuji; u
—
tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha u dawk ta' Fuji.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti ressqu rikors għal annullament, taħt l-Artikolu 230 KE, kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-24 ta' Jannar 2007 (Każ COMP/F/38.899 — Switchgear insulat bil-gass — C(2006) 6762 finali), li fiha l-Kummissjoni sabet lir-rikorrenti, flimkien ma' impriżi oħra, responsabbli għall-ksur ta' l-Artikolu 81(1) KE u mill-1 ta' Jannar 1994, ta' l-Artikolu 53 ŻEE ukoll fis-settur tas-switchgear insulat bil-gass (iktar 'il quddiem “SIG”), permezz ta' numru ta' akkordji u prattiċi miftiehma li kienu jikkonsistu minn (a) tqassim tas-suq, (b) l-allokazzjoni ta' kwoti u ż-żamma tal-partijiet tas-suq rispettivi tagħhom, (ċ) l-allokazzjoni ta' proġetti SIG individwali (influwenza eżerċitata fis-sejħiet għal offerti) lil produtturi magħżula u l-manipulazzjoni tal-proċedura tas-sejħiet għal offerti għal dawn il-proġetti, (d) l-iffissar tal-prezzijiet, (e) akkordji sabiex jintemmu ftehim ta' liċenzji ma' impriżi li mhumiex membri fil-kartell u (f) skambji ta' informazzjoni sensittiva dwar is-suq. Alternattivament, ir-rikorrenti jitolbu tnaqqis sostanzjali tal-multi imposti.
Id-Deċiżjoni żżomm lil Fuji Electric Systems (iktar 'il quddiem “FES”) responsabbli għall-parteċipazzjoni tagħha fil-ksur mill-15 ta' April 1988 sat-30 ta' Settembru 2002.
Madankollu FES tikkontesta l-fatt li pparteċipat fl-akkordju GQ u ssostni li qabel l-1 ta' Lulju 2001qatt ma kienet involuta fil-bejgħ tas-SIG, jiġifieri madwar disa' xhur wara li Fuji Electric Holdings (“FEH”) waqfet milli tipparteċipa fl-akkordju. Billi sabet li FEH kompliet tipparteċipa fl-akkordju GQ wara l-laqgħa tal-membri Ġappuniżi li saret madwar Settembru 2000, hija sostniet li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni, żball dwar il-liġi fir-rigward ta' l-oneru tal-prova kif ukoll żball dwar il-liġi fir-rigward tat-trattament ugwali.
Barra minn hekk, Fuji ssostni li m'għandhiex titqies bħala responsabbli in solidum għall-involviment ta' Japan AE Power Systems Corporation (iktar 'il quddiem “JAEPS”) fl-akkordju peress li la kellha il-kapaċità li teżerċita influwenza deċiżiva fuq JAEPS u lanqas ma kienet taf dwar l-allegata parteċipazzjoni tagħha fl-akkordju. Għaldaqstant, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni fir-rigward tal-ksur min-naħa ta' FES.
Finalment, Fuji ssostni li d-deċiżjoni hija vvizzjata minn żball manifest ta' evalwazzjoni fir-rigward tat-tul ta' żmien tal-ksur kif ukoll tar-responsabbiltà tagħha għall-allegat ksur min-naħa ta' JAEPS. Barra minn hekk, il-Kummissjoni iddeterminat inkorrettement il-valur ta' l-informazzjoni mogħtija mir-rikorrenti, billi sostniet li r-rikorrenti ma kellhomx dritt, bis-saħħa tal-Komunikazzjoni fuq il-Kooperazzjoni, għal tnaqqis fil-multa imposta fuqhom. Għaldaqstant, Fuji ssostni li l-multi imposti għandhom jitnaqqsu sostanzjalment.
Full & Egal Universal Law Academy