23.2.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 51/46
Rikors ippreżentat fl-14 ta' Diċembru 2007 — Centre d'Étude et de Valorisation des Algues vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-455/07)
(2008/C 51/86)
Lingwa tal-kawża: Il-Franċiż
Partijiet
Rikorrent: Centre d'Étude et de Valorisation des Algues SA (CEVA) (Pleubian, Franza) (rappreżentant: J.-M. Peyrical, avukat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrent
—
prinċipalment, tikkonstata l-irregolarità proċedurali u l-ksur tal-prinċipju ta' audi alteram partem u, għaldaqstant, tannulla n-nota ta' debitu Nru 3240909271 tal-Kummissjoni ta' l-4 ta' Ottubru 2007 u tordna lill-Kummissjoni tħallas lura n-nota ta' debitu in kwistjoni lil CEVA;
—
sussidjarjament, tikkonstata li l-iżbalji mniżżla fir-rapport ta' verifika RAIA mhumiex serji biżżejjed biex ikun jista' jiġi applikat l-Artikolu 3.5 ta' l-Anness II tal-kuntratt, tannulla n-nota ta' debitu Nru 32409271 tal-Kummissjoni ta' l-4 ta' Ottubru 2007 safejn hija titlob il-ħlas lura sħiħ ta' l-ammonti mħallsa lis-CEVA fil-kuntest tal-kuntratt BIOPAL u tordna lill-Kummissjoni sabiex tħallas lura n-nota ta' debitu in kwistjoni tas-CEVA;
—
b'mod iktar sussidjarju, taħtar espert magħżul mill-Qorti tal-Prim'Istanza bil-kompitu: li jerġa' jeżamina l-metodu tal-kalkolu tas-CEVA dwar iż-żmien impjegat fil-proġetti; li jqabbel dan il-metodu mal-kuntratt BIOPAL u mar-realtà ta' l-ispejjeż indikati fir-rendikont ta' l-ispejjeż; li jistabbilixxi, bħala perċentwali, id-diskrepanza bejn l-ammont ta' l-iżbalji ta' reġistrazzjoni tal-ħinijiet ta' xogħol kif ippreżentati lill-Kummissjoni u l-ammont ta' reġistrazzjoni ta' dawn il-ħinijiet ta' xogħol skond il-metodu ta' kalkolu li issa huwa applikat għas-CEVA; li jevalwa l-ħin dirett ta' xogħol meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tas-CEVA fil-kuntest tal-kuntratt BIOPAL; li jiddikjara jekk dan il-ħin ta' xogħol effettiv, biex jitwettqu dawn il-kompiti, setax kien inqas mill-5 796,67 siegħa indikati mis-CEVA.
Motivi u argumenti prinċipali
B'dan ir-rikors, ir-rikorrent jitlob l-annullament tan-nota ta' debitu li permezz tagħha l-Kummissjoni talbet ir-rimbors sħiħ tal-ħlasijiet mogħtija minn qabel lir-rikorrent fil-kuntest tal-kuntratt BIOPAL Nru QLK1-CT-2002-02431, fir-rigward ta' l-azzjoni essenzjali “Ġestjoni fit-tul ta' l-agrikultura, tas-sajd u tas-silvikultura u żvilupp sħiħ taż-żoni rurali, inklużi fosthom iż-żoni muntanjużi”, li huwa parti mill-proġett prinċipali “Kwalità tal-ħajja u ġestjoni tar-riżorsi ħajjin” (1).
In sostenn tat-talba tiegħu, ir-rikorrent jinvoka motiv ibbażat fuq il-ksur tad-drittijiet tad-difiża, peress li l-Kummissjoni, bi ksur tal-prinċipju ta' audi alteram partem, ibbażat it-talba għal rimbors fuq l-iskedi ta' ħin u l-konklużjonijiet ta' l-OLAF, li r-rikorrent ma kienx mgħarraf bihom.
Sussidjarjament, ir-rikorrent ikkontesta l-applikazzjoni mill-Kummissjoni ta' l-Artikolu 26 ta' l-Anness II u l-konstatazzjoni magħmula mill-Kummissjoni li l-fatti tal-kawża kienu serji biżżejjed biex jiġi invokat il-kunċett ta' irregolarità finanzjarja serja li tiġġustifika rimbors sħiħ tal-ħlasijiet magħmula minn qabel.
(1) Ħames Programm Qafas tal-Komunità Ewropea għal azzjonijiet Komunitarji ta' riċerka, żvilupp teknoloġiku u attivitajiet ta' dimostrazzjoni 1998-2002.
Full & Egal Universal Law Academy