26.1.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 22/49
Rikors ippreżentat fid-29 ta' Novembru 2007 — Franza vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-432/07)
(2008/C 22/92)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Repubblika Franċiża (rappreżentanti: G. de Bergues u A. L. During, aġenti)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2007/647/KE tat-3 ta' Ottubru 2007 li teskludi mill-finanzjament Komunitarju ċerti nefqiet magħmula mill-Istati Membri taħt it-Taqsima Garanzija tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Gwida u l-Garanzija (FAEGG) (1) inkwantu din id-Deċiżjoni teskludi ċerti nefqiet magħmula mir-rikorrenti favur l-organizzazzjonijiet tal-produtturi ta' ħaxix u frott fir-rigward tas-snin finanzjarji 2003 u 2004;
—
tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni kkontestata għar-raġuni li l-Kummissjoni interpretat u applikat b'mod żbaljat l-Artikolu 11 tar-Regolament tal-Kunsill Nru 2200/96 (2) meta kkunsidrat li l-Gvern Franċiż ma kienx osserva l-kundizzjonijiet stabbiliti minn din id-dispożizzjoni għar-rikonoxximent ta' l-organizzazzjonijiet tal-produtturi ta' ħaxix u frott.
(1) Notifikata taħt id-dokument numru C(2007) 4477, ĠU L 261, p. 28.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2200/96 tat-28 ta' Ottubru 1996 dwar l-organizzazzjoni komuni tas-suq fil-frott u l-ħxejjex (ĠU L 297, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy