9.2.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 37/31
Rikors ippreżentat fil-5 ta' Diċembru 2007 — Scovill Fasteners vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-447/07)
(2008/C 37/48)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Scovill Fasteners, Inc. (Clarkesville, L-Istati Uniti) (rappreżentant: O. Dugardyn, lawyer)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Settembru 2007 rigward proċedura ta' applikazzjoni ta' l-Artikolu 81 KE (Kawża COMP/E 1/39.168 — PO/Artikoli tal-ħjata metalliċi u tal-plastik: Żippijiet);
—
sussidjarjament, tannulla jew tnaqqas il-multa imposta fuq ir-rikorrenti;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż tagħha kif ukoll dawk tar-rikorrenti.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti titlob l-annullament tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 4257 finali, tad-19 ta' Settembru 2007, fil-Kawża COMP/E 1/39.168 — PO/Artikoli tal-ħjata metalliċi u tal-plastik: Żippijiet, permezz ta' liema l-Kummissjoni ddeċidiet li l-kumpannija sussidjarja tar-rikorrenti, flimkien ma' impriżi oħra, kisret l-Artikolu 81 KE billi ftehmet fuq żidiet mifthema fil-prezzijiet, fuq l-iskambju ta' informazzjoni kunfidenzjali fuq prezzijiet u, fuq l-implimentazzjoni taż-żidiet fil-prezzijiet.
In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni ħadet żball meta qieset li r-rikorrenti tifforma entita ekonomika waħda mal-kumpannija sussidjarja tagħha, u li r-rikorrenti mgħandhiex tinżamm responsabbli in solidum għall-ħlas tal-multa imposta fuq il-kumpannija sussidjarja tagħha għall-allegat ksur imwettaq mill-kumpannija sussidjarja.
Barra minn hekk, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni naqset milli tipprova, kif mitlub mil-liġi, li l-kumpannija sussidjarja tar-rikorrenti ħadet sehem fil-kartel wara l-1997.
Sussidjarjament, ir-rikorrenti ssostni li l-Kummissjoni:
—
wetqet żbalji manifesti fil-kalkolu tal-multa,
—
ma ħaditx in kunsiderazzjoni ċ-ċirkostanzi kollha rilevanti meta evalwat it-tul ta' żmien u l-gravità tal-ksur; u
—
naqset milli tevalwa ċ-ċirkostanzi attenwanti, bħar-rwol minuri li kellha l-kumpannija sussidjarja tar-rikorrenti.
Full & Egal Universal Law Academy