8.3.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 64/43
Rikors ippreżentat fil-21 ta' Diċembru 2007 — Deltalinqs u SVZ vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-481/07)
(2008/C 64/72)
Lingwa tal-kawża: L-Olandiż
Partijiet
Rikorrenti: Deltalinqs u SVZ (Havenondernemersverenging Rotterdam (Rotterdam, l-Olanda) (rappreżentant: M. Meulenbelt, avocat)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
Ir-rikorrenti qed jitolbu lill-Qorti tal-Prim'Istanza jogħġobha:
—
tannulla d-deċiżjoni tal-Kummissjoni u
—
tikkundanna lill-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikorrenti jikkontestaw id-deċiżjoni tal-Kummissjoni ta' l-10 ta' Mejju 2007 (ĠU 2007 C 227, p. 4) fir-rigward tas-sistema tar-reġjun Fjamming ta' għajnuna għat-trasport bil-passaġġi fuq l-ilma interni (miżuri ta' għajnuna Nru 682/2006 — Il-Belġju). Bid-deċiżjoni tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li l-miżura ta' għajnuna hija kompatibbli mat-Trattat KE u ddeċidiet li ma tqajjimx oġġezzjonijiet.
In sostenn tar-rikors tagħhom, ir-rikorrenti jinvokaw, fl-ewwel lok, ksur tal-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 1107/70 ta' l-4 ta' Ġunju 1970 dwar l-għoti ta' l-għajnuniet għal trasport bil-ferrovija, bit-triq u bil-passaġġi fuq l-ilma interni (ĠU L 130, p. 1) kif ukoll ksur ta' l-Artikoli 12 KE u 73 KE. Huma jaffermaw li t-trasbord ta' kontejners fil-portijiet interni fir-reġjun Fjamming jista' jibbenefika minn sussidju meta l-kontejners jidħlu fit-territorju ta' l-Unjoni Ewropea jew joħorġu minnu minn port marittimu Fjamming, iżda mhux meta jkun port marittimu li jkun jinsab fi Stat Membru ieħor. Ir-rikorrenti jikkunsidraw li din il-miżura toħloq diskriminazzjoni bbażata fuq in-nazzjonalità.
Barra minn hekk, ir-rikorrenti jenfasizzaw li s-sussidju jinvolvi distorsjoni tal-kompetizzjoni peress li dan jinvolvi żvantaġġ serju għal kull port fil-majjistral ta' l-Ewropa minn fejn jinbdew vjaġġi lejn iż-żoni interni tar-reġjun Fjamming u li huwa partikolarment żvantaġġjuż għall-port ta' Rotterdam.
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jargumentaw li kien hemm ksur ta' l-obbligu ta' investigazzjoni u ta' l-obbligu ta' motivazzjoni. Huma jenfasizzaw li l-Kummissjoni ma eżaminatx il-konsegwenzi li din is-sistema jista' jkollha għall-kompetizzjoni u li, barra minn hekk, hija ma indikatx fid-deċiżjoni tagħha r-raġunijiet li wasluha għad-deċiżjoni li ma kellhiex għalfejn tagħmel studju ekonomiku.
Full & Egal Universal Law Academy