23.2.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 51/49
Rikors ippreżentat fid-19 ta' Diċembru 2007 — Visa Europe u Visa International Service Association vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-461/07)
(2008/C 51/91)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Visa Europe Ltd (Londra, ir-Renju Unit) u Visa International Service Association (Wilmington, l-Istati Uniti) (rappreżentanti: S. Morris, QC, H. Davies, Barrister, A. Howard, Barrister, V. Davies, Solicitor u H. Masters, Solicitor)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-deċiżjoni fl-intier tagħha; sussidjarjament
—
tannulla l-Artikolu 2 tad-deċiżjoni fl-intier tiegħu, jew sussidjarjament, tnaqqas il-multa hemm imposta, kif xieraq; u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tar-rikors tagħhom Visa Europe u Visa International Service Association (aktar 'il quddiem “Visa”) qed jitolbu l-annullament taħt l-Artikolu 230 KE tad-deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007)4471 finali, tat-3 ta' Ottubru 2007 fir-rigward ta' proċedura taħt l-Artikolu 81 KE (każ COMP/D1/37860 — Morgan Stanley vs Visa International u Visa Europe) fir-rigward, minn naħa, tal-konklużjoni li Visa kisret l-Artikolu 81 KE u l-Artikolu 53 ŻEE meta rrifjutat li taċċetta lil Morgan Stanley Bank International Limited (aktar 'il quddiem “Morgan Stanley”) bħala membru ta' Visa Europe qabel it-22 ta' Settembru 2006, peress li din kienet proprjetarja u kienet topera sistema ta' ħlas bil-card li kienet tikkompeti ma' tagħha u fir-rigward, min-naħa l-oħra, tal-multa ta' EUR 10.2 miljun imposta fuq ir-rikorrenti.
Visa qed tressaq tliet motivi fir-rigward tal-konklużjoni ta' ksur li wasslet għaliha l-Kummissjoni. B'mod partikolari, hija tissottometti li l-konklużjoni tal-Kummissjoni li n-nuqqas ta' aċċettazzjoni ta' Morgan Stanley bħala membru ta' Visa jikkostitwixxi restrizzjoni sostanzjali għall-kompetizzjoni taħt l-Artikolu 81(1) KE hija vvizzjata minn żbalji ċari ta' liġi u tissottometti li l-Kummissjoni naqset milli tistabbilixxi l-elementi meħtieġa in sostenn ta' din il-konklużjoni.
(a)
Fl-ewwel lok, qed jiġi sottomess li l-Kummissjoni applikat it-test legali u ekonomiku żbaljat għall-applikazzjoni ta' l-imsemmija dispożizzjoni, senjatament li kien hemm “spazju għal kompetizzjoni ulterjuri” u għalhekk waslet għal evalwazzjoni fattwali u ekonomika żbaljata fir-rigward ta' l-allegati effetti tan-nuqqas ta' aċċettazzjoni ta' Morgan Stanley. Fil-fatt, skond Visa, Morgan Stanley ma kinitx miżmuma milli tidħol fis-suq rilevanti (“l-acquiring market tar-Renju Unit”).
(b)
Fit-tieni lok, qed jiġi sottomess li l-Kummissjoni kisret rekwiżit proċedurali essenzjali meta biddlet il-każ tagħha dwar l-effett restrittiv fl-istadju tad-deċiżjoni mingħajr ma tat lil Visa opportunità tirrispondi għall-formulazzjoni ġdida tal-każ.
(c)
Fit-tielet lok, anki jekk Morgan Stanley ġiet miżmuma milli tidħol fl-acquiring market tar-Renju Unit, qed jiġi argumentat li ma kienx hemm biżżejjed effetti anti-kompetittivi.
Fir-rigward tal-multa li ġiet imposta, Visa tressaq, taħt l-Artikolu 229 KE, iż-żewġ motivi li ġejjin:
(a)
Skond l-applikazzjoni tal-prinċipji fundamentali tad-dritt Komunitarju għaċ-ċirkustanzi partikolari tal-każ u l-inċertezza ġenwina li kien hemm dwar l-illegalità tan-nuqqas ta' aċċettazzjoni ta' Morgan Stanley, il-Kummissjoni ma kellha timponi ebda multa fuq Visa. Fil-fatt, Visa hija tal-fehma li ma kien hemm ebda ġustifikazzjoni għall-multa imposta, ladarba l-ftehim in kwistjoni kien ġie formalment innotifikat lill-Kummissjoni skond ir-Regolament (KEE) Nru 17/62 (1) u ladarba s-setgħa li tiġi imposta multa taħt ir-Regolament (KE) Nru 1/2003 (2) saret applikabbli biss minħabba d-dewmien serju tal-Kummissjoni fil-proċedura amministrattiva.
(b)
Sussidjarjament, il-Kummissjoni wettqet, skond Visa, diversi żbalji ta' liġi u ta' evalwazzjoni fir-rigward tal-livell tal-multa li hija legalment setgħet timponi fuq ir-rikorrenti. Fuq din il-bażi, Visa targumenta li multa ta' EUR 10.2 miljun kienet b'mod ċar eċċessiva u sproporzjonata, u ma kkunsidratx id-dubju raġonevoli fir-rigward ta' l-illegalità ta' l-imġiba ta' Visa.
Finalment, Visa tissottometti li l-Kummissjoni kellha biss dritt timponi multa fuq Visa għall-perijodu li fir-rigward tiegħu ġie stabbilit mill-provi li Morgan Stanley kienet ġiet miżmuma milli tidħol fl-acquiring market tar-Renju Unit. Anki jekk ir-rifjut preċedenti ta' Visa li taċċetta lil Morgan Stanley bħala membru fi ħdanha seta' għamel differenza għall-kundizzjonjiet tal-kompetizzjoni fis-suq rilevanti, dan ma setax ikun il-każ wara dak il-perijodu u għalhekk, il-Kummissjoni, skond il-Linji gwida tagħha dwar il-multi ta' l-1998, ma kellhiex tapplika multiplikatur tat-tul ta' żmien.
(1) Kunsill KEE: Regolament Nru 17: L-ewwel Regolament li jimplementa l-Artikoli 85 u 86 tat-Trattat (ĠU 13, p. 204).
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 tas-16 ta' Diċembru 2002 dwar l-implementazzjoni tar-regoli tal-kompetizzjoni mniżżlin fl-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat (ĠU L 1, p. 1).
Full & Egal Universal Law Academy