Kawża T-215/07
Beniamino Donnici
vs
Il-Parlament Ewropew
“Rinunzja tal-kompetenza”
Sommarju tad-digriet
Proċedura — Tqassim tal-kompetenzi bejn il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza
(Statut tal-Qorti tal-Ġustizzja, it-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 40 u t-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 54; Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, Artikolu 80)
It-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 40 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jeskludi d-dritt ta’ intervent minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi f’kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bejn Stati Membri, minn naħa, u l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet min-naħa l-oħra. L-unika possibbiltà għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jressqu s-sottomissjonijiet u l-motivi tagħhom fil-kawżi li jikkonċernawhom hija billi jagħmlu huma stess, meta ammissibbli, rikors quddiem il-qorti kompetenti li juri l-pożizzjoni tagħhom. Huwa fl-interess ta’ l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ difiża tal-partijiet li, fl-evalwazzjoni ta’ rikors ippreżentat minn Stat Membru, il-qorti kompetenti tkun tista’ tqis is-sottomissjonijiet u l-motivi differenti fil-fatt u fid-dritt invokati mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi sabiex isaħħu t-talbiet tagħhom għall-annullament ta’ l-istess att. Għaldaqstant hemm lok li tiġi ordnata r-rinunzja tal-kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza favur il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex din ta’ l-aħħar tkun tista’ tiddeċiedi t-talba għal annullament.
(ara l-punti 9, 10, 12)
DIGRIET TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)
13 ta’ Diċembru 2007 (*)
“Rinunzja tal-kompetenza”
Fil-kawża T‑215/07,
Beniamino Donnici, residenti f’Castrolibero (l-Italja), irrappreżentat minn M. Sanino, G. M. Roberti, I. Perego u P. Salvatore, avvocati,
rikorrent
vs
Il-Parlament Ewropew, irrappreżentat minn H. Krück, N. Lorenz u
L. Visaggio, bħala aġenti,
konvenut
li għandu bħala suġġett talba għall-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-24 ta’ Mejju 2007, dwar il-verifika tas-setgħat ta’ Beniamino Donnici [2007/2121 (REG)], li tiddikjara invalidu l-mandat tiegħu bħala membru tal-Parlament Ewropew,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (It-Tielet Awla),
komposta minn J. Azizi, President, E. Cremona u S. Frimodt Nielsen (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
tagħti l-preżenti
Digriet
1 Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fit-22 ta’ Ġunju 2007, irreġistrat bir-referenza T‑215/07, M. Donnici talab l-annullament tad-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew ta’ l-24 ta’ Mejju 2007, dwar il-verifika tas-setgħat tiegħu [2007/2121 (REG)], li ddikjarat invalidu l-mandat tiegħu bħala membru tal-Parlament Ewropew (iktar’il quddiem id-“deċiżjoni kkontestata”).
2 Permezz ta’ att separat ippreżentat fl-istess ġurnata, M. Donnici talab is-sospensjoni ta’ l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata. L-imħallef għall-miżuri provviżorji laqa’ din it-talba permezz ta’ digriet tal-15 ta’ Novembru 2007, Donnici vs Il-Parlament Ewropew (T‑215/07R, Ġabra p. II-4673) u ssospenda l-eżekuzzjoni tad-deċiżjoni kkontestata.
3 Permezz ta’ rikors ippreżentat fir-reġistru tal-Qorti tal-Ġustizzja fid-9 ta’ Awwissu 2007, irreġistrat bir-referenza C‑393/07, ir-Repubblika Taljana għamlet talba għall-annullament tad-deċiżjoni kkontestata.
4 Skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 54 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, meta quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza jinġiebu kawżi fejn ikun qed jintalab l-istess rimedju, fejn titqajjem l-istess kwistjoni ta’ interpretazzjoni jew jitqajjem dubju dwar il-validità ta’ l-istess att, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’, wara li tkun semgħet il-partijiet, twaqqaf il-proċedimenti sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tat sentenza, jew, fejn l-azzjoni titressaq skond l-Artikolu 230 tat-Trattat KE, ma taċċettax il-ġurisdizzjoni biex hekk il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi dwar dawn ir-rikorsi. Fl-istess ċirkustanzi, il-Qorti tal-Ġustizzja tista’ wkoll tiddeċiedi li twaqqaf il-proċedimenti li jkun hemm quddiemha; f’dan il-każ il-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għandhom jitkomplew.
5 Fil-każ preżenti, ir-rikorsi ppreżentati quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja u l-Qorti tal-Prim’Istanza t-tnejn li huma għandhom bħala suġġett talba għall-annullament ta’ l-istess deċiżjoni.
6 Għandu jiġi rrilevat li l-Qorti tal-Ġustizzja ma ssospendietx il-proċedura li hemm quddiemha fil-kawża C‑393/07 b’applikazzjoni tat-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 54 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk hija l-Qorti tal-Prim’Istanza li għandha tiddeċiedi dwar il-possibbiltà ta’ sospensjoni tal-proċedura jew ta’ rinunzja tal-kompetenza f’din il-kawża.
7 Permezz ta’ ittra tar-reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-25 ta’ Ottubru 2007, il-partijiet ġew mistiedna, skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 54, jippreżentaw l-osservazzjonijiet tagħhom dwar il-possibbiltà ta’ rinunzja tal-kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, sabiex il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tista’ tiddeċiedi dwar iż-żewġ rikorsi ta’ annullament fl-istess ħin, jew dwar il-possibbiltà ta’ sospensjoni tal-proċedura pendenti quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tkun tat sentenza.
8 Il-Parlament wera li huwa kien favorevoli għal rinunzja tal-kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza, iżda min-naħa tiegħu, M. Donnici kien kontra kemm is-sospensjoni tal-proċedura kif ukoll ir-rinunzja tal-kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza u ħa pożizzjoni favur it-tkomplija tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, sabiex, skond huwa, jiġi żgurat ir-rispett tal-prinċipju ta’ l-eżami doppju u tal-kontradittorju.
9 F’dan ir-rigward għandu jiġi rrilevat li t-tieni paragrafu ta’ l-Artikolu 40 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja jeskludi d-dritt ta’ intervent minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi f’kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja bejn Stati Membri, minn naħa, u l-istituzzjonijiet tal-Komunitajiet min-naħa l-oħra. Għalhekk l-unika possibbiltà għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jressqu s-sottomissjonijiet u l-motivi tagħhom fil-kawżi li jikkonċernawhom hija billi jagħmlu huma stess, meta ammissibbli, rikors quddiem il-qorti kompetenti li juri l-pożizzjoni tagħhom (digrieti tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-16 ta’ Novembru 1998, Antillean Rice Mills vs Il-Kunsill, T‑41/97, Ġabra p. II‑4117, punt 6, u tas-16 ta’ Mejju 2003, Forum 187 vs Il-Kummissjoni, T‑140/03, Ġabra p. II‑2069, punt 7).
10 Sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja ma ssospendietx il-proċedura quddiemha fil-kawża C‑393/07 u sakemm huwa ammissibbli għall-Qorti tal-Prim’Istanza li tordna s-sospensjoni jew ir-rinunzja tal-kompetenza fil-kawża T‑215/07, huwa fl-interess ta’ l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja u tal-protezzjoni tad-drittijiet ta’ difiża tal-partijiet li, fl-evalwazzjoni ta’ rikors ippreżentat minn Stat Membru, il-qorti kompetenti tkun tista’ tqis is-sottomissjonijiet u l-motivi differenti fil-fatt u fid-dritt invokati mill-persuni fiżiċi jew ġuridiċi sabiex isaħħu t-talbiet tagħhom għall-annullament ta’ l-istess att.
11 F’dan il-każ, is-sospensjoni tal-proċedura quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza sakemm il-Qorti tal-Ġustizzja tiddeċiedi dwar id-deċiżjoni kkontestata ma tippermettix lill-Qorti tal-Ġustizzja teżamina s-sottomissjonijiet u l-motivi invokati minn M. Donnici sabiex isaħħaħ it-talba tiegħu għall-annullament ta’ l-istess att.
12 Għaldaqstant, skond it-tielet paragrafu ta’ l-Artikolu 54 ta’ l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-Artikolu 80 tar-Regolamenti tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, għandha tiġi ordnata r-rinunzja tal-kompetenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza favur il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex din ta’ l-aħħar tkun tista’ tiddeċiedi t-talba għal annullament.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (It-Tielet Awla)
tordna
1) Il-Qorti tal-Prim’Istanza tirrinunzja għall-kompetenza li tieħu konjizzjoni tal-kawża T‑215/07 favur il-Qorti tal-Ġustizzja, sabiex din ta’ l-aħħar tkun tista’ tiddeċiedi t-talba għal annullament.
2) L-ispejjeż huma rriżervati.
Il-Lussemburgu, 13 ta’ Diċembru 2007.
E. Coulon
J. Azizi
Reġistratur
President
* Lingwa tal-kawża: it-Taljan.
Full & Egal Universal Law Academy