23.2.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 51/52
Rikors ippreżentat fil-25 ta' Diċembru 2007 — Osram vs Il-Kunsill
(Kawża T-466/07)
(2008/C 51/95)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Osram GmbH (Munich, Il-Ġermanja) (rappreżentant: R. Bierwagen, avukat)
Konvenut: Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla r-Regolament (KE) Nru 1205/2007 u tordna li l-effetti tar-Regolament ikkontestat jibqgħu fis-seħħ sad-dħul fis-seħħ ta' regolament ġdid wara reviżjoni
—
tikkundanna lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropej għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti, li hija produttriċi Ġermaniża ta' sensiela wiesgħa ta' tipi differenti ta' bozoz, inklużi lampi florexxenti kompatti elettroniċi u integrati (CFL-i), titlob l-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1205/2007, tal-15 ta' Ottubru 2007, li jimponi dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta' lampi florexxenti kompatti elettroniċi u integrati (CFL-i) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni ta' l-iskadenza skond l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 u li jestendi għall-importazzjonijiet ta' l-istess prodott mibgħuta mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, ir-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan u r-Repubblika tal-Filippini (1), minħabba l-fatt li dan ir-regolament jipprovdi ż-żamma tad-dazji antidumping għal sena biss minnflok għall-perijodu ta' ħames snin previst mir-Regolament bażiku (2).
In sostenn tar-rikors tagħha r-rikorrenti ssostni, fl-ewwel lok, li l-Kunsill wettaq żball manifest ta' evalwazzjoni billi afferma li ż-żewġ entitajiet tal-grupp Philips huma “produtturi Komunitarji” fis-sens ta' l-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament bażiku.
Fit-tieni lok, ir-rikorrenti tafferma li l-Kunsill wettaq żball manifest ta' liġi billi applika kriterju relattiv għall-interess tal-Komunità minkejja li tali kriterju mhuwiex previst għal reviżjoni minħabba l-iskadenża ta' miżuri.
Fit-tielet lok, ir-rikorrenti ssostni li l-Kunsill kiser l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku u wettaq abbuż ta' poter billi llimita t-terminu tad-dazji antidumping għal sena.
Fl-aħħar lok, ir-rikorrenti tafferma li l-Kunsill ibbaża l-kriterju ta' l-interess Komunitarju fuq konstatazzjonijiet ta' fatt manifestament żbaljati, wettaq evalwazzjoni żbaljata u ma pprovdiex motivazzjoni.
(1) ĠU L 272, 17 ta' Ottubru 2007, p. 1.
(2) Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 tat-22 ta' Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta' dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea.
Full & Egal Universal Law Academy