23.2.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 51/55
Rikors ippreżentat fit-13 ta' Diċembru 2007 — Evropaïki Dynamiki vs FRONTEX
(Kawża T-476/07)
(2008/C 51/100)
Lingwa tal-kawża: L-Ingliż
Partijiet
Rikorrenti: Evropaïki Dynamiki — Proigmena Systimata Tilepikoinonion Pliroforikis kai Tilematikis AE (Ateni, il-Greċja) (rappreżentant: N. Korogiannakis, lawyer)
Konvenuta: L-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni ta' l-Istati Membri ta' l-Unjoni Ewropea (FRONTEX)
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-deċiżjoni ta' FRONTEX li tevalwa l-offerta tar-rikorrenti bħala mhux tajba u li tagħti l-kuntratt lill-offerent li rebaħ l-appalt;
—
tordna lil FRONTEX tħallas id-danni li r-rikorrenti sofriet minħabba l-proċedura għall-għoti ta' kuntratt pubbliku in kwistjoni f'ammont ta' EUR 500 000;
—
tordna lill-Kummissjoni (DIGIT) tħallas l-ispejjeż kollha tar-rikorrenti, inklużi dawk legali, b'konnessjoni ma' dan ir-rikors, anki jekk dan ir-rikors jiġi miċħud;
—
tordna lil FRONTEX tħallas l-ispejjeż kollha tar-rikorrenti, inklużi dawk legali, b'konnessjoni ma' dan ir-rikors.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti għamlet offerta b'risposta għas-sejħa pubblika għall-offerti tal-konvenuta għall-provvista ta' servizzi informatiċi u liċenzji għal hardware u software (ĠU 2007/S 114-139890). Ir-rikorreti tikkontesta d-deċiżjoni tal-konvenuta tat-3 ta' Ottubru 2007 li tirrifjuta l-offerta tar-rikorrenti u li tinforma lir-rikorrenti li l-kuntratt ser jingħata lil offerent ieħor.
In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti ssostni li l-konvenuta naqset milli tagħti motivazzjoni skond l-Artikolu 253 KE u li użat kriterji ta' evalwazzjoni li ma kinux inklużi espressament fis-sejħa għall-offerti. Barra minn hekk, ir-rikorrenti tallega li l-konvenuta wetqet żbalji manifesti ta' evalwazzjoni.
Full & Egal Universal Law Academy