20.10.2007
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 247/37
Rikors ippreżentat fl-24 ta' Awwissu 2007 — Jones et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-320/07)
(2007/C 247/61)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Glenn Jones u Daphne Jones (Neath, Wales), FForch-y-Garron Coal Company Ltd (Neath, Wales), Demond Ivor Evans u David Raymond Evans (Maesteg, Wales) (rappreżentant: D.I.W. Jeffreys, Solicitor)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunatijiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Ġunju 2007 fil-każ COMP/37.037 dwar l-ilment tar-rikorrenti dwar diskrimazzjoni fil-prezz illegali minn Central Electricity Generating Board;
—
tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tar-rikorrenti għal dawn il-proċeduri.
Motivi u argumenti prinċipali
Dan huwa rikors ippreżentat skond l-Artikolu 230 KE għall-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' Ġunju 2007 (każ COMP/37.037 — SWSMA) li tiċħad ilment skond liema prattiċi fil-prezzijiet adottati minn Central Electricity Generating Board fil-perijodu bejn 1984 u 1990 fir-rigward ta' produtturi tal-faħam kienu jikkostitwixxu diskrimazzjoni fil-prezz illegali fir-rigward ta' produtturi privati tal-faħam li jinkludu r-rikorrenti, li kienet tmur kontra l-Artikolu 4(b) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Faħam u l-Azzar li dak iż-żmien kien fis-seħħ.
Ir-rikorrenti jsostnu li, meta waslet għal din id-deċiżjoni, il-Kummissjoni wettqet numru ta' żbalji fundamentali ta' dritt u/jew ta' evalwazzjoni u b'hekk, id-deċiżjoni għandha tiġi annullata.
Ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kienet żbaljata fid-dritt li tikkunsidra l-kwistjoni ta' diskrimazzjoni fil-prezzijiet fuq livell nazzjonali milli b'referenza għas-suq lokali li fih ir-rikorrenti kienu joperaw. Minbarra dan, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta qalet li l-mini privati li għandhom liċenzja setgħu jipprovdu biss ammonti limitati ta' faħam u għal żmien qasir, b'kunsiderazzjoni tad-daqs tal-faċilitajiet tal-mini u l-politika ta' għoti ta' liċenzji tal-British Coal Corporation. Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta kkonkludiet li peress li t-Trattat KEFA kien skada u li m'għandhiex aktar kompetenza esklużiva fir-rigward ta' ksur ta' dan it-Trattat, deċiżjoni tal-Kummissjoni ma kinitx aktar meħtieġa qabel ma ġiet mitluba protezzjoni ġuridka quddiem il-qrati nazzjonali.
Full & Egal Universal Law Academy