23.2.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 51/56
Rikors imressaq fit-22 ta' Diċembru 2007 — Ir-Rumanija vs Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża T-483/07)
(2008/C 51/102)
Lingwa tal-kawża: Ir-Rumen
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Rumanija (rappreżentanti: Aurel Ciobanu-Dorea, aġent, Emilia Gane u Dumitra Mereuță, consilieri)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 5240 finali tas-26 ta' Ottubru 2007 dwar il-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' ċertifikati relatati ma' emissjonijiet ta' gassijiet serra għas-sena 2007, innotifikat mir-Rumanija skond id-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87/KE;
—
tikkundanna lill-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Skond id-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet parzjalment il-pjan nazzjonali ta' allokazzjoni ta' ċertifikati relatati ma' emissjonijiet ta' gassijiet serra għas-sena 2007, innotifikat mir-Rumanija skond id-Direttiva 2003/87/KE (1), li jnaqqas b'9 080 765 miljun tunnellata ta' CO2, ekwivalenti annwali, in-numru kumplessiv ta' ċertifikati li ser jiġi allokat għall-iskema Komunitarja u li jistabbilixxi li mhijiex se tinqabeż il-kwantità annwali medja kumplessiva ta' 74 836 235 miljun tunnellata tal-kwoti ta' emissjonjiet li jistgħu jiġu assenjati.
In sostenn tat-talba tagħha, ir-rikorrenti ssostni li:
—
il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 9(1) u (3) u l-Artikolu 11 (1) tad-Direttiva 2003/87/KE, billi stabbiliet, b'mod vinkolanti, abbażi ta' sistema tagħha stess, il-kwantità komplessiva tal-kwoti ta' emissjonijiet li jistgħu jiġu allokati mir-Rumanija, b'mod li eċċediet il-kompetenzi tagħha;
—
il-Kummissjoni applikat sistema mhux trasparenti sabiex tiddetermina l-kwantitajiet komplessivi tal-kwoti ta' emissjonijiet, u b'hekk kisret kemm l-Artikolu 9(3) kif ukoll l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva 203/87/KE;
—
fil-kamp ta' applikazzjoni tas-sistema tagħha stess, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni;
—
il-Kummissjoni ma rrispettatx l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva 2003/87/KE u l-Artikolu 253 KE, inkwantu ma indikatx adegwatament ir-raġunijiet li fuqhom id-Deċiżjoni C(2007) 5240 finali hija bbażata.
(1) Id-Direttiva 2003/87/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Ottubru 2003 li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, 25.10.2003, p. 32).
Full & Egal Universal Law Academy