DIGRIET TAL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)
15 ta’ Ottubru 2009 ( *1 )
Fil-Kawża T-459/07,
Hangzhou Duralamp Electronics Co., Ltd, stabbilita f’Hangzhou (iċ-Ċina), irrappreżentata minn M. Gambardella u V. Villante, avukati,
rikorrenti,
vs
Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, irrappreżentat minn J.-P. Hix, bħala aġent, assistit minn G. Berrisch u G. Wolf, avukati
konvenut,
sostnut minn
Il-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej, irrappreżentata minn H. van Vliet u K. Talabér-Ritz, bħala aġenti,
Osram GmbH, stabbilita fi Munich (il-Ġermanja), irrappreżentata minn R. Bierwagen, avukat,
intervenjenti,
li għandu bħala suġġett talba għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1205/2007 tal-15 ta’ Ottubru 2007, li jimponi dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ lampi florexxenti kompatti elettroniċi u integrati (CFL-i) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 u li jestendi għall-importazzjonijiet tal-istess prodott mibgħuta mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, ir-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan u r-Repubblika tal-Filippini (ĠU L 272, p. 1),
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA TAL-KOMUNITAJIET EWROPEJ (Ir-Raba’ Awla),
komposta minn O. Czúcz, President, I. Labucka u K. O’Higgins (Relatur), Imħallfin,
Reġistratur: E. Coulon,
tagħti l-preżenti
Digriet
1
B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fis-17 ta’ Diċembru 2007, Hangzhou Duralamp Electronics Co., Ltd (iktar ’il quddiem “Hangzhou” jew ir-“rikorrenti”) ressqet din il-kawża, intiża għall-annullament tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1205/2007 tal-15 ta’ Ottubru 2007, li jimponi dazji antidumping fuq l-importazzjonijiet ta’ lampi florexxenti kompatti elettroniċi u integrati (CFL-i) li joriġinaw fir-Repubblika Popolari taċ-Ċina wara reviżjoni tal-iskadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 384/96 u li jestendi għall-importazzjonijiet tal-istess prodott mibgħuta mir-Repubblika Soċjalista tal-Vjetnam, ir-Repubblika Iżlamika tal-Pakistan u r-Repubblika tal-Filippini (ĠU L 272, p. 1, iktar ’il quddiem ir-“regolament ikkontestat”).
2
B’rikors ippreżentat fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-21 ta’ Diċembru 2007, Philips Lighting Poland S.A. u Philips Lighting BV ukoll ressqu kawża kontra l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea intiża għall-annullament tar-regolament ikkontestat (Kawża T-469/07).
3
B’digriet tal-President tar-Raba’Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-12 ta’ Ġunju 2008, Osram GmbH ġiet ammessa tintervjeni fil-preżenti kawża insostenn tat-talbiet tal-Kunsill. Osram ippreżentat in-nota ta’ intervent tagħha fid-9 ta’ Settembru 2008, li fuqha Hangzhou ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fl-24 ta’ Novembru 2008 (iktar ’il quddiem l-“osservazzjonijiet tal-24 ta’ Novembru 2008”).
4
B’digriet tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tad-9 ta’ Ottubru 2008, Hangzhou ġiet ammessa tintervjeni fil-kawża T-469/07 insostenn tat-talbiet ta’ Philips Lighting Poland u ta’ Philips Lighting. Skont l-Artikolu 116(2) tar-Regoli tal-Proċedura tal-Qorti tal-Prim’Istanza, ġew ikkomunikati lil Hangzhou l-atti proċedurali kollha nnotifikati lill-partijiet f’din il-kawża, fosthom ir-risposta ppreżentata mill-Kunsill fit-28 ta’ Marzu 2008.
5
Fl-aħħar frażi tal-punt 29 tal-osservazzjonijiet tal-24 ta’ Novembru 2008, Hangzhou, li kienet qed teżamina l-kwistjoni tal-“industrija Komunitarja”, tindika:
“Għall-benefiċċju tad-diskussjoni fuq dan il-punt, ir-rikorrenti tqis li jkun iktar xieraq li jsir riferiment għad-deskrizzjoni tal-industrija Komunitarja mogħtija [mill-Kunsill] fil-punti 27 sa 29 tar-risposta tiegħu fil-[kawża T-469/07] (Anness J 3), fejn [il-Kunsill] wasal għal konklużjoni differenti minn dik [ta’ Osram].”
