25.8.2007
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 199/41
Rikors ippreżentat fis-26 ta' Ġunju 2007 — Ir-Repubblika ta' l-Ungerija vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża T-221/07)
(2007/C 199/77)
Lingwa tal-kawża:L-Ungeriż
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika ta' l-Ungerija (rappreżentant: J. Fazekas, aġent)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' April 2007 dwar il-pjan nazzjonali ta' l-allokazzjonijiet ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra nnotifikat mill-Ungerija skond id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87/KE [C (2007) 1689 finali], u
—
tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti tikkontesta d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni, adottata fis-16 ta' April 2007, dwar il-pjan nazzjonali ta' l-allokazzjonijiet ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra nnotifikat mill-Ungerija skond id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87/KE (1). Skond id-deċiżjoni kkontestata, il-pjan nazzjonali ta' l-allokazzjonijiet ta' l-Ungerija ma jissoddisfax ċerti kriterji stabbiliti fl-Anness III tad-Direttiva 2003/87/KE.
Fir-raġunijiet tagħha għar-rikors, ir-rikorrenti ssostni li d-Direttiva 2003/87/KE, u b'mod partikolari l-Artikolu 9(3), ma tagħtix lill-Kummissjoni s-setgħa li tiddetermina l-kwantità totali ta' kwoti li jistgħu jiġu allokati mill-Istati Membri mingħajr ma tieħu assolutament in kunsiderazzjoni l-pjanijiet nazzjonali stabbiliti u nnotifikati mill-Istati Membri skond l-Artikoli 9(1) u 11(2) ta' din id-Direttiva u l-kwantità totali ta' kwoti li jistgħu jiġu allokati kif stabbilit mill-Istati Membri fl-imsemmija pjanijiet.
Min-naħa l-oħra, li kieku l-Qorti tal-Prim'Istanza kellha tikkunsidra li l-Kummissjoni eċċediet is-setgħa mogħtija lilha mid-Direttiva 2003/87/KE, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni meta vverifikat il-kwantità totali ta' kwoti li jistgħu jiġu allokati, imsemmija fil-pjan nazzjonali ta' l-allokazzjonijiet. Skond il-Gvern Ungeriż, il-Kummissjoni, meta wettqet l-evalwazzjoni, minn naħa, ma ħaditx in kunsiderazzjoni d-data u l-kalkoli eżistenti fil-pjan ta' l-allokazzjonijiet, bi ksur tal-prinċipju ta' proporzjonalità, u, min-naħa l-oħra, għamlet użu minn data evidentement żbaljati u kalkoli inadegwati li neċessarjament wasslu sabiex il-kwantità totali tiġi meqjusa bħala żbaljata.
Hija ssostni barra minn hekk li, fil-kuntest tal-proċeduri, il-konvenuta kisret il-prinċipju ta' kooperazzjoni leali, safejn, minn naħa, iddefiniet il-metodu ta' kalkolu u d-data użati biex tistabbilixxi l-kwantità totali ta' kwoti li jistgħu jiġu allokati mingħajr konsultazzjoni stretta ma' l-Istati Membri — fosthom l-Ungerija — u, min-naħa l-oħra, ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mir-rikorrenti, li l-Kummissjoni stess kienet talbet waqt il-proċeduri.
Ir-rikorrenti ssostni fl-aħħar nett li l-Kummissjoni ma ssodisfatx b'mod suffiċjenti l-obbligu ta' motivazzjoni tagħha, peress li, fl-ewwel lok, naqset milli tipprovdi raġunijiet għalfejn ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-pjan ta' l-allokazzjonijiet innotifikat mill-Ungerija u d-data u l-kalkoli li jinsabu fih, fit-tieni lok, ma pprovdiet l-ebda ġustifikazzjoni fir-rigward ta' l-idoneità tad-data u tal-kalkoli użati minnha u, fit-tielet lok, ma pprovdietx raġunijiet għalfejn ma ħaditx in kunsiderazzjoni l-informazzjoni addizzjonali pprovduta mir-Repubblika ta' l-Ungerija li l-Kummissjoni stess kienet talbet waqt il-proċeduri.
(1) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87/KE, tat-13 ta' Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, p. 32).
Full & Egal Universal Law Academy