23.2.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 51/57
Rikors ippreżentat fit-22 ta' Diċembru 2007 — Ir-Rumanija vs Il-Kummmissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
(Kawża T-484/07)
(2008/C 51/103)
Lingwa tal-kawża: Ir-Rumen
Partijiet
Rikorrenti: Ir-Rumanija (rappreżentanti: Aurel Ciobanu Dordea, aġent, Emilia Gane u Dumitra Mereuță, kunsilliera)
Konvenuta: Il-Kummmissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
tannulla d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 5253 finali, tas-26 ta' Ottubru 2007, dwar il-pjan nazzjonali ta' għoti ta' ċertifikati rigward emissjonijiet ta' gassijiet serra għall-perijodu 2008-2012, innotifikat mir-Rumanija abbażi tad-Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill 2003/87/KE;
—
tikkundanna l-Kummmissjoni tal-Komunitajiet Ewropej tbati l-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Permezz tad-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ċaħdet parzjalment il-pjan nazzjonali ta' għoti ta' ċertifikati ta' emissjoni ta' gass serra għall-perijodu 2008-2012, innotifikat mir-Rumanija abbażi tad-Direttiva Nru 2003/87/KE (1), billi naqqset, għal 19 754 248 tunnellata ta' ekwivalenti għal CO2 fis-sena, in-numru totali ta' ċertifikati mogħtija għas-sistema Komunitarja, u ddeċidiet li mhux ser tinqabeż il-kwantità medja totali fis-sena ta' 75 944 352 tunnellata ta' kwoti ta' emissijoni li tista' tingħata.
In sostenn tar-rikors tagħha, ir-rikorrenti tqajjem il-motivi li ġejjin:
—
il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 9(1) u (3), u l-Artikolu 11(1) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE, billi stabbilixxiet, b'mod vinkolanti, abbażi ta' metodu tagħha, il-kwantità totali ta' kwoti ta' emissjoni li jistgħu jingħataw lir-Rumanija, u marret b'hekk lil hinn mill-kompetenzi tagħha;
—
il-Kummissjoni applikat metodu li huwa nieqes mit-trasparenza sabiex tistabbilixxi l-kwantità totali ta' kwoti ta' emissjoni, b'mod li kisret kemm l-Artikolu 9(3), kif ukoll l-Artikolu 9(1) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE;
—
fil-kuntest ta' l-applikazzjoni tal-metodu tagħha, il-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' non-diskriminazzjoni;
—
il-Kummissjoni kisret l-Artikolu 9(3) tad-Direttiva Nru 2003/87/KE u l-Artikolu 253 KE billi ma mmotivatx b'mod xieraq id-Deċiżjoni C(2007) 5240 finali.
(1) Direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill Nru 2003/87/KE, tat-13 ta' Ottubru 2003, li tistabbilixxi skema għall-iskambju ta' kwoti ta' emissjonijiet ta' gassijiet serra ġewwa l-Komunità u li temenda d-Direttiva 96/61/KE (ĠU L 275, p. 32).
Full & Egal Universal Law Academy