23.2.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 51/48
Rikors ippreżentat fis-17 ta' Diċembru 2007 — Hangzhou Duralamp Electronics vs Il-Kunsill
(Kawża T-459/07)
(2008/C 51/89)
Lingwa tal-kawża: l-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Hangzhou Duralamp Electronics Co., Ltd (Hangzhou City, iċ-Ċina) (rappreżentanti: M. Gambardella u V. Villante, avukati)
Konvenut: Il-Kunsill ta' l-Unjoni Ewropea
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1205/2007 tal-15 ta' Ottubru 2007 li jimponi dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta' lampi florexxenti kompatti elettroniċi u integrati (CFL-i) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta' l-iskadenza skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 u li jestendi għall-importazzjonijiet ta' l-istess prodott mibgħuta mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, ir-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan u r-Repubblika tal-Filippini ppubblikat fil-ĠU L, 272/1 tas-17 ta' Ottubru 2007, safejn huwa applikabbli għar-rikorrenti;
—
tikkundanna lill-Kunsill ibati l-ispejjeż proċedurali.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti, kumpannija Ċiniża, titlob l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1205/2007 tal-15 ta' Ottubru 2007 li jimponi dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta' lampi florexxenti kompatti elettroniċi u integrati (CFL-i) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta' l-iskadenza skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 u li jestendi għall-importazzjonijiet ta' l-istess prodott mibgħuta mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, ir-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan u r-Repubblika tal-Filippini (1) safejn dawn il-miżuri japplikaw għar-rikorrenti.
In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-opinjoni tal-Kunsill li s-CFL-i kollha kienu l-istess prodott minkejja d-differenzi bejniethom, bħat-tul ta' ħajjatagħhom, l-enerġija f'wotts, l-għata, tagħmir integrat ieħor, it-tul, id-dijametru, id-djagonali jew il-konsumatur finali, hija żbaljata.
Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li l-Kunsill ikkommetta żball manifest ta' evalwazzjoni meta kkalkula l-marġnijiet ta' dumping, il-marġnijiet ta' tnaqqis taħt il-prezz normali (undercutting margins) u l-livelli minimi ta' ħsara. Il-metodu li bih id-data ġiet estrapolata mid-data tal-Eurostat, skond ir-rikorrenti, ma kienx spjegat fir-Regolament ikkontestat u l-Kunsill kien imissu pprovda lill-partijiet fl-investigazzjoni b'sommarju mhux kunfidenzjali tal-metodu użat u eżempji ta' kalkoli.
Ir-rikorrenti ssostni wkoll li kien hemm ksur tad-dritt tagħha li tinstema' fir-rigward ta' l-għażla tal-pajjiż analogu, peress li r-rikorrenti, matul l-investigazzjoni li wasslet għall-adozzjoni tar-Regolament ikkontestat, ma ngħatatx il-possibbiltà tikkumenta dwar is-sostituzzjoni tal-Messiku mill-Korea bħala l-pajjiż analogu.
Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li l-Kunsill kiser l-Artikoli 7, 9 u 21 tar-Regolament Bażiku (2) billi impona dazji antidumping meta l-interess Komunitarju ma kienx jirrikjedi intervent.
Finalment, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill kiser l-Artikolu 5(4) tar-Regolament Bażiku u kkometta żball manifest ta' evalwazzjoni billi impona dazji antidumping minkejja l-fatt li l-ilment li ta bidu għall-investigazzjoni ma kienx appoġġjat mill-industrija Komunitarja peress li l-parti tal-produtturi Komunitarji li kienu qed jopponu l-ilment kienet tirrappreżenta aktar minn 50 % tal-produzzjoni totali Komunitarja tal-prodott simili.
(1) ĠU L 272, 2007, p. 1.
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 56, 1996, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy