24.11.2007
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 283/35
Rikors ippreżentat fis-26 ta' Settembru 2007 — Il-Litwanja vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-368/07)
(2007/C 283/64)
Lingwa tal-kawża: Il-Litwan
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika tal-Litwanja (rappreżentant: D. Kriaučiūnas, aġent)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tiddikjara l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 3407 finali tat-13 ta' Lulju 2007 (1).
—
tikkundanna l-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata, li ġiet innotifikata lilha fis-16 ta' Lulju 2007, hija illegali minħabba l-motivi li ġejjin:
1. Il-Kummissjoni eċċediet is-setgħa mogħtija lilha
Ir-rikorrenti ssostni li, billi ħadet deċiżjoni unilaterali fir-rigward tal-kontenut definittiv tal-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni tal-Litwanja, il-Kummissjoni eċċediet is-setgħa mogħtija lilha mid-Direttiva 2003/87/KE safejn, minkejja li d-dispożizzjonijiet ta' din id-direttiva jagħtu l-Kummissjoni s-setgħa li tevalwa l-pjanijiet nazzjonali ta' allokazzjoni ppreparati mill-Istati Membri, ma jagħtuha l-ebda setgħa li tiddetermina kwantitajiet totali ta' kwoti għall-emissjoni ta' tniġġis filwaqt li ma tħarisx b'mod dettaljat lejn il-pjanijiet nazzjonali ta' allokazzjoni ppreparati u ppreżentati mill-Istati Membri.
2. Ksur tad-Dritt Komunitarju Ewropew
2.1.
Nuqqas milli tikkunsidra l-għanijiet tad-Direttiva 2003/87/KE: billi ddeċidiet, fid-deċiżjoni kkontestata, dwar kwota nazzjonali għall-emissjonijiet għall-perijodu bejn l-2008 u l-2012 li hija iktar baxxa minn dik meħtieġa fid-dawl ta' l-obbligi li l-Litwanja assumiet skond il-Protokoll ta' Kjoto għall-Ftehim Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti fuq il-Bidla fil-Klima, il-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra l-għanijiet attwali tad-Direttiva 2003/87 bħala strument effettiv, mill-aspett ekonomiku, sabiex twettaq l-obbligi tal-partijiet għall-Protokoll ta' Kjoto fir-rigward ta' l-emissjonijiet ta' gassijiet serra.
2.2.
Ksur tal-prinċipji ta' l-amministrazzjoni korretta u kooperazzjoni ġenwina: id-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipji ta' l-amministrazzjoni korretta u l-kooperazzjoni ġenwina minħabba li l-Kummissjoni, billi ma tatx każ l-evalwazzjoni magħmula meta kien qed isir il-pjan nazzjonali Litwan ta' allokazzjoni u billi essenzjalment naqset milli tikkonsulta l-Litwanja, wettqet evalwazzjoni separata bbażata fuq metodi magħżula minnha stess bl-għan li tiddetermina l-kwantità massima ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' tniġġis.
2.3.
Ksur tad-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/87/KE u ksur tal-prinċipju ta' ċertezza legali: id-deċiżjoni kkontestata tikser l-Artikoli 9(1) u 11(2) tad-Direttiva 2003/87 safejn, b'nuqqas ta' kunsiderazzjoni għall-figuri mniżżlin fil-pjan nazzjonali Litwan ta' allokazzjoni, u billi ċaħdet il-metodu ta' kalkolu adottat mil-Litwanja minħabba li ma kienx approprjat, il-Kummissjoni bbażat ruħha esklużivament u unikament fuq il-figuri li kisbet bl-applikazzjoni tal-metodu li hija stess kienet għażlet sabiex tiddetermina l-kwantità massima ta' kwoti għall-emissjonijiet ta' tniġġis li kellha tiġi allokata. Barra minn hekk, billi applikat din il-metodoloġija, li dwarha l-Litwanja ma kinitx infurmata, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' ċertezza legali.
2.4.
Ksur tal-prinċipju ta' non diskriminazzjoni: id-deċiżjoni kkontestata tikser il-prinċipju ta' non diskriminazzjoni safejn il-Kummissjoni, li applikat il-metodu magħżul minnha stess sabiex tiddetermina l-kwantità massima ta' kwoti għall-emissjonijiet ta' tniġġis, naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni s-sitwazzjoni speċifika tal-Litwanja. Id-deċiżjoni wasslet ukoll sabiex sitwazzjonijiet li huma essenzjalment differenti jiġu trattati bl-istess mod.
2.5.
Non konformità ma' l-Artikolu 9(1) u (3) tad-Direttiva 2003/87/KE u mar-raba' kriterju ta' l-Anness III għal din id-direttiva: id-deċiżjoni kkontestata tikser l-obbligu li jinsab fl-Artikolu 9 tad-Direttiva 2003/87 u bbażat fuq il-kriterji elenkati fl-Anness III tagħha safejn tonqos, mingħajr raġuni, milli tieħu in kunsiderazzjoni r-raba' kriterju f'dak l-anness u tal-bżonn tal-Litwanja li żżid l-iġġenerar ta' l-elettriku mill-impjanti li jaħarqu karburant fossili minħabba li mpenjat ruħha li tagħlaq l-impjant atomiku li jiġġenera l-elettriku ta' Ignalina sa l-2009.
3. Ksur ta' rekwiżiti proċedurali essenzjali taħt id-Dritt tal-Komunità Ewropea
Ir-rikorrenti ssostni li d-deċiżjoni kkontestata kienet adottata b'mod li nkisru rekwiżiti proċedurali essenzjali safejn, l-ewwel nett, il-Kummissjoni kisret id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva 2003/87/KE billi essenzjalment irrifjutat, fid-deċiżjoni kkontestata, li tirrevedi d-Deċiżjoni C(2006) 5613 finali, u t-tieni nett, id-deċiżjoni kkontestata mhijiex immotivata kif suppost u adegwatament u għalhekk ir-rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 253 KE u l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87 inkisru. Barra minn hekk, il-Kummissjoni naqset milli tikkonforma ruħha mar-rekwiżit proċedurali ta' din id-direttiva għal dak li jirrigwarda t-tul ta' żmien li fih għandha ssir l-evalwazzjoni.
4. Evalwazzjoni manifestament żbaljata
Skond ir-rikorrenti, meta eżaminat il-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni tal-Litwanja kif emendat, il-Kummissjoni, l-ewwel nett, naqset milli tieħu in kunsiderazzjoni ċ-ċirkustanzi speċifiċi u oġġettivi li ġew sostnuti mil-Litwanja u li taw lok għal żieda fl-emissjonijiet ta' tniġġis, u, it-tieni nett, applikat metodu inapproprjat ta' kalkolu u bbażat ruħha fuq data mhux preċiża, li rriżulta fl-iffissar ta' kwantità massima żbaljata ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra mogħtija lil-Litwanja.
(1) Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Lulju 2007 dwar l-emenda tal-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni għall-kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra nnotifikat mil-Litwanja skond l-Artikolu 3(3) tad-Deċiżjoni ta-Kummissjoni C(2006) 5613 finali fuq il-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni għall-kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra nnotikat mil-Litwanja taħt id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2003/87/KE.
Full & Egal Universal Law Academy