12.1.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 8/19
Rikors ippreżentat fit-8 ta' Novembru 2007 — Union Nationale de l'Apiculture Française et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-403/07)
(2008/C 8/35)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Union Nationale de l'Apiculture Française (Pariġi, Franza), Deutscher Berufs- und Erwerbsimkerbund eV (Soltau, il-Ġermanja), Unione Nazionale Associazioni Apicoltori Italiani (Castel San Pietro Terme, l-Italja) u Asociación Galega de Apicultura (Santiago de Compostela, Spanja) (rappreżentant: B. Fau, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tiddikjara ammissibbli r-rikors għal annullament tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/52/KE tas-16 ta' Awwissu 2007;
—
tannulla d-Direttiva tal-Kummissjoni 2007/52/KE tas-16 ta' Awwissu 2007;
—
tordna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz ta' dan ir-rikors, ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Direttiva tal-Kummissjoni Nru 2007/52/KE tas-16 ta' Awwissu 2007, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 91/414/KEE, li tikkonċerna t-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, sabiex tinkludi l-ethoprophos, il-pirimiphos-methyl u l-fipronil bħala sustanzi attivi (1).
In sostenn tar-rikors għal annullament tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw tliet motivi.
L-ewwel nett, huma jsostnu li d-direttiva kkontestata ttieħdet bi ksur tar-regoli tal-proċedura li, skond ir-rikorrenti, japplikaw għall-Kummissjoni. Fl-opinjoni tar-rikorrenti, anki jekk il-Kunsill seta' legalment jiddelega lill-Kummissjoni sabiex, permezz ta' direttiva, tadotta l-miżuri eżekuttivi neċessarji għall-implementazzjoni tad-Direttiva 91/414/KEE, hija m'għandha l-ebda setgħa sabiex temenda l-imsemmija direttiva, b'mod partikolari fir-rigward ta' l-obbligi imposti fuq l-Istati Membri. Ir-rikorrenti jsostnu li d-direttiva kkontestata mhijiex sempliċi direttiva ta' applikazzjoni iżda direttiva li temenda d-Direttiva 91/414/KEE u, bħala tali, kellha tiġi adottata skond il-proċedura li teżiġi li l-Parlament Ewropew jiġi kkonsultat minn qabel. Fin-nuqqas ta' tali konstatazzjoni, din hija vvizzjata minn difett proċedurali.
Barra minn hekk, ir-rikorrenti jallegaw li, bl-iskuża ta' emendi tal-proċeduri nazzjonali ta' awtorizzazzjoni fuq it-tqegħid fis-suq ta' prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti, id-direttiva kkontestata tikser fil-verità ir-regoli uniformi ta' evalwazzjoni previsti mid-Direttiva prinċipali 91/414/KEE għall-inklużjoni ta' sustanza attiva fl-Anness I tagħha.
(1) ĠU L 214, p. 3.
Full & Egal Universal Law Academy