24.11.2007
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 283/29
Rikors ippreżentat fl-24 ta' Lulju 2007 — Dimos Peramatos vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-312/07)
(2007/C 283/53)
Lingwa tal-kawża: Il-Grieg
Partijiet
Rikorrent: Dimos di Perama (Perama, Il-Greċja) (rappreżentanti: avv.ti G. Gerapetritis, P. Petropoulos)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata b'mod li jintemm kull obbligu għar-restituzzjoni tas-somom imħallsa fil-kuntest tal-programm LIFE97/ENV/GR/000380 jew, sussidjarjament, li tiġi emendata d-deċiżjoni kkontestata fis-sens li tipprevedi l-ħlas tas-somma ta' EUR 93 795,32 li tikkostitwixxi l-limitu ta' spejjeż li mhumiex eliġibbli, kif sostniet il-Kummissjoni stess;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż tal-kawża u l-ispejjeż ta' l-avukat tar-rikorrent.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikors preżenti huwa intiż għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-7 ta' Diċembru 2005 dwar l-avviż ta' debitu Nru 3240504536 maħruġ fil-konfront ta' Dimos di Perama għall-irkupru ta' l-ispejjeż imħallsa mill-Kummissjoni fil-kuntest ta' sussidju finanzjarju mogħti lil Dimos di Perama permezz tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(97)1997/29 finali, li l-eżekuzzjoni tagħha ġiet innotifikata lir-rikorrent fis-17 ta' Mejju 2007 permezz tal-Marixxal tal-Qorti.
Ir-rikorrent jinvoka żball ta' fatt u interpretazzjoni żbaljata tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni. B'mod partikolari, ir-rikorrent jafferma li l-obbligu tiegħu jirrigwarda biss it-tħawwil tas-siġar u f'ebda każ ma jirrigwarda s-sopravivenza eventwali tagħhom, peress li l-qerda sussegwenti tagħhom ma setgħetx tiġi attribwita lil Dimos. Madankollu, r-rikorrent isostni li l-obbligu legali tiegħu ntemm meta wettaq l-attività tiegħu, u fir-rigward ta' din, ma kienx possibbli li jsir l-irkupru tas-somom, minbarra fil-każijiet fejn id-dokumenti ta' ġustifikazzjoni li ġew ippreżentati ssodisfaw il-kundizzjonijiet ta' eliġibilità stabbiliti mid-deċiżjoni.
Barra minn hekk, ir-rikorrent jafferma li d-deċiżjoni kkonstestata tikser il-prinċipji fundamentali ta' l-obbligu ta' motivazzjoni ta' l-atti ta' l-istituzzjonijiet Komunitarji u taċ-ċertezza legali.
Full & Egal Universal Law Academy