23.2.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 51/44
Rikors ippreżentat fis-7 ta' Diċembru 2007 — YKK et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-448/07)
(2008/C 51/83)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: YKK Corp.(Tokyo, il-Ġappun), YKK Holding Europe BV (Sneek, l-Olanda), YKK Stocko Fasteners GmbH (Wuppertal, il-Ġermanja) (rappreżentanti: H. Kaneko u C. Vennemann, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-deċiżjoni kkontestata safejn din tirrigwarda lil kull waħda mir-rikorrenti;
—
konsegwentement, tħassar il-multi imposti fuq kull waħda mir-rikorrenti;
—
sussidjarjament, tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni kkontestata safejn din tirrigwarda lil kull waħda mir-rikorrenti, jew għall-inqas tħassar jew tnaqqas il-multi imposti fuq kull waħda mir-rikorrenti;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti jitolbu l-annullament tad-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 4257 finali tad-19 ta' Settembru 2007 fil-kawża COMP/E-1/39.168 — PO/Artikoli tal-ħjata metalliċi u tal-plastik: Żippijiet, permezz ta' liema l-Kummissjoni ddeċidiet li r-rikorrenti, flimkien ma' impriżi oħra, kienu kisru l-Artikolu 81 KE billi:
—
ftehmu fuq żidiet koordinati fil-prezzijiet u skambjaw informazzjoni kunfidenzjali fuq prezzijiet u l-implementazzjoni ta' żiediet fil-prezzijiet fi ħdan il-“Kooperazzjoni Baseler, Wuppertaler u Amsterdamer”;
—
iffissaw prezzijiet, ikkontrollaw iż-żidiet fil-prezzijiet u qassmu l-klijentela f'kooperazzjoni bilaterali ma' Prym Fashion; u
—
skambjaw informazzjoni fuq prezzijiet, iddiskutew prezzijiet u ftehmu fuq metodu kif jiffissaw prezzijiet minimi f'kooperazzjoni bejn tliet partijiet ma' Coats u Prym.
In sostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jsostnu li l-multiplikatur ta' 1.25 impost fuqhom bħala deterrent jikser il-prinċipju ta' proporzjonalità.
Fir-rigward tal-“Kooperazzjoni Baseler, Wuppertaler u Amsterdamer”, ir-rikorrenti jallegaw, fir-rigward ta' YKK Stocko Fasteners, li l-Kummissjoni applikat b'mod żbaljat l-Artikolu 23(2) tar-Regolament Nru 1/2003 (1), skond liema l-multa li għandha tiġi imposta fuq impriża m'għandhiex teċċedi l-10 % tal-fatturat fis-sena preċedenti tan-negozju. Barra minn hekk, iż-żieda b'1.25 bħala deterrent, skond ir-rikorrenti, mhijiex iġġustifikata fil-konfront tal-perijodu qabel l-akkwist ta' YKK Stocko Fasteners minn YKK Holding Europe.
Fir-rigward tal-kooperazzjoni bilaterali bejn Prym Fashion u r-rikorrenti YKK Stocko Fasteners u YKK Corp., ir-rikorrenti jsostnu li l-Kummissjoni kienet żbaljata meta qieset li l-kooperazzjoni kienet ta' dimensjoni dinjija.
Fir-rigward tal-kooperazzjoni tripartitika bejn Coats, Prym u r-rikorrenti YKK Holding Europe, ir-rikorrenti jsostnu:
—
li l-Kummissjoni naqset milli turi b'mod adegwat li d-diskussjonijiet dwar l-armonizzazzjoni fil-prezzijiet waqt il-ħames laqgħat dwar iż-żippijiet fl-1998 u l-1999 jikkostitwixxu ftehim jew prattika miftehma bi ksur ta' l-Artikolu 81 KE;
—
li jekk id-diskussjonijiet waqt il-ħames laqgħat dwar iż-żippijiet fl-1998 u l-1999 jikkostitwixxu ksur ta' l-Artikolu 81 KE, ir-rikorrenti kellhom jingħataw tnaqqis fil-multi minħabba l-kooperazzjoni tagħhom mal-Kummissjoni taħt l-programm ta' klemenza tal-Kummissjoni;
—
li dawn id-diskussjonijiet mhumiex biżżejjed biex jitqiesu bħala ksur “serju ħafna”;
—
li l-multa imposta mill-Kummissjoni mhijiex proporzjonata man-natura ta' kwalunkwe ksur possibbli; u
—
li l-Kummissjoni naqset milli tikkunsidra l-impatt ta' tali ksur fuq is-suq Komuntarju.
(1) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003, tas-16 ta' Diċembru 2002, fuq l-implimentazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, 2003, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy