8.3.2008
MT
Il-Ġurnal Uffiċjali ta’ l-Unjoni Ewropea
C 64/49
Rikors ippreżentat fit-18 ta' Diċembru 2007 — Repsol YPF Lubricantes y especialidades et vs Il-Kummissjoni
(Kawża T-496/07)
(2008/C 64/80)
Lingwa tal-kawża: L-Ispanjol
Partijiet
Rikorrenti: Repsol YPF Lubricantes y especialidades SA (Madrid, Spanja) Repsol Petróleo, SA (Madrid, Spanja), Repsol YPF, SA (Madrid, Spanja) (rappreżentanti: L. Ortiz Blanco, J. Buendía Sierra u M. Muñoz de Juan, avukati)
Konvenuta: Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej
Talbiet tar-rikorrenti
—
Tannulla d-Deċiżjoni [C(2007)4441] safejn din
—
issib li Repsol Petróleo SA hija responsabbli in solidum għall-ksur;
—
issib li Repsol YPF hija responsabbli in solidum u li għandha responsabbiltà affiljata;
—
tiddetermina l-ammont bażiku b'mod li jmur kontra l-prinċipju ta' proporzjonalità billi ma tiħux in kunsiderazzjoni jew il-parametru ġeografiku ristrett u l-valur ekonomiku tas-suq milqut jew l-effetti fuq is-suq (fin-nuqqas tiegħu, l-impatt limitat);
—
tapplika żbaljatament l-Avviż fuq il-Kooperazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-perċentwali ta' tnaqqis tal-multa imposta fuq Repsol: u
—
tittratta t-tmexxija bħala fattur aggravanti
—
tnaqqas il-multa imposta fuq Repsol skond il-ġurisdizzjoni illimitata tal-Qorti tal-Ġustizzja għal ammont approprjat;
—
tikkundanna l-Kummissjoni għall-ispejjeż.
Motivi u argumenti prinċipali
Ir-rikors huwa dirett kontra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni C(2007) 4441 finali tat-3 ta' Ottubru 2007 fil-Każ COMP/38710 — Bitum Spanja. Fid-deċiżjoni kkontestata, il-Kummissjoni ddikjarat li r-rikorrenti, flimkien ma' kumpanniji oħrajn, kisru l-Artikolu 81 KE billi ħadu sehem, għal ċertu perijodu, f'numru ta' akkordji u prattiċi mifthiema fis-suq tal-bitum ta' penetrazzjoni, b'mod partikolari f'akkordju għad-diviżjoni tas-suq u għall-koordinament tal-prezzijiet. Fir-rigward ta' dan il-ksur, il-Kummissjoni imponiet multa li għaliha r-rikorrenti huma responsabbli in solidum.
In sostenn tat-talbiet tagħhom, ir-rikorrenti jallegaw l-ewwel nett żball ta' evalwazzjoni tal-fatt u żball ta' liġi billi nstabu żbaljatament il-kumpanniji prinċipali ta' Repsol YPF Lubricantes y especialidades SA bħala responsabbli għall-ksur. F'dan il-kuntest, ir-rikorrenti jikkunsidraw li l-attribuzzjoni ta' responsabbiltà affiljata tikser id-dritt Komunitarju.
It-tieni nett, ir-rikorrenti jallegaw li l-Kummissjoni kisret il-prinċipju ta' proporzjonalità meta kkalkolat l-ammont inizjali.
It-tielet nett, ir-rikorrenti jallegaw żball manifest ta' evalwazzjoni jew alternattivament ksur tal-prinċipji ġenerali tal-protezzjoni ta' ċertezza legali, tal-proporzjonalità u ta' trattament ugwali meta ddeterminat il-perċentwali ta' tnaqqis tal-multa skond il-Avviż fuq il-Kooperazzjoni ta' l-2002 (1).
Fl-aħħar nett, ir-rikorrenti jqisu li l-Kummissjoni wettqet żball manifest ta' evalwazzjoni fir-rigward ta' l-evalwazzjoni tat-tmexxija tal-kartell flimkien ma' kumpannija oħra bħala fattur aggravanti.
(1) Avviż tal-Kummissjoni dwar l-immunità mill-multi u tnaqqis f'multi fil-każijiet ta' kartell (ĠU 2002, C 45, p. 3).
Full & Egal Universal Law Academy