26.1.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 22/49
Rikors ippreżentat fit-22 ta' Novembru 2007 — Ryanair vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-433/07)
(2008/C 22/93)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Ryanair Ltd (Dublin, l-Irlanda) (rappreżentant: E. Vahida, lawyer)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tiddikjara skond l-Artikolu 232 KE li l-Kummissjoni naqset milli tieħu azzjoni skond l-obbligi li hija għandha taħt it-Trattat KE billi ma ħaditx pożizzjoni fir-rigward ta' l-ilment tar-rikorrenti ppreżentat lill-Kummissjoni fit-22 ta' Diċembru 2006, segwit b'ittra ta' notifika formali tat-2 ta' Awwissu 2007;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż kollha, inklużi l-ispejjeż sostnuti mir-rikorrenti fil-proċedimenti anki jekk, wara l-preżentata tar-rikors, il-Kummissjoni tieħu azzjoni li fl-opinjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tneħħi l-ħtieġa li tingħata d-deċiżjoni jew jekk il-Qorti tal-Ġustizzja tiċħad ir-rikors bħala inammissibbli;
—
tieħu kull azzjoni oħra li l-Qorti tal-Ġustizzja tista' tqis adatta.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tieħu azzjoni billi ma ddefinixxitx il-pożizzjoni tagħha, wara li ġiet mistiedna tagħmel dan, taħt l-Artikolu 232 KE, fuq il-bażi ta' l-ilment tar-rikorrenti ppreżentat fit-22 ta' Diċembru 2006, dwar għajnuna illegali mogħtija mill-Greċja lil Olympic Airlines u Olympic Airways Services (“OA/OAS”) wara deċiżjoni ta' arbitraġġ tal-Qorti Suprema Griega, li biha ordnat lill-Istat Grieg iħallas lil OA/OAS EUR 563 milljun għal servizzi allegatament mhux imħallsa u għall-ispejjeż ta' installazzjoni mill-ġdid fl-ajruport il-ġdid ta' Ateni.
Ir-rikorrenti ssostni li d-differenza bejn l-ammonti dovuti mill-Istat Grieg lil OA/OAS kif approssimativament evalwati fid-deċiżjoni tal-Kummissjoni 2003/372/KE (1) u l-kumpens għad-danni mogħti lil OA/OAS b'deċiżjoni ta' l-20 ta' Diċembru 2006 tikkostitwixxi vantaġġ fi ħdan it-tifsira tar-regoli ta' l-għajnuna mill-Istat, mogħti lill-kumpannija. Skond ir-rikorrenti, l-għoti ta' tali vantiaġġ huwa attribwibbli lill-Istat Grieg in kwantu l-Qorti ta' l-arbitraġġ aġixxiet bħala korp ta' l-Istat.
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-Kummissjoni kellha d-dmir twettaq eżami diliġenti u imparzjali ta' l-ilment riċevut sabiex jew tadotta deċiżjoni li tiddikjara li l-miżuri ta' l-Istat ma kinux jammontaw għal għajnuna fi ħdan it-tifsira ta' l-Artikolu 87(1) KE, jew li dawk il-miżuri kellhom jiġu kklassifikati bħala għajnuna fi ħdan it-tifsira ta' l-istess dispożizzjoni iżda kienu kompatibbli mas-suq komuni taħt l-Artikolu 87(2) u (3) KE, jew tibda proċedura taħt l-Artikolu 88(2) KE.
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li l-perijodu ta' seba' xhur li skada bejn l-ilment tar-rikorrenti u l-ittra tagħha ta' notifika formali kien irraġonevolment twil, u n-nuqqas ta' azzjoni tal-Kummissjoni matul dan il-perijodu jikkostitwixxi nuqqas ta' teħid ta' azzjoni fis-sens ta' l-Artikolu 232 KE.
(1) 2003/372/KE: Deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-11 ta' Diċembru 2002 dwar għajnuna mogħtija mill-Greċja lil Olympic Airways (notifikata taħt in-numru tad-dokument C(2002) 4831) (ĠU L 132, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy