8.9.2007
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 211/53
Rikors ippreżentat fit-13 ta' Lulju 2007 — Il-Litwanja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-262/07)
(2007/C 211/100)
Lingwa tal-kawża: il-Litwan
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Litwanja (rappreżentanti: D. Kriaučiūnas u E. Matulionytė)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-4 ta' Mejju 2007 [notifikata taħt in-numru C(2007)1979] (1); u sussidjarjament tannulla l-imsemmija deċiżjoni safejn ir-Repubblika tal-Litwanja hija d-destinatarja tagħha;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Id-deċiżjoni kkontestata tistabilixxi l-kwantitajiet ta' prodotti agrikoli f'ċirkolazzjoni ħielsa fit-territorju ta' l-Istati Membri ġodda fid-data ta' l-adeżjoni u li jaqbżu l-kwantitajiet li setgħu jiġu kkunsidrati bħala livell normali ta' stokk fl-1 ta' Mejju 2004 u l-ammonti li għalihom huma responsabbli l-Istati Membri ġodda sabiex ikopru l-ispejjeż ta' l-eliminazzjoni ta' dawn il-kwantitajiet.
Ir-rikorrenti tqis li d-deċiżjoni kkontestata hija illegali. Hija tinvoka erba' motivi in sostenn tar-rikors tagħha.
1. Nuqqas ta' kompetenza.
Ir-rikorrenti tqis li l-paragrafu 4 tal-Kapitolu 4 ta' l-Anness IV l-Att ta' l-Adeżjoni ma jagħtix lill-Kummissjoni l-kompetenza sabiex timponi fuq l-Istati Membri ħlasijiet lill-baġit Komunitarju li jkollhom natura penali, b'mod partikolari jekk hija ma tkunx ippruvat ir-realtà ta' l-ispejjeż sostnuti mill-Komunità sabiex telimina l-istokk żejjed; barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ħalliet it-terminu ta' tliet snin iffissat mill-Artikolu 41 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni jiskadi qabel ħadet deċiżjoni taħt dan l-istess artikolu, li huwa l-unika dispożizzjoni li tista' tipprovdi bażi legali għad-deċiżjoni in kwistjoni.
2. Ksur tad-dritt Komunitarju
Ksur tal-prinċipju taċ-ċertezza legali: id-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju taċ-ċertezza legali, peress li l-metodi u l-kriterji tal-kalkolu ta' l-istokk ma kinux magħrufa fiż-żmien ta' l-adeżjoni, jiġifieri fil-mument li kellu jiġi ddeterminat l-istokk eżistenti, għarfien dan li permezz tiegħu l-Istati Membri kienu jkunu jistgħu jevitaw li jinħoloq stokk żejjed jew jeliminaw dan l-istokk bi spejjeż ta' l-operatur li jkun ħoloq dan l-istokk żejjed. Barra minn hekk, id-deċiżjoni kkontestata stabbilixxiet ukoll kriterji oħra u estendiet il-lista tal-prodotti kkonċernati meta mqabbla ma' l-Artikolu 4 tar-Regolament Nru 1972/2003, li bis-saħħa tiegħu l-Istati jeżerċitaw kontroll fuq il-kostituzzjoni ta' l-istokk żejjed.
Ksur tal-prinċipju ta' non diskriminazzjoni: b'mod differenti mir-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 144/97 dwar id-determinazzjoni ta' stokkijiet żejda ta' prodotti agrikoli fl-Awstrija, fl-Iżvezja jew fil-Finlandja, id-deċiżjoni kkontestata tevalwa mhux biss il-prodotti li jibbenifikaw minn rifużjonijiet fuq l-esportazzjoni jew minn miżuri ta' intervent, iżda wkoll l-istokkijiet ta' prodotti oħra. L-imsemmi prinċipju ġie miksur ukoll billi s-sitwazzjonijiet differenti ta' l-Istati Membri ġodda ġew ittratti bl-istess mod u billi ċ-ċirkustanzi speċifiċi li fihom inħolqu dawn l-istokkijiet ma ttieħdux in kunsiderazzjoni mingħajr ġustifikazzjoni.
Ksur tal-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba u tat-trasparenza: id-deċiżjoni kkontestata ma tesponix b'mod eżawrjenti l-kriterji tal-kalkolu tal-pagamenti, kriterji li, barra minn hekk, jinbidlu b'mod kontinwu. Barra minn hekk, minkejja li l-Istati Membri kienu evalwaw huma stess l-istokk skond il-liġi Komunitarja, il-Kummissjoni, mingħajr ma indikat b'liema mod din l-evalwazzjoni ma kinitx eżatta u mingħajr ma kkontestatha, ipproċediet għal evalwazzjoni ġdida ta' l-istess stokk billi applikat il-kriterji tagħha.
Ksur tal-dispożizzjonijiet ta' l-Att ta' l-Adeżjoni: fl-ewwel lok, id-deċiżjoni mhijiex adattata għat-twettiq ta' l-għanijiet ta' l-eliminazzjoni ta' l-istokk żejjed prevista fil-paragrafu 2 tal-Kapitolu 4 ta' l-Anness IV ta' l-Att ta' l-Adeżjoni, b'mod partikolari minħabba l-fatt li lanqas biss sar attentat f'din id-deċiżjoni li l-multi imposti jintrabtu ma' l-ispejjeż ta' l-eliminazzjoni ta' l-istokk verament sostnuti mill-Komunità. Fit-tieni lok, id-deċiżjoni ġiet adottata meta kien diġà skada t-terminu ta' tliet snin mid-data ta' l-adeżjoni previst fl-Artikolu 41 ta' l-Att ta' l-Adeżjoni, li fih il-Kummissjoni setgħet tieħu miżuri tranżitorji.
3. Nuqqas ta' motivazzjoni
Skond ir-rikorrenti, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex debitament motivata, jew hija totalment nieqsa minn motivazzjoni; b'mod partikolari, f'din l-istess deċiżjoni mhuwiex indikat li (u sa liema livell) il-Komunità kienet effettivament sostniet xi spejjeż minħabba l-eliminazzjoni ta' l-istokk żejjed in kwistjoni, spejjeż li l-Istati Membri għandhom ikopru.
4. Żball manifest ta' evalwazzjoni
Ir-rikorrenti tafferma li l-Kummissjoni wettqet xi żbalji manifesti ta' evalwazzjoni peress li, fl-ewwel lok, hija għażlet metodu tal-makroekonomija u ma evalwatx l-istokkijiet effettivament maħluqa fl-Istati Membri u, fit-tieni lok, waqt l-evalwazzjoni ta' l-argumenti speċifiċi mressqa mill-partijiet, hija ma kkunsidratx iċ-ċirkustanzi speċifiċi u oġġettivi li jeżistu fir-Repubblika tal-Litwanja f'dak li jirrigwarda l-kostituzzjoni ta' l-istokkijiet nazzjonali fis-settur tal-ħalib.
(1) Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/361/KE, ta' l- 4 ta' Mejju 2007, dwar id-determinazzjoni ta' stokkijiet żejda ta' prodotti agrikoli barra z-zokkor u l-konsegwenzi finanzjarji ta' l-eliminazzjoni tagħhom fir-rigward ta' l-adeżjoni tar-Repubblika Ċeka, l-Estonja, Ċipru, il-Latvja, il-Litwanja, l-Ungerija, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u s-Slovakkja (ĠU L 138, p. 14).
Full & Egal Universal Law Academy