7.7.2007
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 155/27
Rikors ippreżentat fl-4 ta' Mejju 2007 — Schindler Holding et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-138/07)
(2007/C 155/52)
Lingwa tal-kawża: il-Ġermaniż
Partijiet
Rikorrenti: Schindler Holding Ltd (Hergiswil, l-Iżvizzera), Schindler Management AG (Ebikon, l-Iżvizzera), S.A. Schindler N.V. (Brussell, il-Belġju), Schindler Sàrl (Lussemburgu, il-Lussemburgu), Schindler Liften B.V. (L-Aja, l-Olanda) u Schindler Deutschland Holding GmbH (Berlin, il-Ġermanja) (rappreżentanti: R. Bechtold, W. Bosch, U. Soltész u S. Hirsbrunner, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-21 ta' Frar 2007 (Każ COMP/E-1/38.823 — PO/Elevators and Escalators), skond l-ewwel paragrafu ta' l-Artikolu 231 KE;
—
sussidjarjament, tnaqqas il-multa imposta mid-deċiżjoni;
—
skond l-Artikolu 87(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim'Istanza, tordna li l-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tar-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti jikkontestataw id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007)512 finali tal-21 ta' Frar 2007, fil-każ COMP/E-1/38.823 — PO/Elevators and Escalators. Bid-deċiżjoni kkontestata ġew imposti multi fuq ir-rikorrenti u fuq impriżi oħra minħabba li pparteċipaw f'akkordji fis-settur ta' l-installar u tal-manutenzjoni tal-lifts u l-iskali mobbli fil-Belġju, fil-Ġermanja, fil-Lussemburgu u fl-Olanda. Skond il-Kummissjoni, l-impriżi kkonċernati kisru l-Artikolu 81 KE.
In sostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti jinvokaw il-motivi li ġejjin:
—
ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali mill-Artikolu 23(2) tar-Regolament (KE) Nru 1/2003 (1), inkwantu din id-dispożizzjoni tagħti lill-Kummissjoni diskrezzjoni illimitata fl-iffissar tal-multa;
—
ksur tal-prinċipju ta' non-retroattività mill-multa imposta mill-Kummissjoni;
—
invalidità tal-Linji Gwida għall-kalkolu ta' l-ammont tal-multi (iktar 'il quddiem: il-Linji Gwida ta' l-1998) (2), inkwantu dawn, meta jqabblu l-ammont bażiku mal-ksur, ma jagħtux biżżejjed każ taċ-ċirkustanzi individwali u jħallu lill-Kummissjoni diskrezzjoni eċċessiva fl-iffissar tal-multa;
—
illegalità tal-produzzjoni tal-prova permezz ta' xhieda prinċipali abbażi ta' l-avviż dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f'multi (3), minħabba fil-ksur tal-prinċipju ġenerali nemo tenetur kif ukoll tad-dritt li persuna ma tinkriminax lilha nnifisha, tal-prinċipju in dubio pro reo u tal-prinċipju ta' proporzjonalità, kif ukoll minħabba f'abbuż ta' poter min-naħa tal-Kummissjoni meta adottat din ir-regola;
—
ksur tal-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri u tad-dritt għal smigħ xieraq;
—
inkompatibbiltà tad-deċiżjoni kkontestata mad-dritt internazzjonali pubbliku minħabba n-natura esproprjatorja tal-multi imposti;
—
ksur tal-Linji Gwida ta' l-1998 minħabba f'ammonti bażiċi għolja wisq meta mqabbla mal-ksur reali;
—
ksur tal-Linji Gwida ta' l-1998 billi ma tteħdux jew ma tteħdux biżżejjed in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi attenwanti;
—
ksur ta' l-avviż ta' l-2002 fuq it-trattament favorevoli minħabba fi tnaqqis bħala riżultat ta' kooperazzjoni eċċessivament baxx jew minħabba li dan it-tnaqqis ġie rrifjutat inġustament;
—
nuqqas ta' proporzjonalità ta' l-ammont tal-multa;
—
illegalità tad-deċiżjoni kkontestata fil-parti li tirrigwarda l-kumpannija Schindler Holding Ltd u Schindler Management AG, billi din id-deċiżjoni ma ġietx innotifikata lilhom kif suppost minħabba nuqqas ta' ftehim internazzjonali ma' l-Iżvizzera;
—
nuqqas ta' kundizzjonijiet għar-responsabbiltà in solidum ta' Schindler Holding Ltd;
—
ksur ta' l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003, billi nqabżu l-limiti massimi tal-multa.
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (GU L 1, p. 1).
(2) Linji ta' gwida dwar il-metodi tal-kalkoli tal-multi mposti skond l-artikolu 15 (2) tar-Regolament Nru. 17 u l-Artikolu 65 (5) tat-Trattat KEFA (GU 1998, C 9, p. 3).
(3) Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità minn multi u tnaqqis f'multi f'każijiet ta' kartell (GU 2002, C 45, p. 3).
Full & Egal Universal Law Academy