9.2.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 37/26
Rikors ippreżentat fl-4 ta' Diċembru 2007 — Coats Holdings vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-439/07)
(2008/C 37/42)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Coats Holdings Ltd (rappreżentanti: W. Sibree u C. Jeffs, Solicitors)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla l-Artikoli 1(4) u 2(4) tad-deċiżjoni safejn dawn jirrigwardaw lil Coats;
—
sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas il-musta imposta fuq Coats mill-Artikolu 2(4) tad-deċiżjoni; u
—
tordna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk ta' Coats.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummisjoni C(2007) 4257 finali, tad-19 ta' Settembru 2007, fil-Każ COMP/E 1/39.168 — PO/Oġġetti għall-ħjata tal-metall u tal-plastik: qfieli, li permezz tagħha l-Kummissjoni kkonstatat li r-rikorrenti, flimkien ma' impriżi oħra, kisru l-Artikolu 81 KE billi fost l-oħrajn skambjat informazzjoni dwar il-prezzijiet, iffissat prezzijiet minimi u qassmet is-suq.
In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-evalwazzjoni globali tal-provi min-naħa tal-Kummissjoni hija vvizjata bi żbalji manifesti ta' evalwazzjoni. Skond ir-rikorrenti l-Kummissjoni naqset milli tipprova suffiċjentement skond il-liġi li r-rikorrenti kienet parti fi ftehim bilaterali ta' tqassim tas-suq ma' Prym bejn Jannar 1977 u Lulju 1998.
Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tipprova li kwalunkwe ksur baqa' jseħħ wara d-19 ta' Settembru 1997 jew naqset milli tipprova ksur wieħed kontinwu għall-perijodu sal-15 ta' Lulju 1998 li jagħti lill-Kummissjoni d-dritt li timponi multa fuq ir-rikorrenti għal ksur li dam sejjer għal wieħed u għoxrin sena u nofs.
Barra minn dan, ir-rikorrenti, sussidjarjament, issostni li l-Kummissjoni kisret id-drittijiet proċedurali fundamentali tar-rikorrenti skond l-Artikolu 6(3)(d) tal-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali li teżamina jew li tara li jiġu eżaminati xhieda kontra tagħha fi proċeduri ta' natura kriminali.
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti tallega, sussidjarjament, li l-Kummissjoni żbaljat meta applikat b'mod mekkaniku multiplikatur ta' 215 % għall-ammont bażiku tal-multa għal wieħed u għoxrin sena u nofs, minflok ma' eżerċitat id-diskrezzjoni tagħha skond il-linji gwida dwar il-multi applikabbli.
Full & Egal Universal Law Academy