6
B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-15 ta’ Jannar 2009, il-Kunsill talab li l-frażi msemmija fil-punt preċedenti kif ukoll l-Anness J 3 li tirreferi għalih, jiġifieri r-risposta li huwa kien ippreżenta fil-kawża T-469/07, jitneħħew mill-proċess ta’ din il-kawża. Insostenn tat-talba tiegħu, il-Kunsill josserva li Hangzhou wettqet abbuż proċedurali billi użat, mingħajr ma ġiet awtorizzata, l-imsemmija risposta “għal finijiet differenti minn dawk tal-proċedura relattiva għall-[kawża T-469/07]”. Il-Kunsill jirrileva li din l-aħħar kawża u l-kawża preżenti ma ġewx magħquda, u li hija ġurisprudenza stabbilita li l-partijiet igawdu minn protezzjoni kontra l-użu mhux xieraq tal-atti tal-proċess.
7
B’ittra ppreżentata fir-Reġistru tal-Qorti tal-Prim’Istanza fil-11 ta’ Frar 2009, Hangzhou ppreżentat l-osservazzjonijiet tagħha fuq din it-talba. Essenzjalment, hija tqis li din it-talba hija infondata, u li ma jistax jiġi lmentat li hija wetqet abbuż proċedurali. B’mod iktar partikolari, fir-rigward ta’ dan l-aħħar punt, hija tenfasizza li hija ġiet ammessa sabiex tintervjeni fil-kawża T-469/07, li għandha l-istess suġġett bħall-kawża preżenti, u li minħabba f’hekk, hija kellha legalment aċċess għall-atti tal-proċess ippreżentati f’din il-kawża, fosthom ir-risposta inkwistjoni. Hija tippretendi wkoll li, jekk tiġi milqugħa t-talba tal-Kunsill, hija ma jkollhiex il-possibbiltà li tindika lill-Qorti tal-Prim’Istanza l-fatt li, f’kawża parallela pendenti fejn hija tidher bħala parti intervenjenti, il-Kunsill jinvoka “pożizzjoni eżattament opposta fir-rigward ta’ kwitjoni ferm importanti ta’ dritt u ta’ fatt”.
8
Għandu jiġi eżaminat, fuq il-bażi tal-Artikolu 114(1) tar-Regoli tal-Proċedura, jekk it-talba għat-tħassir mill-proċess tal-aħħar frażi tal-punt 29 tal-osservazzjonijiet tal-24 ta’ Novembru 2008, kif ukoll it-talba għall-irtirar mill-proċess tal-Anness J 3 ta’ dawn l-osservazzjonijiet humiex iġġustifikati. Abbażi ta’ din id-dispożizzjoni, jekk parti titlob hekk, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’ tiddeċiedi fuq kwistjonijiet proċedurali mingħajr ma tidħol fil-mertu. B’mod konformi mal-paragrafu 3 tal-istess Artikolu, il-proċeduri dwar it-talba għandhom jitkomplew oralment sakemm il-Qorti tal-Prim’Istanza ma tiddeċidix mod ieħor. F’dan il-każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tqis li l-atti tal-proċess jipprovdulha biżżejjed informazzjoni, u li m’hemmx lok għalfejn jingħata bidu għall-proċedura orali.
9
Fl-ewwel lok, fir-rigward tat-talba tal-Kunsill intiża sabiex l-Anness J 3 tal-osservazzjonijiet tal-24 ta’ Novembru 2008 jiġi rtirat mill-proċess ta’ din il-kawża, din għandha tiġi milqugħa.
10
L-Anness J 3 huwa r-risposta ppreżentata mill-Kunsill fil-Kawża T-469/07 u ġie kkomunikat lil Hangzhou, fil-kuntest tal-istess kawża, b’mod konformi mal-Artikolu 116(2) tar-Regoli tal-Proċedura. B’hekk, Hangzhou għandha l-intenzjoni li għall-finijiet tad-difiża tagħha f’din il-kawża, tuża att proċedurali li hija kellha aċċess għalih fil-kwalità tagħha bħala intervenjenti f’kawża oħra.
11
Dan il-metodu proċedurali ma jistax jiġi ammess.
12
F’dan ir-rigward, minn naħa, għandu jitfakkar li kull kawża mressqa quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza għandha l-proċess tagħha stess, li b’mod partikolari jkollu d-dokumenti u l-atti proċedurali ppreżentati mill-partijiet fil-kawża inkwistjoni, u li kull wieħed minn dawn il-proċessi huwa awtonomu kollu kemm hu. Dan l-aħħar punt huwa spjegat mill-Artikolu 5(5) tal-Istruzzjonijiet lir-Reġistratur tal-Qorti tal-Prim’Istanza, adottati fil-5 ta’ Lulju 2007 (ĠU L 232, p. 1), li jgħid li “[l]-atti ta’ proċedura f’kawża, imqegħda fl-inkartament ta’ din ta’ l-aħħar, ma jistgħux jittieħdu in kunsiderazzjoni sabiex titħejja kawża oħra”.
