21.7.2007
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 170/36
Rikors ippreżentat fl-4 ta' Ġunju 2007 — Comité de défense de la viticulture charentaise vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-192/07)
(2007/C 170/69)
Lingwa tal-kawża: il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Comité de défense de la viticulture charentaise (Sainte-Sévère, Franza) (rappreżentant: C.-E.Gudin, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrent
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni SG-Greffe (2007) D/202076, tat-3 ta' April 2007, indirizzata lir-rappreżentant tar-rikorrent u għaldaqstant, tiddikjara null l-att ikkontestat fir-rikors preżenti;
—
tiddikjara nulla u bla effett id-deċiżjoni kollha tal-Kummissjoni li permezz tagħha din ċaħdet l-ilment tar-rikorrent.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta' deċiżjoni tat-3 ta' April 2007 il-Kummissjoni ddeċidiet li ma tilqax l-ilment tar-rikorrent dwar l-allegat ksur ta' l-Artikolu 81 KE mill-Institut National des Appellations d'Origine (INAO) fi Franza u l-allegat ksur ta' l-Artikoli 81 u 82 KE mill-kummerċjanti l-kbar ta' l-ispirtu tal-konjak (Każ COMP/38863/B2-MODEF). Permezz tar-rikors preżenti, ir-rikorrent jitlob l-annullament ta' l-imsemmija deċiżjoni.
In sostenn tar-rikors tiegħu, ir-rikorrent iressaq tliet motivi.
L-ewwel motiv huwa bbażat fuq l-allegata inkompetenza tal-membru tal-Kummissjoni li kien il-firmatarju ta' l-att ikkontestat, peress li huwa ffirma dan l-att “f' isem il-Kummissjoni”.
It-tieni nett, ir-rikorrent isostni li d-deċiżjoni mhijiex motivata suffiċjentement safejn il-Kummissjoni, fl-ittra taċ-ċaħda ta' l-ilment, ma rrispondietx għall-elementi kollha mressqa mir-rikorrent.
Permezz tat-tielet motiv tiegħu, ir-rikorrent jallega li l-Kummissjoni ma eżaminatx l-ilment b'biżżejjed serjetà.
Full & Egal Universal Law Academy