25.8.2007
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 199/38
Rikors ippreżentat fl-4 ta' Ġunju 2007 — Ir-Repubblika Ċeka vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-194/07)
(2007/C 199/74)
Lingwa tal-kawża: iċ-Ċek
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika Ċeka (rappreżentant: T. Boček, aġent)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
—
tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 1294 finali tas-26 ta' Marzu 2007 dwar il-pjan nazzjonali ta' l-allokazzjonijiet ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra, innotifikat mir-Repubblika Ċeka skond id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87/KE. (1) Skond id-deċiżjoni kkontestata, ċertu aspetti mill-pjan nazzjonali ta' l-allokazzjonijiet tar-Repubblika Ċeka mhumiex konformi ma' l-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE.
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87/KE, kif ukoll il-prinċipju ta' ċertezza legali u ta' l-aspettattivi leġittimi, billi naqset milli tippubblika d-deċiżjoni kkontestata fit-terminu stabbilit bl-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87/KE.
Barra minn hekk, ir-rikorrenti tosserva li l-Kummissjoni eċċediet il-poteri tagħha u għaldaqstant kisret l-Artikolu 9(3) meħud flimkien ma' l-Artikoli 9(1) u 11(2) tad-Direttiva 2003/87/KE, peress li, fid-deċiżjoni kkontestata, hija applikat il-metodu tagħha biex tiffissa il-kwantità massima ta' kwoti u abbażi ta' dan il-metodu hija de facto stabbiliet, b'mod vinkolanti, il-kwantità totali ta' kwoti li r-Repubblika Ċeka hija intitolata li talloka.
Anki li kieku l-Kummissjoni kienet intitolata li tuża l-metodi tagħha biex tistabbilixxi li l-pjan nazzjonali ta' l-allokazzjonijiet huwa konformi ma' dak li titlob id-Direttiva 2003/87/KE, hija kisret l-Artikolu 9(3) ta' dik id-Direttiva peress li (i) il-metodu li hija użat la kien trasparenti u lanqas oġġettiv u (ii) il-kwantità ta' kwoti ta' emissjonijiet li rriżultaw mhumiex konformi mal-kriterji stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE.
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87/KE billi naqset milli tagħti raġunijiet suffiċjenti.
(1) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87/KE tat-13 ta' Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU 2003 L 275, p. 32).
Full & Egal Universal Law Academy