13
Min-naħa l-oħra, għandu jiġi rrilevat li hija ġurispudenza stabbilita li, abbażi tal-liġijiet li jirregolaw it-trattament tal-kawża quddiem il-Qorti tal-Prim’Istanza, il-partijiet jibbenefikaw minn protezzjoni kontra l-użu mhux xieraq tal-atti proċedurali u li, għaldaqstant, il-partijiet f’kawża, prinċipali jew intervenjenti, ma għandhomx id-dritt li jużaw l-atti proċedurali tal-partijiet l-oħra li jkunu ngħataw aċċess għalihom biss għall-finijiet tad-difiża tal-argumenti tagħhom stess fil-kuntest tal-każwa msemmija (ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti tal-Prim’Istanza tas-17 ta’ Ġunju 1998, Svenska Journalistförbundet vs Il-Kunsill, T-174/95, Ġabra p. II-2289, punti 135 u 137; digrieti tal-President tal-Ħames Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-28 ta’ April 1999, Van Parys et vs Il-Kummissjoni, T-11/99 R, Ġabra p. II-1355, punt 22; tal-President tal-Ewwel Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tal-5 ta’ Awwissu 2003, Glaxo Wellcome vs Il-Kummissjoni, T-168/01, Ġabra p. II-2969, punt 28, u tal-President tar-Raba’ Awla tal-Qorti tal-Prim’Istanza tat-22 ta’ Frar 2005, Hynix Semiconductor vs Il-Kunsill, T-383/03, Ġabra p. II-621, punt 47).
14
Ċertament, hija ġurisprudenza stabbilita li, ħlief għal każijiet eċċezzjonali fejn l-iżvelar ta’ dokument jista’ jippreġudika l-amministrazzjoni tajba tal-ġustizzja, il-partijiet f’kawża huma liberi li jiżvelaw in-noti tagħhom lil terzi f’din il-kawża (digriet tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-3 ta’ April 2000, Il-Ġermanja vs Il-Parlament u Il-Kunsill, C-376/98, Ġabra p. I-2247, punt 10). Bl-istess mod, parti f’kawża tista’, taħt l-istess riżerva, tippermetti li nota li hija tkun ippreżentat fil-kuntest ta’ din il-kawża tintuża minn parti oħra għal din il-kawża fil-kuntest ta’ kawża oħra. Madankollu, f’dan il-każ, huwa stabbilit li Hangzhou lanqas biss talbet lill-Kunsill l-awtorizzazzjoni sabiex tuża fil-kuntest ta’ din il-kawża r-risposta li dan ippreżenta fil-kawża T-469/07.
15
Fl-aħħar nett, għandu jiġi rrilevat li f’kull każ, il-Qorti tal-Prim’Istanza tista’, jekk tikkunsidra li r-risposta inkwistjoni tista’ tkun utli għas-soluzzjoni ta’ din it-tilwima, tordna l-preżentata tagħha b’applikazzjoni tal-Artikolu 64(3)(d) jew tal-Artikolu 65(b) tar-Regoli tal-Proċedura tagħha.
16
Fit-tieni lok, min-naħa l-oħra, fir-rigward tat-talba għat-tħassir mill-proċess tal-aħħar frażi tal-punt 29 tal-osservazzjonijiet tal-24 ta’ Novembru 2008, din għandha tiġi miċħuda fid-dawl tan-natura ferm ġenerali tal-affermazzjoni li għandha din il-frażi.
17
L-ispejjeż għandhom jiġu rriżervati.
Għal dawn il-motivi,
IL-QORTI TAL-PRIM’ISTANZA (Ir-Raba’ Awla)
tordna:
1)
Id-dokument ippreżentat minn Hangzhou Duralamp Electronics Co., Ltd fl-Anness J 3 tal-osservazzjonijiet tagħha fuq in-nota ta’ intervent ta’ Osram GmbH huwa rtirat mill-proċess tal-kawża.
2)
Il-kumplament tat-talba huwa miċħud.
3)
L-ispejjeż huma rriżervati.
Il-Lussemburgu, 15 ta’ Ottubru 2009.
E. Coulon
Reġistratur
O. Czúcz
President
( *1 ) Lingwa tal-kawża: l-Ingliż.
Full & Egal Universal Law Academy