9.2.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 37/24
Rikors ippreżentat fis-27 ta' Novembru 2007 — BP Aromatics vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-429/07)
(2008/C 37/37)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: BP Aromatics (Sunbury on Thames, ir-Renju Unit) (rappreżentanti: A. Renshaw u G. Bushell, Solicitors)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata;
—
tikkundanna lill-konvenuta u lil kull parti li tiġi awtorizzata tintervjeni fil-proċedimenti jbatu l-ispejjeż; u
—
tieħu kwalunkwe miżura oħra li l-Qorti tal-Prim Istanza jidrilha li tkun opportuna.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 3202 finali ta' l-10 ta' Lulju 2007 li fiha l-Kummissjoni kkonstatat li l-għajnuna mogħtija mill-Istat, notifikata mill-awtoritajiet Portugużi, favur Artensa (Artensius) għall-bini ta' impjant ġdid għall-produzzjoni ta' prodotti kimiċi hija kompatibbli mas-suq komuni fis-sens ta' l-Artikolu 87(3)(a) KE.
In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni kisret l-Artikoli 87 u 88 KE, ir-regoli relattivi għall-applikazzjoni tagħhom, ċerti rekwiżiti proċedurali essenzjali u numru ta' prinċipji tad-dritt Komunitarju, peress li l-Kummissjoni:
—
interpretat u applikat b'mod żbaljat il-qafas multi-settorali ta' għajnuna reġjonali favur proġetti kbar ta' investiment 2002 (1), li jirrikjedi analiżi bbażata fuq is-suq taż-ŻEE u mhux fuq is-suq dinji;
—
għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkonkludiet li s-suq rilevanti għall- aċidu tereftaliku ppurifikat (purified terephthalic acid) kien is-suq dinji meta, skond ir-rikorrenti, is-suq rilevanti huwa s-suq taż-ŻEE;
—
għamlet żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkonkludiet li s-sehem tal-bejgħ rilevanti ta' Artensa kien ser ikun taħt il-25 % meta, fil-verità, dan se jeċċedi l-25 %, meta jiġi kkalkulat b'referenza għas-suq taż-ŻEE.
Skond ir-rikorrenti, li kieku l-Kummissjoni għamlet analiżi dettaljata u tajba tas-suq ŻEE għall-aċidu tereftaliku ppurifikat, hija kien ikollha problemi kbar biex tiddeċiedi jekk l-għajnuna hijiex kompatibbli mas-suq komuni, liema fatt kien iwassal għall- bżonn li tinfetaħ il-proċedura ta' investigazzjoni formali, skond l-Artikolu 88(2) KE.
Skond ir-rikorrenti, il-fatt li l-Kummissjoni kellha, waqt l-investigazzjoni preliminari, dubji serji meta evalwat l-għajnuna, u li għaldaqstant, b'mod konformi ma' l-Artikolu 88(2) KE, imissha fethet il-proċedura ta' investigazzjoni formali, huwa kkoroborat mill-ħin li għadda bejn in-notifika mill-awtoritajiet Portugiżi u l-adozzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
Minbarra dan ir-rikorrenti ssostni li d-drittijiet proċedurali tagħha ġew miksura peress li l-Kummissjoni ma fetħitx, b'mod konformi ma' l-Artikolu 88(2) KE, proċedura ta' investigazzjoni formali, kif suppost għamlet.
Finalment, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ma osservatx l-obbligu tagħha ta' motivazzjoni li jirriżulta mill-Artikolu 253 KE.
(1) Komunikazzjoni tal-Kummissjoni — Qafas multi-settorali ta' għajnuna reġjonali favur proġetti kbar ta' investiment (innotifikata bid-dokument Nru C(2002) 315 (ĠU 2002 C 70, p. 8) (traduzzjoni mhux uffiċjali).
Full & Egal Universal Law Academy